Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat – Safar fuq xogħol uffiċjali

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il darba siefer barra mill-pajjiż fuq xogħol uffiċjali kull membru fil-Ministeru tagħha (inkluż hi bħala Ministru), xahar b’xahar, minn April 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Tista’ tgħid ukoll kemm intefqu flus bħala ‘hospitality’ mill-Ministeru tagħha f’kull mawra barra mill-pajjiż, fiex kienet tikkonsisti din l-ispiża f’hospitality, id-data ta’ meta ntefqu dawn il-flus u minn liema membru tal-Ministeru ntefqu dawn il-flus f’hospitality?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Nistieden lill-Onor. Interpellant jagħti ħarsa lejn il-“Manual on Transport and Travel Policies” li kopja tiegħu diġà tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra li jirregola l-arranġamenti ta’ vjaġġar, akkomodazzjoni barra l-pajjiż, delegazzjonijiet, u per diem allowances.

Żgħażagħ mhux verbali — Komunikazzjoni bis-sinjali

Question

Tista’ l-Ministru tikkonsidra li jiġu implimentati fl-iskejjel kollha madwar Malta mudelli effettivi ta’ komunikazzjoni bis-sinjali sabiex iż-żgħażagħ mhux verbali jkollhom din l-għodda bażika universali għad-dispożizzjoni tagħhom meta jiġu biex jitilqu mill-iskola?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Tneħħija ta’ għodod edukattivi/sistemi ta’ assistenza

Question

Tista’ l-Ministru tispjega għaliex tneħħew ċerti għodod edukattivi jew sistemi ta’ assistenza mingħajr konsultazzjoni minn qabel, bħal CLICKER 8, u ġew riattivati u installati mill-ġdid wara pressjoni li saret u wara li l-liċenzja ġiet irtirata għal diversi xhur mingħajr avviż?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Ċentri tar-Riżorsi — Taħriġ lit-Tuturi

Question

Tista’ l-Ministru tgħid liema investimenti speċifiċi fit-taħriġ professjonali għat-tuturi ffukat fuq l-istudenti saru matul dawn l-aħħar ħames snin, biex jiġi żgurat li Ċentru tar-Riżorsi bħal Ċentru tar-Riżorsi Guardian Angel ikun attraenti għall-professjonisti kwalifikati?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Ċentru tar-Riżorsi Guardian Angel — Servizzi ta’ Speech Therapy u Occupational Therapy

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’inhi r-raġuni li s-servizzi ta’ Speech Therapy u Occupational Therapy huma limitati jew ineżistenti fiċ-Ċentru tar-Riżorsi Guardian Angel?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Ċentru tar-Riżorsi Guardian Angel — Behavioural Therapist

Question

Tista’ l-Ministru tgħid għaliex iċ-Ċentru tar-Riżorsi Guardian Angel m’għandu l-ebda behavioural therapist minkejja li dan huwa servizz kruċjali għal dan il-post? Tista’ tgħid ukoll jekk hemmx xi pjanijiet imminenti biex jiġi reklutat imqar behavioural therapist wieħed?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Ċentru tar-Riżorsi Guardian Angel — Servizzi terapewtiċi

Question

Tista’ l-Ministru tikkonferma l-istatus tas-servizzi terapewtiċi u ta’ żvilupp fiċ-Ċentru tar-Riżorsi Guardian Angel, inkluż: i. Sensory Room; ii. Swimming Therapy; iii. Kamra u għalliem tal-Music Therapy; u iv. Hippotherapy u Pet Therapy? Tista’ tgħid ukoll għaliex dawn is-servizzi bħalissa huma irregolari, imnaqqsa, jew mhux disponibbli?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat –  Direct orders ta' inqas minn €5,000

Question

Tista’ l-Ministru tagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha matul Ġunju 2025?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 24477.

Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat – Ċitazzjonijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Ministeru tagħha qattx qala’ ċitazzjoni (traffic fine) minn April 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jekk fl-affermattiv, fuq liema karozza ħarġet tali ċitazzjoni, min kien qed isuq il-karozza u x’pożizzjoni għandu fil-Ministeru tagħha, kemm ammontaw fi flus dawn iċ-ċitazzjonijiet u minn min tħallsu dawn iċ-ċitazzjonijiet; jekk hux mill-persuna li għamlet il-kontravenzjoni jew minn fondi pubbliċi?

