Legislature:
Category:
Reset
Active:

Liġi tal-Kompetizzjoni — ksur tal-liġi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il każ, dwar allegat ksur tal-Liġi tal-Kompetizzjoni, hemm pendenti quddiem l-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni fi ħdan l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur, liema huma s-swieq li fihom qiegħda ssir invetigazzjoni u f’kull każ x’inhu l-allegat ksur ta’ liġi? Liema minnhom qed jiġu investigati taħt il-liġi tal-Kompetizzjoni qabel ma ġiet emendata u kemm minnhom qed jiġu investigati taħt il-Liġi tal-Kompetizzjoni hekk kif emendata permezz tal-Att VI tas-sena 2011? Jista' jgħid kemm-il deċiżjoni, rakkmandazzjoni u ittri ta’ gwida ġew maħruġa mill-awtorità tramite l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni, jekk ġewx impost multi amministrattivi u jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja mhux kunfidenzjali ta’ dawn id-deċiżjonijiet, rakkmandazzjonijiet u ittri ta’ gwida? Jista' jpoġġi wkoll fuq il-Mejda tal-Kamra kopja mhux kunfidenzjali tad-deċiżjonijiet u rakkmandazzjonijiet maħruġa s-sena l-oħra minn dak li kien l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni Ġusta li kien jifforma parti mid-Dipartiment tal-Konsumatur u tal-Kompetizzjoni?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ninsab infurmat illi sa l-4 t’April 2012, l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni kellu 33 każ li qegħdin jiġu investigati. Minn dawn, is-segwenti tlieta u għoxrin każ huma każijiet li infetħu qabel ma ġiet emendata l-liġi tal-Kompetizzjoni: · ħames każijiet fis-suq tal-kommunikazzjoni li qed jigu investigati taħt l-artikli 5 u 9 tal-Att dwar il-Kompetizzjoni (hawn aktar 'il quddiem imsejjaħ ‘l-Att’), · ħames każijiet fis-suq tat-trasport li qed jiġu investigati taħt l-artikli 5 u 9 tal-Att, · erbgħa fis-suq finanzjarju li qed jigu investigati taħt l-artiklu 9 tal-Att, · tliet każijiet fis-suq tal-enerġija li qed jiġu investigati taħt l-artikli 5 u 9 tal-Att, · tliet każijiet fis-settur tal-ambjent li qed jiġu investigati taħt l-artikli 5 u 9 tal-Att, · tnejn fis-suq tal-ikel li qed jiġu investigati taħt l-artikli 5 u 9 tal-Att, u · wieħed li jikkonċerna is-suq tal-assigurazzjoni li qed jigi investigat taħt l-artikli 5 u 9 tal-Att. Hemm ukoll is-segwenti għaxar każijiet li nfetħu wara li giet emendata l-ligi tal-Kompetizzjoni permezz tal-Att VI tas-sena 2011 fejn hemm: · żewġ każijiet fis-suq tal-kommunikazzjoni li qed jiġu investigati taħt l-artiklu 9 tal-Att, · tliet każijiet fis-suq tat-trasport li qed jiġu investigati taħt l-artikli 5 u 9 tal-Att, · każ fis-suq tal-parkeġġ li qed jiġi investigat taħt l-artiklu 9 tal-Att, · każ fis-suq tal- istationery li qed jiġi investigat taħt l-artiklu 9 tal-Att, · każ fis-suq tal-propjeta li qed jiġi investigat taħt l-artiklu 5 tal-Att, · każ fis-suq tal-edukazzjoni li qed jiġi investigat taħt l-artiklu 9 tal-Att; u · każ fis-suq tal-enerġija li qed jiġi investigat taħt l-artiklu 9 tal-Att. L-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni Ġusta meta kien jifforma parti mid-Dipartiment tal-Konsumatur u tal-Kompetizzjoni s-sena l-ohra kien ħareġ sitt deċiżżjonijiet kif ukoll ħareġ żewġ rapporti li ġew eżebiti quddiem il-Kummissjoni għall-Kummerċ Gust. Wara li l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni sar jagħmel parti mill-Awtorita’ Maltija għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur, l-Uffiċċju ħareġ ħames deċiżżjonijiet. Inħareġ ukoll rapport preliminari intensiv li gie mqieghed ghall-konsultazzjoni pubblika dwar is-suq tal-uniformijiet tal-iskejjel. Minn mindu giet stabbilita l-awtorità, apparti x-xogħol fuq l-investigazzjonijiet, sar ħafna xogħol iehor fuq liġijiet u advocacy. L-Uffiċċju offra ukoll varji pariri informali dwar l-applikazzjoni tal-ligi lil intraprizi. L-Uffiċċju qiegħed ukoll jieħu aktar sehem attiv fil-kamp Ewropew u internazzjonali permezz tal-parteċipazzjoni attiva tiegħu fil-European Competition Network u fl- OECD . L-Uffiċċju ma ħariġx ittri gwida għall-fatt li dan qatt ma ġie mitlub ittra gwida fuq kwistjoni ġdida minn xi intrapriża kif rikjest mill-ligi. L-Uffiċċju ma imponiex multi amministrattivi. L-Uffiċċju qed iqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ dawk id-deċiżżjonijiet li ġew ippubblikati.

Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumtaur — pjan ta’ ħidma

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjan ta’ ħidma tal-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumtaur u ta’ kull entità fi ħdan din l-awtorità kif ukoll tal-Kunsill għall-Affarijiet tal-Konsumatur għal matul is-sena 2012?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ninsab infurmat li l Pjan ta’ Ħidma ta’ 2012 qiegħed fuq l-Aġenda tal-Bord tal-Awtorità li sejjer jiltaqa’ fis-27 ta’ April. Kellu jkun diskuss fil-laqgħa ta’ Marzu imma peress li ħabtet mal-festa tad-Duluri kien hemm xi membri li xtaqu li titħassar. Dan irid ikun l-ewwel approvat mill-bord.

Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur — investigazzjoni rigward ix-xandir ta’ sports

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni fi ħdan l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur ikkonkludiex l-investigazzjoni rigward ix-xandir ta’ sports, partikolarment tal-football wara li din il-kwestjoni tqajment fis-sajf tal-2010? Jekk iva, jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja mhux kunfidenzjali ta’ tali deċiżjoni u jekk għadha ma gietx konkluża meta jaħseb li din se tiġi konkluża? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ilment sottomess?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ngħarraf lill-Onerevoli Interpellant illi l-Uffiċċju għall-Kompetizzoni fl-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur għadu għaddej bl-investigazzjonijiet fuq dan il-każ. Irrid ninforma lill-Onerevoli Interpellant illi dan il-każ, bħall-maġġor parti tal-każijiet li jiġu quddiem l-uffiċċju, jinvolvi apparti analiżi legali anki analiżi ekonomika kumplessa tas-suq biex wieħed jifhem l-implikazzjonijiet kummerċjali u l-impatt fuq il-konsumatur. Minħabba dan il-fattur, u anki għax l-Uffiċċju għandu rwol ta’ infurzar pubbliku b’ħafna każijiet ta’ prijorità differenti quddiemu, ma jkunx possibli li wieħed jipprova jiddetermina meta ser jiġi konkluż il-każ waqt li l-investigazzjoni tkun għadha għaddejja. Ilmenti mressqa quddiem l-Uffiċċju m’humiex soġġetti għall-pubblikazzjoni.

Bormla u l-Birgu — artijiet mhux mibnija tal-gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-artijiet li mhux mibnija u l-Gvern ta' Malta huwa s-sid u li jinsabu fil-konfini ta' Bormla u l-Birgu? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra s-site plan ta' kull sit?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li sabiex tinġabar l-informazzjoni mitluba, teħtieġ ħafna żmien u riżorsi u għaldaqstant minħabba xogħol ieħor li bħalissa għandu d-Dipartiment mhux possibli li tinġabar din l-informazzjoni. Madankollu jekk l-Onorevoli Interpellant irid informazzjoni fuq xi sit partikolari, jista' jindika dan is-sit u tingħatalu l-informazzjoni mitluba.

