Protezzjoni Ċivili – żvilupp ta’ sit f’Santa Venera
Question
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk is-Sezzjoni tal-Protezzjoni Ċivili għadhiex bil-ħsieb li tiżviluppa s-sit f'Santa Venera fid-dawl tal-aħbar ta' ftit tal-jiem ilu li ser tkun qiegħda tiżviluppa Ċentru fil-Furjana?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat li d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili għadu għaddej bil-ħidma biex ikun żvillupat s-sit f' Santa Venera. Infurmat ukoll li s-sit li se jkun żviluppat fil-Furjana għandu xejriet u obbligi differenti mill-istazzjon ta’ Santa Venera.
Bajja tar-Rinella – infurzar tal-liġi u spezzjonijiet
Question
Jista’ l-Ministru jinsisti mal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi li jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħu biex jagħtu aktar attenzjoni u jagħmlu spezzjonijiet frekwenti fl-inħawi tal-Bajja ta’ Rinella u d-dintorni tagħha fil-Kalkara billi qed isiru diversi abbużi speċjalment tard mal-ġurnata wara nżul ix-xemx u li l-istess abbużi qed inkunu ta’ inkonvenjent għar-residenti?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat illi dwar it-talba tal-Onor. Interpellant il-Pulizija tad-distrett, tal-Community Policing u dawk tal-RIU, diġa jagħmlu diversi spezzjonijiet fl-inħawi tal-Bajja ta’ Rinella u d-dintorni tagħha fil-Kalkara, f’ħinijiet varji matul il-ġurnata, u bħal dejjem jiżdiedu fix-xhur tas-sajf. Infurmat ukoll li l-ispezzjonijiet ser jiżdiedu sabiex jiġi assigurat illi kull abbuż jiġi ddentifikat u jitneħħa kull inkonvenjent għar-residenti.
Vjaġġi ta' Trasport ta' Ikel u Xorb minn Malta għal-Libja
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 21350 u jagħti rendikont ta' kemm saru vjaġġi ta' trasport ta' ikel u xorb minn Malta lejn il-Libja bħala għajnuna umanitarja għal immigranti maqbuda fil-Libja minn nhar l-1 ta' Marzu 2020 sa nhar it-30 ta' April 2020? Jista' l-Ministru jgħid f'liema data sar kull wieħed minn dawn il-vjaġġi, jgħid l-isem u l-kunjom tal-persuna u/jew tal-kumpanija li ġiet inkarigata biex tikkordina u/jew torganizza kull wieħed minn dawn il-vjaġġi kif ukoll jgħid l-isem ta' kull bastiment li wettaq dawn il-vjaġġi?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat illi l-Ministeru għall-Intern, Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-liġi ma kienx involut f’ tali għajnuna umanitarja. Għaldaqstant nitlob lill-Onor Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 19567 u jgħid kemm kien in-numru ta' każijiet ta’ Victim Offender Mediation li saru kull sena sa mill-2017 fi ħdan is-Servizz ta’ Appoġġ għall-Vittmi fid-Dipartiment tal-Probation u l-Parole?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat illi sad-data li fiha qed titwieġeb din il-mistoqsija parlamentari kien hemm 8 każijiet relatati ma’ Victim Offender Mediation.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari numru 19750 u18282 u jgħid kemm kien in-numru ta' immigranti illegali li kienu ilhom Malta mill-2019 u li ġew rimpatrijati fit-12 ta' Jannar 2021, in-nazzjonalità tagħhom, fejn ġew irritornati u kemm kienet l-għajnuna finanzjarja mogħtija mill-Unjoni Ewropea għal din l-operazzjoni u jekk kienx hemm għajnuna oħra mill-Unjoni Ewropea sabiex din l-operazzjoni sseħħ? Jista' l-Ministru jagħti l-istess informazzjoni mitluba għat-titjiriet l-oħra ta' rimpatriju li saru wara d-data msemmija irrispettivament mid-data tal-wasla tar-rimpatrijati? Għala l-Ministru qed isibha daqshekk diffiċli biex jirrispondi din id-domanda jew jekk hux imbarazzat illi jippubliċizza l-għajnuna li ngħatat mill-Unjoni Ewropea sabiex din l-operazzjoni u operazzjonijiet simili jseħħu?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma lill-Onor Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.
Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi — persons of trust u positions of trust
Question
Jista’ l-Ministru jindika n-numru ta’ persons of trust u positions of trust li hemm f’kull entità fi ħdan il-Ministeru tiegħu, fil-ġurnata li fiha qed issir din l-interpellanza?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Nitlob lill-Onorevoli interpellant biex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija numru 20988.
San Pawl il-Baħar – żieda ta’ ronda tal-Pulizija fiż-żona tax-Xemxija
Question
Jista’ l-Ministru jara li tiżdied ir-ronda tal-pulizija fiż-Żona tax-Xemxija wara li fl-aħħar ġimgħat kienu rappurtati serqiet/jew attentati ta’ serqiet minn diversi residenzi u vetturi fix-Xemxija, limiti ta’ San Pawl il-Baħar?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat illi patrols fiż-żona ndikata mill-Onorevoli Interpellant u l-kumplament ta’ San Pawl il-Baħar, żdiedu ħafna kif sar f’lokalitajiet oħra, erba’ u għoxrin siegħa kuljum. Dawn il-patrols isiru mill-Pulizija tad-Distrett, kemm bil-mixi u anke bil-vetturi. Barra minhekk hemm wkoll ir-rondi kontinwi mill-Pulizija tal-komunitá, kif ukoll minn uffiċjali oħra mit-taqsimijiet tal-RIU u tat-traffiku.
San Pawl il-Baħar – passi u azzjonijiet fuq karozzi abbandunati
Question
Jista’ l-Ministru jara li jittieħdu l-passi u l-azzjonijiet meħtieġa sabiex karozzi abbandunati f’San Pawl il-Baħar primarjament fiż-Żoni tal-Qawra, Buġibba u x-Xemxija jitneħħew u dan anke wara numru ta’ rapporti li saru għal diversi drabi fl-għasses tal-Qawra u San Pawl il-Baħar?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat illi l-Pulizija Distrettwali regolarment tara li jittieħdu l-passi necessarji sabiex karozzi abbandunati f’San Pawl il-Baħar, primarjament fiż-żoni tal-Qawra, Buġibba u x-Xemxija, jitneħħew. Huma ser jzidu il-frekwenzi tal-ispezzjonijiet tagħhom sabiex din il-problema tkompli tiġi ndirtizzata.
Infurmat ukoll li l-Korp tal-Pulizija mhux l-unika entità responsabbli minn ġbir ta' vetturi abbandunati.
Third Country Nationals li daħlu illegalment f’pajjiżi tal-Unjoni Ewropea li mhux Malta
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 19753 u 18328 u ċioè jgħid kemm hawn Third Country Nationals fil-pajjiż li oriġinarjament kienu daħlu illegalment fl-Unjoni Ewropea f'xi pajjiż ieħor membru tal-Unjoni u mhux f'Malta? Jista' jagħti l-figuri ta' kemm kien hemm Third Country Nationals li ġew ritornati lejn il-pajjiżi membri l-oħra tal-Unjoni Ewropea fejn kienu daħlu oriġinarjament skont ir-regolamenti ta' Dublin mill-2010 'l hawn, sena b'sena? U kemm ġew ritornati lejn Malta skont l-istess regolamenti fl-istess perjodu?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Kif jaf l-Onorevoli interpellant, peress illi Malta hija parti miż-żona Schengen tal-Unjoni Ewropea u allura hemm moviment ħieles ta’ persuni li jivjaġġaw bejn l-Istati Membri, mhux possibbli li wieħed ikun jaf kemm hawn ċittadini ta’ pajjiżi terzi f’Malta li oriġinarjament kienu daħlu llegalment min xi pajjiż ieħor f’din iż-żona u mhux dirett f’dawn il-gżejjer.
