Legislature:
Category:
Reset
Active:

Baġit 2023 – investiment għal assistenti personali u għal independent community living

Question

Billi f'paġna 30 tad-Diskors tal-Baġit qed jingħad li matul l-2023 se jkun hemm investiment ta’ €4.2 miljun għal assistenti personali kif ukoll għal independent community living, tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar kif se jkunu qed jintefqu dawn il-flus, kif ukoll kemm se jkun hemm persuni li mistennija jibbenefikaw minn dawn in-nefqiet?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-fondi vvutati f'żewġ voti, is-Support Independent Community Living – 5594, u l-Personal Assistant Scheme – 5109, bl-ammont globali ta' €4.2 miljun. Dawn ser ikunu użati biex persuni li diġà qed jieħdu fondi min dawn l-iskemi biex jingaġġaw assistent personali jkompu jibbenefikaw minn din l-għajnuna finanzjarja b’allokazzjonijiet riveduti bħalma jsir kull sena, filwaqt li jintlaħqu wkoll applikanti ġodda. Hu mistenni li fl-2023 ser tkompli l-ħidma biex issir riforma fis-servizz tal-assistent personali u b’dan l-investiment ivvutat, hu stmat li jibbenefikaw madwar 370 persuna matul is-sena 2023.

Baġit 2023 — estensjoni minn fejn għaqdiet volontarji jkunu jistgħu joperaw

Question

Billi f'paġna 33 tad-Diskors tal-Baġit hemm referenza għal estensjoni minn fejn għaqdiet volontarji jkunu jistgħu joperaw, tista' l-Ministru tindika dwar fiex se jkunu jikkonsistu dawn l-ispazji miżjuda? Tista' tagħti tagħrif dwar kif il-kunċett ta' one stop shop se jkun jista' jiġi użat mill-għaqdiet volontarji?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li dwar l-estensjoni minn fejn għaqdiet volontarji jkunu jistgħu joperaw ser inkunu qedin jinfetħu żewġ Ċentri tal-Volontarjat oħra sabiex jiżdiedu ma dawk eżistenti ġewwa l-Belt Valletta; ir-Rabat, Malta; u x-Xewkija Għawdex. Dawn iż-żewġ Ċentri ser ikunu fir-Reġjun tal-Port u fir Reġjun tan-Nofs ta’ Malta. F’dawn iċ-Ċentri l-għaqdiet volontarji ser ikunu provduti bi spazju fejn jistgħu jiltaqgħu u jorganizzaw attivitajiet mal-membri tagħhom. Dawn iċ-Ċentri jintużaw ukoll sabiex isiru laqgħat ta’ informazzjoni u taħriġ għall-istess għaqdiet. Mis-sena li ġejja dawn iċ-Ċentri ser iservu wkoll bħala ‘one-stop-shop’ fejn l-għaqdiet u individwi jistgħu jingħataw informazzjoni u assistenza dwar kull aspett li jolqot lis-settur tal-volontarjat. Dawn il-‘one-stop-shops’ ser ikunu ko-ordinati b’kollaborazzjoni bejn il-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat u l-Kummissarju għas-Settur tal-Volontarjat. Fil-preżent qed issir analisi wkoll tad-diversi entitajiet regolatorji li b’xi mod jmissu magħhom l-għaqdiet biex jiġu identifikati dawk l-aspetti, fejn hu possibbli, jiġu simplifikati u l-għaqdiet gwidati.