Kalkara, Xgħajra u Ħaż-Żabbar — artijiet mhux mibnija tal-gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-artijiet li mhux mibnija u l-Gvern ta' Malta huwa s-sid u li jinsabu fil-konfini tal-Kalkara, Xgħajra u Ħaż-Żabbar? Jista' jgħid jekk humiex fl-outside building scheme? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra s-site plan ta' kull sit?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li sabiex tinġabar l-informazzjoni mitluba, teħtieġ ħafna żmien u riżorsi u għaldaqstant minħabba xogħol ieħor li bħalissa għandu d-Dipartiment mhux possibli li tinġabar din l-informazzjoni. Madanakollu jekk l-Onorevoli Interpellant irid informazzjoni fuq xi sit partikolari, jista’ jindika dan is-sit u tingħatalu l-informazzjoni mitluba. Kemm il-darba jixtieq ikun jaf jekk l- areas mhux mibnija humiex barra miż-żona tal-iżvillupp nitolbu jressaq id-domanda tiegħu lill-Ministru responsabbli mill-Awtorità ta’ Malta għall-Iżvilupp u l-Ippjanar.

Ministeru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u Konsumatur — tqassim ta' fuljetti u materjal ieħor fid-djar

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm tqassmu fuljetti u materjal ieħor fid-djar matul l-aħħar sitt xhur? Jista' jagħti d-dettalji tal-materjal imqassam fid-djar, x'tip ta' karta intużat, fejn ġie stampat il-materjal, kemm sewa kull fuljett jew materjal li ntbagħat u jekk tqassamx bil-posta jew xi mezz ieħor? Jekk b'mezz ieħor, min qassamhom?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-Ministeru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u Konsumatur ma ppubblika l-ebda fuljett jew materjal ieħor kemm ilu mwaqqaf.

Każ ta' tiswijiet fuq binja

Question

B'referenza għal diversi ilmenti li jmorru lura ġimgħat sħaħ li waslu lid-dipartiment konċernat li dwarhom jafu l-persuni li d-dettalji tagħhom qed jintbagħtu separatament minħabba ħsarat fis-saqaf fejn anke tidher ix-xibka u hemm ir-riskju li jisfronda s-saqaf u jaqa' kollox fuq il-familji kkonċernati peress li wieħed mill-inkwilini ma jridx jagħmel it-tiswijiet meħtieġa, jista' l-Ministru jara dan il-każ?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Nitlob l-Onorevoli Interpellant sabiex iressaq din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat peress li l-binja msemmija taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Awtorità tad-Djar.

Ministeru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u Konsumatur — Xogħlijiet lill-Kumpanija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid mill-2004 sal-lum kemm ingħataw xogħlijiet lill-kumpaniji li isimhom qed jintbgħat separatament? Jista’ jagħti d-data u l-ammonti u jgħid jekk dawn ix-xogħlijiet ingħatawx b’tender jew direct order ?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ninsab infurmat illi l-kumpanija li jisimha Central Trading Co Ltd u li tindika liż-żewġ ismijiet imsemmija mill-Onorevoli Interpellant, ma ngħatat l-ebda xogħol mll-Ministeru Għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u Konsumatur minn mindu ġie mwaqqaf iktar kmieni din is-sena.

Ministeru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u Konsumatur — informazzjoni dwar l-impejgati

Question

Jista' l-Ministru jgħid, matul l-2011 kemm ħarġu applikazzjonijiet għal impjieg fid-dekasteru responsabbli mill-Ministru u kemm ġew impjegati, kemm abbażi ta' kuntratt definit jew indefinit? F'kull każ x'kien il-grad/nomenklatura ta' impjieg li ġew imħaddma fih?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Propretajiet li ġew mogħtija lura lis-sidien

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' dawk il-proprjetajiet inklużi d-daqs tagħhom li kienu dikjarati meħtieġa għal skop pubbliku u li ġew mogħtija lura lis-sidien kull sena f'dawn l-aħħar għaxar snin?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-propretajiet, inkluż id-daqs tagħhom li kienu dikjarati meħtieġa għal skop pubbliku u li ġew mogħtija lura lis-sidien mis-sena 2004 sa sena 2012. Ma kienx possibli li tingħata l-informazzjoni dwar is-snin qabel dawk imsemmija peress li din l-informazzjoni ma kienetx tinżamm f’record wieħed fid-Dipartiment.

