Legislature:
Category:
Reset
Active:

Irmiġġi għad-dgħajjes

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm irmiġġi li bħalissa huma: (i) vakanti; (ii) sospiżi; (iii) taħt investigazzjoni; jew (iv) mhux qed jintużaw?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bħalissa hemm 509 irmiġġ jew post ta’ rbit li jinsabu rreġistrati bħala vakanti u amministrati mill-uffiċċju responsabbli mill-amministrazzjoni tal-irmiġġi ġewwa Malta. Madankollu, dan in-numru ma jirrappreżentax neċessarjament 509 irmiġġ li huma kollha disponibbli għal allokazzjoni immedjata, peress li matul is-snin ċertu numru ta’ irmiġġi jew permessi ma baqgħux utilizzabbli jew intilfu minħabba ċaqliq, tibdil u tkabbir fid-daqs tal-bastimenti, xogħlijiet u interventi fl-inħawi rispettivi, kif ukoll ċirkostanzi operattivi oħra. F’ċerti każijiet, sabiex dawn l-inħawi jkunu jistgħu jerġgħu jiġu utilizzati b’mod effiċjenti u sigur, ikun meħtieġ li jsiru proġetti ta’ riorganizzazzjoni qabel ma jkunu jistgħu jinħolqu jew jerġgħu jiġu allokati spazji għall-irmiġġ. Barra minn hekk, fejn ikun possibbli, l-Awtorità żżomm numru limitat ta’ irmiġġi vakanti bħala riżerva operattiva sabiex ikunu jistgħu jintużaw bħala alternattiva għal detenturi ta’ permessi eżistenti f’każijiet ta’ emerġenza jew meta jkun meħtieġ ċaqliq minħabba xogħlijiet, operazzjonijiet ġodda, riorganizzazzjoni ta’ żona, l-istabbiliment jew il-ħolqien ta’ fairways, jew ħtiġijiet operattivi oħra.

Irmiġġi għad-dgħajjes – Allokazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx persuni li għandhom aktar minn irmiġġ wieħed allokat lilhom jew lill-kumpaniji tagħhom?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi hemm persuni, kif ukoll kumpaniji, li għandhom aktar minn irmiġġ wieħed allokat f’isimhom, skont il-permessi u l-arranġamenti applikabbli.

Irmiġġi għad-dgħajjes – Allokazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew allokati rmiġġi ġodda matul Frar, Marzu, April u Mejju tal-2026 u skont liema kriterji saru dawn l-allokazzjonijiet?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi din ir-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.

Ir-Rabat, Malta - Triq Borg Olivier - Heavy vehicles

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex għadha ma ttieħdet l-ebda azzjoni biex jiġi infurzat li l-heavy vehicles ma jgħaddux minn Triq Borg Olivier, fir-Rabat, Malta, minkejja d-diversi mistoqsijiet li diġà saru dwar dan? Jista’ jgħid ukoll x’miżuri se jittieħdu sabiex jitnaqqsu l-inkonvenjenzi li qegħdin iġarrbu r-residenti ta’ din it-triq?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta twettaq rondi ta’ infurzar f’din iż-żona diversi drabi matul il-ġurnata. Barra minn hekk, f’konsultazzjoni mal-Kunsill Lokali, qiegħda tiġi evalwata soluzzjoni aktar permanenti sabiex jissaħħaħ l-infurzar u jitnaqqsu l-inkonvenjenzi f’din iż-żona.

Bus lanes ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il kilometru ta’ bus lanes ġodda ġew implimentati mill-2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-istudji li juru l-effett tagħhom?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, matul il-perjodu msemmi, ma ġewx implimentati bus lanes ġodda. Bħala parti mill-proġett Malta in Motion, l-istudji li qegħdin jitwettqu mill-kumpanija ARUP qegħdin jevalwaw il-ħtieġa u l-postijiet fejn jistgħu jiġu implimentati bus lanes ġodda.

Traffiku – Impatt ekonomiku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’azzjonijiet konkreti ttieħdu matul l-aħħar 12-il xahar biex it-traffiku ma jibqax jiswa lill-pajjiż madwar €67,000 kull minuta? Jista’ jgħid ukoll x'kien ir-riżultat ta’ dawn l-azzjonijiet?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi din ir-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.

Transport Malta u Malta Public Transport – KPIs

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-Key Performance Indicators (KPIs) uffiċjali li Transport Malta u Malta Public Transport huma obbligati jilħqu kull sena? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tagħhom?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-kuntratt ta’ konċessjoni għall-għoti tas-servizz tat-trasport pubbliku bejn Transport Malta u Malta Public Transport tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra fis-17 ta’ Frar 2016, fis-Seduta 358 tat-XII il-leġislatura.

Transport Malta – Konsulenzi

Question

Jista’ l-Ministru jagħti dettalji, f'tabella, ta’ konsulenzi (inklużi periti, avukati u nutara) li tqabbdu jagħtu servizz lil Transport Malta mill-2020 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, inkluż dettalji tal-valur li tħallsu individwalment?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi din ir-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.