Response (FARRUGIA, JULIA)

L-Onor. Interpellant diġà staqsa dwar dan u tajtu tweġiba f’interpellanza parlamentari nru 23546 fejn irreferejtu għall-proċedura applikabbli.

Ċentru ta’ Riżorsi Edukattivi Dun Manwel Attard

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk humiex qegħdin jiġu kkunsidrati xi triqat alternattivi ta’ edukazzjoni u/jew ta’ żvilupp alternattivi, apparti minn placing fiċ-Ċentru ta’ Riżorsi Edukattivi Dun Manwel Attard (Wardija)? Jekk iva. tista’ tgħid ukoll: i. x’inhuma dawn l-alternattivi; ii. liema kriterji qed jintużaw għall-aċċess għalihom; u iii. kif se jiġu appoġġjati emozzjonalment, loġistikament, u finanzjarjament il-familji matul dan il-perjodu ta’ inċertezza u tranżizzjoni?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Żgħażagħ b’diżabilità intellettwali wara l-età ta’ 15-il sena

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’hemm ippjanat biex diversi żgħażagħ b’diżabilità intellettwali ma jibqgħux isofru minħabba li s-sistema preżenti ma tipprovdix appoġġ, viżjoni u progressjoni strutturata wara l-età ta’ 15-il sena, tant li xi wħud minnhom ilhom id-dar għal snin sħaħ minħabba dan in-nuqqas?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Ċentru tar-Riżorsi Guardian Angel — Appoġġ individwali

Question

Tista’ l-Ministru tgħid għaliex m’għadux jingħata appoġġ individwali fiċ-Ċentru tar-Riżorsi Guardian Angel, minkejja li dan l-appoġġ huwa rikjest fl-educational statements tal-istudenti?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Ċentru ta’ Riżorsi Edukattivi Dun Manwel Attard

Question

Tista’ l-Ministru tgħid liema kriterji qed jintużaw bħalissa mill-Bord biex jiddetermina l-aċċettazzjoni ta’ studenti fiċ-Ċentru ta’ Riżorsi Edukattivi Dun Manwel Attard (Wardija)? Tista’ tgħid ukoll jekk il-ġenituri ġewx infurmati b’dawn il-kriterji? Jekk le, għaliex ma ġewx infurmati jew ikkonsultati l-ġenituri dwar dawn il-kriterji jew dwar il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, meta fl-istess ħin qed jiġi inkoraġġit kumitat ta’ ħidma għal Parents in Action for Inclusive Education?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Studenti b’diżabilità intellettwali li jkunu se jitilqu mill-iskola

Question

Tista’ l-Ministeru tipprovdi aġġornament bil-miktub biex ikun iċċarat il-proċess ta’ placing għal studenti b’diżabilità intellettwali li jkunu se jitilqu mill-iskola?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Ċentru tar-Riżorsi Guardian Angel

Question

Tista’ l-Ministru tgħid fir-rigward taċ-Ċentru tar-Riżorsi Guardian Angel għalfejn ma ġewx imwieġba l-emails li ntbagħtu ripetutament, it-telefonati, u l-petizzjoni ffirmata minn aktar minn 1,000 membru tal-pubbliku fi tlett ijiem biss, li ntbagħtet fil-31 ta’ Mejju 2025?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat – Impjegati u Konsulenti