Saluting Battery, Ġnien ta' Hastings u l-Barraka t'isfel — Kirjiet tal-postijiet

Question

Jista' l-Ministru jagħti d-dettalji tal-kirjiet li jeżistu għar-rigward tas-Saluting Battery, il-Ġnien ta' Hastings u l-Barraka t'isfel fil-Belt? Jista' jgħid kif ingħażlu l-kumpaniji li għandhom dritt esklussiv li jagħmlu liġijiet u funzjonijiet oħra f'dawn il-postijiet u kemm qiegħed iddaħħal il-gvern mill-flus li jitħallsu għal dawn l-attivitajiet?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ninsab infurmat illi s-Saluting Battery taqa’ taħt ir-responsabbiltà tas-Sovraintendenza tal-Wirt Kulturali, li min-naħa tiegħu, ittrasferixxa l-użu tiegħu lill-Fondazzjoni Wirt Artna permezz ta’ ‘guardianship deed’, filwaqt li l-Ġnien ta’ Hastings u l-Barrakka t’Isfel jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru tar-Riżorsi u Affarijiet Rurali.

Wied il-Għajn — żviluppi fuq is-sit tal-ex Jerma

Question

Jista' l-Ministru jinforma l-Kamra xi żviluppi kien hemm fuq is-sit tal-ex Jerma f'Wied il-Għajn?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ninsab infurmat illi s-sit li fuqha kien hemm mibnija il-Lukanda Jerma f’ Marsaskala għalkemm hija proprjetà tal-Gvern, però hija mogħtija b’ ċens perpetwu lil terzi u għalhekk il-gvern, li huwa biss id-direttarju, ma jidħolx fil-mertu ta’ xi żvilupp isir fuq din l-art.

Dipariment tal-Proprjetà tal-Gvern — Trasferiment ta' proprjetà

Question

B'refernza għall-mistoqsija parlamentari 32728, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' proprjetajiet li ġew trasferiti skont il-policies tad-Dipartiment tal-Proprjetà tal-Gvern lill-għaqdiet non-governattivi f'din il-leġislatura? jista' jgħid kull proprjetà għal liema skop ġiet trasferita u kemm ġew mitluba jħallsu?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

Propretajiet li ġew mogħtija lura lis-sidien

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 33347 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' dawk il-proprjetajiet inklużi d-daqs tagħhom li kienu dikjarati meħtieġa għal skop pubbliku u li ġew mogħtija lura lis-sidien kull sena f'dawn l-aħħar għaxar snin?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 33347.

Dipartiment tal-Artijiet — tweġiba għal ittra

Question

Jista' l-Ministru jara li d-Dipartiment tal-Artijiet jwieġeb l-ittra li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ninsab infurmat illi d-Dipartiment Proprjetà tal-Gvern qiegħed fil-proċess li jixtri l-art kollha li qegħda għand il-Gvern b’titlu ta’ Pussess u Użu jew Dominju pubbliku u li fuqha hemm residenzi mibnija. L-art akkwistata tiġi trasferita lil Awtorità tad-Djar permezz ta’ avviz legali. Wara, l-Awtorita’ tad-Djar tkun tista’ tbiegħ ir-residenzi attwali li hemm mibnija, lil inkwilini. Fil-każ indikat separatament, irid jingħad li l-art, li qegħda għand il-gvern b’titlu ta’ pussess u użu u li fuqha hemm mibnija r-residenza msemmija, għada ma ġietx akkwistata mill-Gvern. Għalhekk għalissa ma tistax tiġi mixtrija mir-residenti. Però, kif ingħad aktar il-fuq, għaddej eżerċizzju ntensiv biex tinxtara l-art kollha. Bħalissa għaddej ix-xogħol fuq l- area ta’ Bormla u għalhekk huwa previst li sa żmien sena ikun jista jsir it-trasferiment tal-art u konsegwentement il-bejgħ tar-residenza lil-persuni indikati.