Naxxar – Disability Hub

Question

Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 3528 u tagħti tagħrif dwar jekk id-disability hub fin-Naxxar, li suppost kellu jinfetaħ matul din is-sena, hux se jkun qed jinbena? Jekk iva, meta hu ppjanat li jitlesta x-xogħol fuq l-istess hub u meta hu mistenni li dan jibda jintuża? Jekk le, x'miżuri ħa jew se jieħu l-Gvern biex is-servizzi li kienu se jingħataw mill-istess hub xorta waħda jingħataw? Kemm kienu l-fondi allokati għal din il-binja fil-Baġit għal kull waħda mis-snin 2019, 2020, 2021, 2022 u 2023?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma l-onorevoli interpellant li kif kien rappurtat diversi drabi f’din il-kamra, dan l-proġett sab diversi intoppi, uħud ta’ natura legali kif ukoll instabu diversi skavi arkeoloġiċi li kellhom impatt fuq l-andament tiegħu. Filwaqt li oriġinarjament dan l-proġett kellu jinvolvi l-użu ta’ fondi Ewropej, minħabba r-raġunijiet msemmija aktar ‘l fuq, dawn il-fondi ma baqgħux disponibbli. Id-dettalji fuq l-allokazzjoni tal-fondi sena b’sena huma ppubblikati fl-estimi finanzjarji. L-impenn tal-Gvern li jkompli jinvesti fil-kwalità tal-ħajja ta’ persuni b’diżabiltà huwa wieħed qawwi u kontinwu. Dan jixhduh id-diversi inizjattivi bla preċedent li ġew varati matul is-snin inkluż fil-Budget hekk kif ppreżentat għas-sena 2023. Bl-istess impenn, il-Gvern ser jibqa’ kommess li jwettaq il-proġett relatat fin-Naxxar, li għalih ġew allokati €300,000 – l-ammont qed jirrapreżenta l-ispiża li l-Gvern ikkalkula li ser ikun qed jonfoq matul 2023. Dan l-ispazju ser ikun qed jiġbor u joffri diversi servizzi minn hub wieħed ċentrali. Bdejna wkoll konsultazzjoni mal-imsieħba relatati fis-settur, biex dan il-proġett ikun mhux biss jirrifletti l-bżonnijiet u l-isfidi ta’ llum il-ġurnata imma wkoll ikun jirrispetta l-principji tal-Konvenzjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilita’ tal-Ġnus Magħquda u l-iStrateġija Nazzjonali 2021-2030.

Day Centres għall-persuni b’diżabilità — investiment

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar l-investiment, inkluż rinovar u upgrading, li sar fid-day centres għall-persuni b'diżabilità matul l-2021 u l-2022 u kemm kien il-valur totali ta' dan l-investiment? Fejn sar tali investiment, fiex kien jikkonsisti u kemm kien il-valur ta' kull investiment? Kemm hu ppjanat li se jkun l-investiment simili għall-2023? Fejn hu ppjanat li jsir tali investiment, fiex inhu ppjanat li jkun jikkonsisti u kemm hu ppjanat li jkun il-valur ta' kull investiment?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Aġenzija Sapport, b’mod regolari tmexxi proġetti ta’ rinovar u tisbiħ fiċ-ċentri ta’ matul il-jum bħala parti mill-proġett ta’ modernizzar tal-istess ċentri f’Malta u Għawdex kif ukoll twettaq titjib fil-faċilitatjiet għad-dispożizzjoni tal-persuni b’diżabilità li jibbenefikaw mis-servizzi ta’ matul il-jum. Dettalji dwar xogħlijiet li saru matul l-2021 u l-2022 kfi ukoll dawk proġettati għas-sena 2023, huma mniżżla fil-lista li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. L-ispejjeż imniżżla għas-sena 2023 huma estimi.

Għaqdiet volontarji u sportivi – skema għal għajnuna finanzjarja

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru hux se jkollu skema/i fl-2023 li permezz tagħha/tagħhom għaqdiet volontarji u sportivi jistgħu jibbenefikaw minn għajnuna finanzjarja biex ikunu jistgħu jinvestu f'enerġija effiċjenti, pereżempju billi jistallaw apparat li jkun iktar energy efficient matul l-2023? Tista' tagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm tali skemi fl-2022 jew fis-snin preċedenti u jekk iva, kemm kien hemm għaqdiet li bbenefikaw minn tali skemi, kif ibbenefikaw u kemm kien l-ammont li fil-fatt intuża għal tali skemi?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Nitlob lil Onorevoli interpellant biex jaghmel il-mistoqsija lill-Ministeru ikkoncernat.

Baġit 2023 — Item 7475 REACH - Independent Living and Employment

Question

Tista' l-Ministru tgħid x’inhi r-raġuni għala f’Item 7475 REACH - Independent Living and Employment tal-estimi finanzjarji tal-Baġit għall-2023 kien hemm tnaqqis minn €4,000,000 (approved estimate 2022) għal €300,000 (estimate 2023)?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Nitlob lill-Onorevoli interpellant biex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija numru 3655.