Question

Tista’ l-Ministru tgħid minn min hu kompost bħala impjegati u konsulenti l-Ministeru tagħha, f’liema skala tas-servizz pubbliku qiegħed is-salarju/paga tagħhom, x’inhu x-xogħol ta’ kull wieħed minn dawn l-impjegati/konsulent, xi kwalifiki edukattivi għandhom, f’każ ta’ Policy Consultant, Policy Co-ordinator u Advisor, x’inhi l-expertise tiegħu/tagħha u x’tip ta’ kuntratt għandu kull wieħed minn dawn l-impjegati (inkluż Policy Consultant, Policy Co-ordinator u Advisor)? X’allowances ( bħal disturbance allowance, Secretariat Allowance, Bonus for Overtime Worked, Communications Allowance, Fully-expensed mobile telephony, Free Telephony, Pre-Paid top-ups for telephony service, Internet Service, Car Allowance, Transport Allowance, Fuel Vouchers, Use of car-hired car, Use of government-owned car, Internet Key, Tablets, Laptops, Peripherals, Expertise Allowance, Disturbance Allowance, Shift Allowance, eċċ.) u perkaċċi oħra, kull wieħed minn dawn l-impjegati/konsulenti għandhom u għal kemm jammontaw fi flus (fejn applikabbli)? Tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratt li kull impjegat/konsulent tal-Ministeru għandu u li għadu fis-seħħ?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajtu f’interpellanza parlamentari kważi identika għal din bin-numru 23460.

Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat — Uffiċċju addizzjonali

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 23624, peress li bit-tieni uffiċċju qed nirreferi għall-post/binja li fih il-Ministru tiltaqa’ mal-kostitwenti tagħha, tista’ tgħid: (a) Kemm-il uffiċċju addizzjonali għandha barra l-binja uffiċjali tal-Ministeru tagħha u f'liema lokalità qiegħed/qegħdin? (b) Dawn l-uffiċini huma binjiet pubbliċi jew privati? (c) X'inhu l-użu ta' dawn l-uffiċini? (d) Kemm titħallas kera għal kull uffiċċju sena b'sena u jekk din titħallasx minn fondi pubbliċi jew fondi oħrajn? (e) Min hu l-benefiċjarju ta' din il-kera? (f) Minn x'ħin sa x'ħin u f'liema ġranet ikunu miftuħin dawn l-uffiċini? (g) Min jiftaħ dawn l-uffiċini u jara lin-nies, il-Ministru personalment jew persuni oħra għan-nom tagħha? (h) Jekk in-nies jarawhom persuni oħra għan-nom tagħha, dawn huma impjegati tal-Ministeru jew tal-Gvern?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Nittama li l-Onor. Interpellant jifhem bid-distinzjoni li hemm bejn uffiċċju Ministerjali u uffiċċju tal-kostitwenza. L-uffiċċju li fih naqdi d-dmirijiet Ministerjali tiegħi huwa f’Palazzo Francesco, 89, Triq Sir Ugo Mifsud, Lija, LJA 1056. Għar-rigward tal-uffiċċju tal-kostitwenza, dan huwa mħallas minn fondi privati, u mhux pubbliċi kif qed jipprova jimplika b’mod skorrett u qarrieqi l-Interpellant. Għalhekk mhux fil-mansjoni ta’ mistoqsija parlamentari.

Vettura li tintuża għall-persuni b’diżabilità — Arja kkundizzjonata

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’inhi r-raġuni għaliex il-vettura li d-dettalji tar-reġistrazzjoni tagħha qed jintbagħtu separatament, u li tintuża għat-trasport għall-persuni b’diżabilità, qed topera mingħajr arja kkundizzjonata li taħdem? Jista’ jgħid ukoll kemm ilha ma taħdimx l-arja kkundizzjonata u meta hemm il-ħsieb li jsiru t-tiswijiet neċessarji biex l-arja kkundizzjonata terġa’ tibda taħdem?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li d-dipartiment inkarigat mill-vetturi fi ħdan Aġenzija Sapport irċieva rapport li hemm diffikultajiet fis-sistema tal-arja kundizzjonata tal-vettura li għaliha saret referenza u ttieħdet azzjoni b’mod immedjat. Infurmata wkoll li b’mod immedjat ġie skedat appuntament għat-tiswija għall-ewwel data disponibbli.

Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat — Rigali u donazzjonijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 23750 fejn intqal li l-informazzjoni kienet għadha qed tinġabar, issa li għaddew ix-xhur, tista’ l-Ministru tgħid kemm tat rigali u/jew donazzjonijiet minn fondi pubbliċi, xahar b'xahar, minn April 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, fiex kien jikkonsisti kull rigal, kemm kien jiswa kull rigal u lil min tatu?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul l-2025 ma tajtx rigali u/jew donazzjonijiet minn fondi pubbliċi.