Artijiet trasferiti lill-Awtorità tad-Djar

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 32116, jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' artijiet li ġew trasferiti lill-Awtorità tad-Djar bl-avviż legali 236/2011? Kemm għad fadal artijiet f'din iż-żona li jridu jgħaddu mingħand id-Dipartiment Proprjetà tal-Gvern lill-Awtorità tad-Djar? Meta mistenni jinħareġ l-avviż legali biex dan it-trasferiment isir u l-inkwilini jkunu jistgħu jimxu għall-kuntratt finali għall-akkwist tal-art?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ninsab infurmat li bis-saħħa tal-Avviż Legali LN 236/2011, 29 HOS plott f’Għajn Dwieli ġew trasferiti lill-Awtorità tad-Djar. Għoxrin (20) HOS plott ieħor qed jistennew il-pubblikazzjoni tal-Avviż Legali sabiex isir it-trasferiment lill-Awtorità tad-Djar. Tlettax (13) il-plott oħra ma jistgħux jiġu trasferiti peress li l-akkwist tal-art mil-Gvern għadu ma ġiex iffinalizzat. L-Avviżi Legali f’dawn il-każijiet jinħarġu mill-Awtorita’ tad-Djar. Irid jingħad ukoll li l-Gvern Ċentrali fl-2011 nefaq is-somma ta’ 3.3 miljun Ewro għall-akkwist ta’ dawn l-artijiet, sabiex dawn il-familji ma jibqgħux igħixu iktar fuq konvenju, iżda jsiru sidien ta’ djarhom.

Ministeru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u Konsumatur — Tnaqqis tal-Vot fil-Budget 2012

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm se jkun qed jonqos il-vot fil-Budget 2012 dedikat għall-Ospitalità u mill-vot għall-Konsulenzi li jaqgħu taħt id-dekasteru li tiegħu huwa responsabbli? Kemm kienu dawn l-ammonti għas sena 2011 u kemm kienu skont l-budget oriġinali għall-2012?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

Każ ta' inġustizzja ma' konsumatur

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ tal-individwu li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament fejn dan ħass li ma ġiex trattat tajjeb bħala konsumatur?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi s-Sur Magro kien ressaq ilment kontra kummerċjant lid-Dipartiment tal-Konsumaturi f’Jannar 2008. Billi nonostante l-intervent ta’ dan id-dipartiment ma ntlaħaqx ftehim bejn il-kummerċjant u s-Sur Magro, dan ta’ l-aħħar, ressaq il-każ tiegħu quddiem it-Tribunal għal Talbiet tal-Konsumaturi. It-Tribunal wara li sema’ iż-żewġ partijiet u eżamina r-rapport ippreżentat mill-espert tekniku imqabbad mit-Tribunal, iddeċieda il-każ billi ċaħad it-talba tas-Sur Magro. Id-deċiżjoni tat-Tribunal ingħatat fil-21 ta’ Jannar 2009, liema deċiżjoni setgħet tiġi appellata. Qed nippreżenta kopja tad-deċiżjoni tat-Tribunal għal Talbiet tal-Konsumaturi.

Ministeru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u Konsumatur — remunerazzjonijiet ta' chairpersons

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm tħallsu remunerazzjonijiet ta' chairpersons u membri ta' bordijiet f'din l-aħħar sena (mil-2011 sal-lum) kull bord separatament u jgħid min huma dawn iċ-chairpersons u membri?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.

Ministeru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u Konsumatur — Xogħlijiet lill-Kumpanija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid mill-2004 sal-lum kemm ingħataw xogħlijiet lill-kumpaniji li isimhom qed jintbgħat separatament? Jista’ jagħti d-data u l-ammonti u jgħid jekk dawn ix-xogħlijiet ingħatawx b’tender jew direct order ?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.