Skejjel – kmamar/spazji għal tfal b’challenging behaviour

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru bediex jew hux ser jibda diskussjonijiet mal-Ministeru għall-Edukazzjoni biex fl-iskejjel tagħna jkun hemm spazji jew kmamar għal tfal li jiġu meqjusa li għandhom challenging behaviour bħall-awtiżmu sabiex dawn it-tfal ikunu jistgħu jingħataw l-attenzjoni neċessarja? Jekk iva, fiex waslu dawn id-diskussjonijiet? Tista' l-Ministru tinforma jekk fl-iskejjel ġewwa Malta u Għawdex jeżistux dawn il-kmamar/spazji? Jekk iva f'liema skejjel jeżistu dawn il-kmamar/spazji?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fl-iskejjel Primarji u Sekondarji huma mifruxa faċilitajiet u riżorsi biex jieħdu ħsieb studenti bi ħtiġijiet varji, inklużi dawk b’diffikultajiet bl-imġiba. F’numru ta’ skejjel twaqqfu wkoll Autism Units, b’faċilitajiet apposta għal tfal b’awtiżmu u oħrajn li jistgħu jibbenefikaw minn attenzjoni speċjalizzata individwali. Rigward il-mistoqsijiet l-oħra, nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex tagħmel il-mistoqsijiet lill-Ministru kkonċernat.

Day centres għal persuni b’diżabilità

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm huma u liema huma d-day centres għal persuni b'diżabilità? Minn dawn id-day centres liema huma dawk amministrati totalment mill-Gvern u liema huma dawk li l-Gvern joffri għajnuna biex dawn ikunu jistgħu jitħaddmu? Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar jekk hux mistenni li jkun hemm żieda fin-numru ta' dawn iċ-ċentri? Jekk iva kemm ser jiżdiedu u fejn hu mistenni li dawn jiżdiedu? Kemm hu n-numru ta' persuni b'diżabilità li jagħmlu użu minn kull wieħed minn dawn iċ-ċentri? Tista' l-Ministru tinforma kemm huma dawk il-persuni b'diżabilità li qegħdin fuq il-waiting list biex jidħlu f'wieħed minn dawn iċ-ċentri?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li f’Malta u Għawdex hawn 11-il Ċentru ta’ Matul il-Jum immexxija minn Aġenzija Sapport, l-Aġenzija Nazzjonali li toffri servizzi lil persuni b’diżabilità. Ċentru ieħor f’Għawdex hu mmexxi mill-Ministeru ta’ Għawdex. Hemm ukoll 4 ċentri / programmi ta’ matul il-jum oħra f’Malta offruti minn entitajiet non-governattivi jew privati. Dawn iċ-ċentri huma mħaddma wkoll bl-għajnuna tal-Gvern permezz ta’ ftehim mal-entitajiet konċernati. Aktar informazzjoni tinsab fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Imtarfa – Day Center – rinnovvar u estensjoni

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar liema xogħlijiet tlestew sa issa fir-rinnovvar u l-estensjoni tal-Imtarfa Day Centre għal persuni b'diżabilità? Sa issa kemm intefaq f'dan l-istess ċentru għal dawn ix-xogħlijiet? Kemm hu maħsub li jkun it-total valur tax-xogħlijiet li twettqu jew li ser jitwettqu matul l-2022? Liema xogħlijiet għadhom għaddejjin preżentement f'dan iċ-ċentru u meta hu mistenni li jitlesta dan ix-xogħol? Liema xogħol ieħor hu maħsub li jsir fl-istess ċentru u meta hu mistenni li jinbeda u jitlesta? Kemm hu maħsub li jkun il-valur totali tax-xogħlijiet li ser jitwettqu matul l-2023?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-proġett tal-Imtarfa wasal fil-proċess ta’ skavar, fejn dan tlesta fl-ewwel nofs ta’ din is-sena. Sa issa ntefqu €214,000. Fil-preżent ix-xogħol jinsab wieqaf sabiex jiġu diskussi pjanti ġodda għal dan is-sit fuq rakkomandazzjonijiet tas-Superintendent tal-Wirt Storiku wara li nstabu fdalijiet ta’ valur storiku fis-sit. Bħala parti mix-xogħlijiet hu pjanat li jittranġa ċint mal-periferija għal aktar sigurtà. Dan wasal fil-fażi tal-aġġudikar tat-tender. L-investiment mistenni jkun ta’ madwar €67,000. Xogħol ieħor ta’ rinovazzjoni f’partijiet oħra taċ-Ċentru baqgħu għaddejjin bħala parti mill-eżerċizzju ta’ modernizzar ta’ faċilitajiet fiċ-ċentri kollha ta’ matul il-jum.