Skrappjar ta’ vetturi elettriċi

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1185 u jgħid x'inhu l-proċess jew proċessi f'pajjiżna biex wieħed jiddisponi/jiskrappja vettura elettrika? Jista’ jgħid ukoll xi ħlasijiet tinvolvi, liema awtoritajiet huma konċernati u jekk hemmx xi forma ta' riċiklar/esportazzjoni tal-partijiet li jikkomponuha?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li biex wieħed jiddisponi minn/jiskrappja vettura (inkluż vettura elettrika), tali vettura għandha tittieħed ġewwa faċilitajiet li jkollhom permess mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA). L-istess faċilità toħroġ Ċertifikat ta’ Distruzzjoni (Certificate of Destruction – CoD) lil sid il-vettura, biex dan ikun jista’ jwaqqaf ir-reġistrazzjoni tal-vettura ma’ Transport Malta (TM).  Ladarba vettura tiġi żarmata, l-faċilità mbagħad ikollha l-obbligu li tirriċikla l-materjal billi tesporta dirett jew tibgħat l-iskart ġenerat lil faċilitajiet oħra lokali. Il-piż finanzjarju biex tiġi żmantellata vettura għandu jinġarr minn min ikun poġġa l-vettura fuq is-suq oriġinarjament. Dan is-settur huwa regolat skont il-provvedimenti ta’ LS 549.36, Regolamenti dwar l-Immaniġġar ta’ Skart (Vetturi fi Tmiem Żmienhom) li l-awtoritajiet kompetenti tagħhom huma konġuntament, l-ERA, TM u MCCCA. Fil-każ ta’ vetturi li jikkontejnu batteriji, tali batteriji huma wkoll regolati permezz tal-provvedimenti tal-LS 549.178, Regolamenti dwar Maniġġar ta’ Skart (Skart ta' Batteriji), li l-awtorità kompetenti tagħha hija l-ERA.

Swimming zones

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 514 u jgħid kif jiġu stabbiliti s-swimming zones? Jista’ jgħid ukoll x’inhi l-proċedura biex bajja tiġi inkluża bħala swimming zone?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ż-żoni tal-għawm jiġu stabbiliti wara talbiet li jistgħu jitressqu minn entitajiet bħall kunsilli lokali, entitajiet kummerċjali jew mill-pubbliku.

Il-Belt Valletta u l-Imġarr, Għawdex – Terminals tal-fast ferry

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 450 u jgħid meta huwa ppjanat illi jitlesta t-terminal tal-fast ferry fil-Belt Valletta u kif wkoll jindika jekk hemmx pjanijiet sabiex isir l-investiment neċessarju fit-terminal tal-fast ferry fl-Imġarr, Għawdex?

Response (BONETT, CHRIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għall-Mistoqsija Parlamentari 1448. Fir-rigward tat-Terminal 1 tal-fast ferry fl-Imġarr, Għawdex, ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa għaddejjin ix-xogħlijiet relatati mal-pedamenti għall-kolonni tal-canopies il-ġodda. Minħabba l-influss sostanzjali ta’ persuni li jkun hemm fl-Imġarr matul il-ġimgħa tal-festa ta’ Santa Marija, ix-xogħlijiet se jiġu temporanjament sospiżi matul dan il-perjodu u sussegwentement jitkomplew bil-għan li jitlestew sa Settembru 2026.

Ministeru għall-Mobbiltà Sostenibbli – Użu tal-Intelliġenza Artifiċjali – Linji gwida/politika adottata

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kwalunkwe linji gwida jew politika adottata dwar l-użu tal-Intelliġenza Artifiċjali fi ħdan il-Ministeru u l-entitajiet tiegħu?

Response (BONETT, CHRIS)

Nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi għar-risposta tal-Mistoqsija Parlamentari Nru 726.

Irmiġġi tad-dgħajjes – Listi ta’ stennija

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-postijiet pubbliċi fejn hemm waiting list għal irmiġġi u kemm hemm persuni jistennew għal kull lokalità?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi din ir-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.

Irmiġġi reġistrati għal dgħajjes u bastimenti żgħar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm irmiġġi reġistrati għal dgħajjes u bastimenti żgħar madwar Malta u Għawdex, maqsuma skont kull marina jew żona?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li hemm 7,680 irmiġġ irreġistrat f’Malta u 367 irmiġġ irreġistrat f’Għawdex.

Trasport privat – ħruġ ta’ permessi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx intenzjoni li tkun riveduta s-sistema preżenti tal-ħruġ tal-permessi għal taxis u Y-plates sabiex ikun assigurat aktar bilanċ u sostenibbiltà fis-settur tat-trasport privat?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bħalma diġa’ esprimejt fil-pubbliku, dan il-Gvern jemmen bis-sħiħ fil-politika tiegħu favur mezzi alternattivi ta’ mobbiltà. Is-settur tat-taxis u l-Y-plates huwa wieħed minn dawn il-pilastri kruċjali, u r-riforma li qiegħda ssir fis-settur turi kemm dan il-Gvern jemmen f’dawn is-servizzi. Il-Ministeru u l-Awtorità għat-Trasport f’Malta ser ikomplu jsegwu l-progress li qed jagħmel is-settur u ser jibqaw jikkonsultaw ma’ dawk fis-settur li għandhom rieda tajba, u li verament jixtiequ jaraw progress, kif ukoll bl-użu tad-data disponibbli u biex dan is-settur dejjem jibqa’ jitjieb b’mod proporzjonat u trasparenti.

Taxis u Y-plates – Permessi – Dħul

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu d-dħul tal-Gvern minn applikazzjonijiet, miżati annwali, u mit-tiġdid ta’ permessi relatati ma’ taxis u Y-plates?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, matul l-2025, id-dħul totali minn applikazzjonijiet, miżati annwali u tiġdid ta’ permessi relatati mat-taxis u mal-Y-plates kien jammonta għal €859,725.