Ir-Regolamenti ta' Dublin jikkonċernaw persuni li jkunu applikaw għall-ażil f'Malta meta pajjiżna ma jkunx l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina dik l-applikazzjoni. Dan ir-Regolament ma japplikax għal dawk il-persuni li diġa huma benefiċċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali f’Membru Stat tal-Unjoni Ewropea.
Ċittadini ta' pajjiżi terzi li ġew irritornati lejn Malta minn Stati Membri oħra tal-UE skont ir-regolamenti ta' Dublin kien hemm 2012 – 61, 2013 – 31, 2014 – 91, 2015 – 48, 2016 – 20, 2017 – 20, 2018 – 5, 2019 – 25, 2020 – 16.
Ċittadini ta' pajjiżi terzi li ġew irritornati lejn Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea fejn kienu daħlu oriġinarjament skont ir-regolamenti ta' Dublin kien hemm – 2012 – 6, 2013 – 5, 2014 – 2, 2015 – 5, 2016 – 22, 2017 – 6, 2018 – 25, 2019 – 10, 2020 – 23.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 21093 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar u l-mistoqsija parlamentari 20979 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Agrikoltura, Sajd, l-Ikel u Drittijiet tal-Annimali li issa ġiet riferuta lilu u ċjoè: Fid-dawl li diversi kollezzjonisti ta’ tajr ibbalzmat għandhom dan it-tajr ibbalzmat, u wara li snin ilu saru talbiet għand diversi entitajiet li skont iż-żmien kienu responsabbli mit-tagging ta’ dan it-tajr ibbalzmat u wara kull amestija li saret, saru l-verifikazzjonijiet, jista’ l-Ministru jgħid meta se jibdew isiru l-verifikazzjonijiet meħtieġa, sabiex ikunu jistgħu jiġu rregolati t-trasferimenti li ġew mitluba?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministru kkonċernat.
Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi — Kuntratti, direct orders, donazzjonijiet jew benefikati oħra lil Marigold Foundation u National Alliance for Rare Diseases Support
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 21137, jista’ l-Ministru jikkonferma li ma għandux idea ta’ kif intnefqu l-fondi pubbliċi li jammontaw għal aktar minn €7000?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma lill-Onorevoli interpellanta li l-mistoqsijiet li għamlet dwar is-suġġett kienu diġà sodisfaċentement imwieġba.
Vjaġġi ta' Trasport ta' Ikel u Xorb minn Malta għal-Libja
Question
Jista il-Ministru jagħti rendikont ta' kemm saru vjaġġi ta' trasport ta' ikel u xorb minn Malta lejn il-Libja bħala għajnuna umanitarja għal immigranti maqbuda fil-Libja minn nhar l-1 ta' Marzu 2020 sa nhar it-30 ta' April 2020? Jista' l-Ministru jgħid f'liema data sar kull wieħed minn dawn il-vjaġġi, jgħid l-isem u l-kunjom tal-persuna u/jew tal-kumpanija li ġiet inkarigata biex tikkordina u/jew torganizza kull wieħed minn dawn il-vjaġġi kif ukoll jgħid l-isem ta' kull bastiment li wettaq dawn il-vjaġġi?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma lill-Onor Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 20500 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm hawn barranin qed jistennew estradizzjoni lejn pajjiżhom? Jista’ jgħid lejn liema pajjiż se jkunu estraditi?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat illi bħalissa ma hawn l-ebda barrani li ġie deċiż ħati minn Qorti, li hu suġġett għal proceduri ta’ estradizzjoni u li qed jistenna li jiġi estradit lejn pajjiżu.
Rilokazzjoni ta’ refuġjati u persuni li ħaqqhom protezzjoni
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 20792 jgħid kemm ġew rilokati refuġjati u persuni li ħaqqhom protezzjoni fl-ewwel erba’ xhur tas-sena?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma lill-Onor Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 20828 li oriġinarjament saret lill-Ministru għas-Saħħa u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm ġew interdettjati persuni f’dawn l-aħħar 10 snin minħabba mard?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Nitlob lill-Onor Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.