Ħad-Dingli – proġett ta’ dar residenzjali għal persuni b’diżabilità adulti

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar f'liema stadju wasal il-proġett ta' dar residenzjali għal persuni b'diżabilità adulti f’Ħad-Dingli? Tista' tgħid kemm mill-baġit allokat għal din is-sena għal dan il-post intefaq matul l-2022? Tista' tgħid kemm hu maħsub li jkun il-valur tax-xogħlijiet li se jitwettqu matul l-2022? Kemm hu l-baġit allokat għal din is-sena għal dan il-post? X'inhi r-raġuni għad-diskrepanza bejn il-valur li kien budgeted għall-2022 u l-valur totali li fil-fatt hu maħsub li jkun intnefaq matul l-2022? X'inhuma x-xogħlijiet li huma maħsuba li jitwettqu f'dan il-proġett matul l-2023? Meta hu maħsub li jitlesta x-xogħol kollu hawnhekk?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-proġett ta’ dar residenzjali għal persuni b’diżabilità f’Ħad-Dingli wasal fil-fażi fejn ġew sottomessi l-pjanti lill-Awtorità tal-Ippjanar sabiex jiġu proċessati l-permessi meħtieġa. Wara, jibda l-abbozzar tat-tenders. Il-baġit allokat għal dan il-proġett għas-sena 2022 hu ta’ €1.5 miljun. Ix-xogħlijiet jibdew ladarba titlesta l-fażi tal-abbozzar, pubblikazzjoni u għotja tat-tenders. Matul l-2023 hu mistenna li jibda xogħol strutturali fuq il-binja. Ix-xogħol mistenni jieħu madwar 3 snin.

Special Olympics – għajnuna lil sportivi b’diżabilità

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar liema għajnuna speċifika, inkluż dik finanzjarja, tingħata lil dawk l-isportivi b'diżabilità (jew lill-ġenituri tagħhom) li jkunu qegħdin jippreparaw biex jieħdu sehem fl-iSpecial Olympics? Tista' tagħti tagħrif dwar liema għajnuna speċifika, inkluż dik finanzjarja, tingħata lil dawk l-isportivi b'diżabilità (jew lill-ġenituri tagħhom) li jkunu qegħdin jippreparaw biex jieħdu sehem fil-Paralympics?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Nitlob lil Onorevoli interpellant biex jaghmel il-mistoqsija lill-Ministeru ikkoncernat.

Diżabilità severa

Question

Tista' l-Ministru tispjega xi tfisser it-terminoloġija 'diżabilità severa'?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-definizzjoni ta’ diżabilità hi kif mogħtija fl-Att dwar il-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità, Kap. 627 tal-Liġijiet ta’ Malta, li daħlet fis-seħħ f’Malta fis-sena 2021, u li hi marbuta ma’ dak li tgħid il-Konvenzjoni f’Artiklu 1.

Għaqdiet volontarji — skemi/għotjiet/grants

Question

Tista’ l-Ministru tinforma lill-Kamra liema kienu dawk l-iskemi/għotjiet/grants li ġew offruti lill-għaqdiet volontarji minn dan il-Ministeru għall-2021 u għall-2022, b’mod separat u għal kull sena? Kemm kien il-valur allokat (budgeted) għal kull waħda minn dawn l-iskemi b’mod separat għall-2021 u l-2022? Kemm kien il-valur li fil-fatt ġie allokat għal kull waħda minn dawn l-iskemi u lil liema għaqda ġie allokat? Għall-2023, tista’ l-Ministru tinforma liema huma dawk l-iskemi/għotjiet/grants li hu ppjanat li jiġu offruti lill-għaqdiet volontarji minn dan il-Ministeru u kemm hu l-valur allokat (budgeted) għal kull waħda minn dawn l-iskemi?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Naxxar – Disability Hub

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar jekk id-disability hub fin-Naxxar, li suppost kellu jinfetaħ matul din is-sena, hux se jkun qed jinbena? Jekk iva, meta hu ppjanat li jitlesta x-xogħol fuq l-istess hub u meta hu mistenni li dan jibda jintuża? Jekk le, x'miżuri ħa jew se jieħu l-Gvern biex is-servizzi li kienu se jingħataw mill-istess hub xorta waħda jingħataw? Kemm kienu l-fondi allokati għal din il-binja fil-Baġit għal kull waħda mis-snin 2019, 2020, 2021, 2022 u 2023?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qiegħda tinġabar, għaldaqstant it-tweġiba se tingħata f’seduta oħra.

Taħriġ għal tfal b'diżabilità — postijiet alternattivi u ħinijiet

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 502 u tgħid jistgħux ikunu provduti postijiet alternattivi u ħinijiet ta’ taħriġ għal tfal b’diżabilità bħalma jeżisti għal kull sport ieħor biex b’hekk il-ġenituri li jkunu jridu jakkumpanjawhom ikollhom lok għal għażla u li jkun konvenjenti għalihom?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm ħidma inter-ministerjali għaddejja f’dan ir-rigward biex aktar faċilitajiet u gruppi tal-isports joffru postijiet u ħinijiet alternattivi ta’ taħriġ għal tfal b’diżabilità. Diversi assoċjazzjonijiet joffru taħriġ speċjalizzat fosthom Frame Football Malta u l-Malta Wheelchair Basketball Association. F’Settembru, The Malta Paralympic Committee flimkien ma’ The Malta Trust Foundation daħlu fi ftehim bi proġett ġdid fejn introduċew sport bħall-futsal, rowing u judo, fost sport ieħor lil tfal u żgħażagħ li huma neqsin mid-dawl. Kowċis ta’ għaqdiet volontarji differenti se jkunu qed jagħtu t-taħriġ neċessarju lil dawn il-persuni. Għall-bqija tal-informazzjoni, nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.

Households li jagħmlu użu minn aerial biex jaraw free-to-air

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hawn persuni f’Malta u Għawdex, u n-numru ta’ households, imqassma skont il-lokalità, li għadhom jagħmlu użu minn aerial biex jaraw l-istazzjonijiet lokali free-to-air?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Organizzazzjonijiet volontarji

Question

Tista’ l-Ministru tagħti tagħrif dwar kemm hemm organizzazzjonijiet volontarji reġistrati b’mod separat f’Malta u f’Għawdex? Tista’ taqsam dawn l-organizzazzjonijiet skont il-kategorija li fiha huma attivi, bħal pereżempju għaqdiet tal-isport, tal-banda, tal-festa, persuni b’diżabilità, eċċ.?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor Interpellant li f’Malta u Għawdex hawn total ta’ 1775 organizzazzjoni (1619 f’ Malta u 156 f’Għawdex) reġistrati mal-Uffiċċju tal-Kummissarju tal-Organizzazzjonijiet Volontarji. Fil-preżent l-uniku kategorizzazzjoni stabbilita fil-liġi hija maqsuma kif ġej: Kultura384 Edukazzjoni u Riċerka98 Saħħa Pubblika51 Servizzi Soċjali135 Avvanz tal-ħarsien u t-titjib tal-ambjent, inkluż il-ħarsien tal-annimali76 Żvilupp tal-komunità12 Promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, ir-riżoluzzjoni tal-konflitti, id-demokrazija u r-rikonċiljazzjoni144 Żvilupp Internazzjonali u Għajnuna Umanitarja66 Filantropija81 Organizzazzjonijiet ibbażati fuq il-fidi103 Organizzazzjonijiet professjonali111 Organizzazzjonijiet sportivi368 Rikreazzjoni29 Pjattaformi u federazzjonijiet4 Hemm 113 għad m’għandhomx klassifikazzjoni speċifika. Bħalissa, bħala parti mir-riforma li qed issir fis-settur qed issir analisi iktar dettaljata tal-għaqdiet li tħares lejn il-funzjoni u l-iskop tagħhom. Ir-rikonoxximent ta’ għaqdiet skont l-operat, il-format, il-mod li bih huma amministrati u l-ħidma tagħha hija importanti fit-tfassil tal-politika tas-settur u hija essenzjali biex nindirizzaw ir-riforma neċessarja. L-għaqdiet li jaħdmu jew jipprovdu servizzi lil persuni b’diżabilita huma 58 . Dawn jaqgħu taħt il-kategoriji ta’ saħħa pubblika, servizzi soċjali, promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, u filantropja. Dan ma jinkludix għaqdiet, bħal sportivi u kulturali, li fil-ħidma tagħhom jagħmlu wkoll xogħol li jibbenefikaw minnu persuni b’diżabilita, grazzi għall-fatt li jħaddnu policy ta’ inklussività fil-ħidma tagħhom fil-komunitajiet. Għaqdiet li huma b’xi mod marbuta mal- isport hemm 368. B’kollox hemm 94 għaqda li hija meqjusa bħala ‘Każin tal-Banda’ , għalkemm sal-lum m’hemmx kategorizzazzjoni speċifika għal dawn. L-istess jista’ jingħad għal-għaqdiet li b’xi mod jikkontribwixxu lejn l-aspetti tal-festi, bħal għaqdiet tal-armar, fratellanzi u għaqdiet tan-nar. It-total ta’ dawn l-għaqdiet huwa 68. Dawn jaqgħu f’kategoriji varji, fosthom kultura, rikreazzjoni u organizzazzjonijiet bbażati fuq fidi.

Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur — uffiċjali li ħadu sehem fi programm televiżiv

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 1634 u tgħid kemm sar ħlas, u d-data, mill-Ministeru u lil min, inkluż One TV u One Productions, mill-2017 sal-lum biex uffiċjali tal-Ministeru (inkluż il-Ministru) dehru/ħadu sehem fil-programm Espresso?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru u l-entitajiet li jaqgħu taħtu ta’ spiss jagħmlu materjal informattiv fuq il-midja kemm bħala reklamar, kif ukoll bħala slots informattivi. Dan bil-għan li l-pubbliku jkun mgħarraf bl-attivitajiet / inizjattivi li jittieħdu. B’referenza għal dak li qed jistaqsi dwaru l-Onor. Interpellant, it-tagħrif għall-perjodu mindu twaqqaf dan il-Ministeru f’Novembru 2020 hu kif ġej: ONE Productions (Espresso): €6,230.40.

Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) – talbiet biex issir investigazzjoni

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2290, tista’ l-Ministru tgħid: a. liema kienet l-entità li għamlet it-talba; u b. x’kien l-eżitu sussegwenti għat-talba li saret?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi b’referenza għat-tweġiba parlamentari 2290, it-talba sabiex l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni jinvestiga saret minni fit-2 ta’ Ġunju 2022 bħala l-Ministru responsabbli għall-affarijiet tal-kompetizzjoni u mhux minn xi entità. It-talba saret rigward it-tariffi mħabbra mill-kumpaniji tat-telekomunikazzjoni. L-investigazzjoni tal-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni għadha għaddejja. Wieħed ta’ min jirrimarka li wara sensiela ta’ laqgħat li kellu l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni mal-operaturi tas-settur bħala parti mill-investigazzjoni, f’Awwissu li għadda, il-kumpaniji tat-telekomunikazzjoni, kienu reġgħu naqqsu l-prezzijiet għal dawk il-konsumaturi li ma kinux iħallsu bid-direct debit sabiex dawn jibqgħu jħallsu l-istess ammont li kienu jħallsu qabel ma ġew introdotti t-tariffi l-ġodda.

Direttiva UE 2020/1828 — implimentazzjoni

Question

B’referenza għad-diversi mistoqsijiet dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva (UE) 2020/1828 diġà magħmula – inkluż mistoqsija parlamentari 1359 - tista’ l-Ministru tgħid x’ħidma saret s’issa, u b’mod partikolari jekk hux ser issir konsultazzjoni pubblika dwar il-miżuri leġiżlattivi li hemm bżonn li jsiru l-aktar meta wieħed iqis li din id-Direttiva tolqot mill-viċin l-interessi u d-drittijiet tal-konsumatur?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol rigward it-traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva qiegħed fi stadju avvanzat u l-konsultazzjoni pubblika għandha ssir fi żmien qarib.