Legislature:
Category:
Reset
Active:

Persuni ta’ nazzjonalità barranija reġistrati f’pajjiżna

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il persuna ta’ nazzjonalità barranija hawn f’kull lokalità, maqsuma skont il-pajjiż tal-oriġini, u kemm huma nisa u kemm huma irġiel?

Response (CARUANA, CLYDE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

San Pawl il-Baħar – ċittadini ta’ pajjiżi terzi li għandhom permess għal negozju

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ċittadini ta’ pajjiżi terzi li għandhom permess għal negozju f’San Pawl il-Baħar?

Response (CARUANA, CLYDE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministru kkonċernat.

Kontestazzjonijiet ta’ penaltijiet amministattivi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid sena b’sena mill-2020 s’issa, kienx hemm kontestazzjonijiet ta’ penaltijiet amministrattivi (irrespettivament tal-mod kid deskritti) li ma jeċċedux il-€5,000 imposti mill-Korp għall-Analisi ta’ Informazzjoni Finanzjarja (FIAU) a tenur tal-poteri tagħha skont l-Att dwar il-Money Laundering, Kap 373, u jekk hemm, jista’ jgħid, f’kull każ, x’kien l-eżitu?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi mill-2020 s’issa, ma kienx hemm kontestazzjonijiet ta’ penaltijiet amministrattivi (irrespettivament tal-mod kif deskritti), imposti mill-Korp għall-Analiżi ta’ Informazzjoni Finanzjarja (FIAU), a tenur tal-poteri tagħha skont l-Att dwar il-Money Laundering, Kap 373, li ma jeċċedux il-€5,000.

Spiża tal-Gvern b'rabta ma' arbitraġġ internazzjonali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm tħallsu flus s’issa fi spejjeż legali, eċċ. mill-Gvern Malti fl-arbitraġġ internazzjonali li fetaħ kontra Malta s-sid tal-Bank Pilatus?

Response (CARUANA, CLYDE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Baġit 2023 – miżuri mhux imwettqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-miżuri/punti li ma twettqux s’issa, mill-baġit ippreżentat is-sena li għaddiet?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont prattika li ġiet introdotta għaxar snin snin ilu, ser jinħareġ rapport fejn jingħata rendikont dwar it-twettiq tal-mizuri li jkunu tħabbru fil-baġit tas-sena preċedenti.

Persuni ta’ nazzjonalità barranija reġistrati f’pajjiżna

Question

Jista’ l-Ministru jelenka n-numru ta’ persuni ta’ nazzjonalità barranija li hawn reġistrati f’pajjiżna? Jista’ l-Ministru jelenka kemm-il persuna hawn f’Malta maqsuna għal kull pajjiż u kemm minnhom huma nisa u kemm huma rġiel?

Response (CARUANA, CLYDE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

MFSA — Enforcement Decisions Committee - kompożizzjoni

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqisja parlamentari 10748 li ngħatat fis-Seduta 145 tal-10 ta’ Lulju 2023, jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni għalfejn l-Enforcement Decisions Committee mhux kompost? Jista’ jispjega l-proċedura li qed tiġi segwita da parti tal-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta' Malta (MFSA) dwar deċiżjonijiet maħruġin minnha fejn dawn jikkonċernaw l-impożizzjoni ta’ penalitajiet finanzjarji (irrispettivament tal-mod kif deskritti) jew ta’ sanzjonijiet oħrajn?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-MFSA għadha qiegħda tieħu fil-konsiderazzjoni tagħha deċiżjonijiet meħuda fl-aħħar ftit xhur mill-Qorti Ċivili u Kostituzzjonali, fuq sanzjonijiet amministrattivi, u qiegħda tistenna deċizjonijiet oħra li l-Qorti ta’ l-Appell Kostituzzjonali mistennija tieħu, sabiex umbagħad l-MFSA tikkonsidra kif ser timxi f’dan ir-rigward. Deċizjonijiet ta’ impożizzjoni ta’ penalitajiet finanzjarji u sanzjonijiet oħra qed jiġu meħuda mill-Kumitat Ezekuttiv kif stabbilit mill-liġi.

Financial Services Tribunal — appelli

Question

Jista' l-Ministru jgħid, sena b'sena mill-2019 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm kien hemm appelli quddiem il-Financial Services Tribunal fejn ġew ikkontestati deċiżjonijiet tal-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta' Malta (MFSA) dwar l-impożizzjoni ta' penali finanzjarja (irrispettivament tal-mod kif deskritta) da parti tal-MFSA? Kemm minn dawn l-appelli ġew finalment deċiżi mit-Tribunal u minn dawk deċizi kemm minnhom ikkonformaw il-penali imposta? Jista' jgħid ukoll jekk hux qed jiġi kkonsidrat li l-forum ta' appell attwali, ċjoè l-Financial Services Tribunal, jiġi mibdul dwar kontestazzjonijiet ta' penalitajiet finanzjarji sostanzjali fid-dawl ukoll tad-diversi kawżi Kostituzzjonali li saru fejn fost l-oħrajn qed isir l-argument li penalitajiet sostanzjali jistgħu biss jiġu deċiżi minn Qorti?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi n-numru ta’ appelli sena b’sena mill-2019, inkluż in-numru ta’ appelli deċizi, hi skond it-tabella ta' hawn taħt. Mill-appelli deċiżi, tnejn irrevokaw l-penali imposti mill-Awtorità. Id-deċiżjonijiet kollha tat-Tribunal għas-Servizzi Finanzjarji jiġu ppubblikati fuq is-sit web tat-Tribunal. SenaIntrodottiDeċiżi FinaliDeċiżi Preliminari 20196210 2020831 20211063 2022770 2023040 L-awtoritajiet flimkien mal-Gvern bħalissa qiegħdin jarblu kull rotta possibili li tista` tittieħed jekk l-appell quddiem il-Qorti Kostituzzjonali jingħata kontra l-Awtoritajiet rispettivi.

Qtugħ fil-provvista tad-dawl

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-istima ta’ telf għall-ekonomija tal-pajjiż minħabba l-qtugħ fil-provvista tad-dawl fl-aħħar erbat ijiem?

Response (CARUANA, CLYDE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministru kkonċernat.

Emission Trading Units – Estimi finanzjarji

Question

Jista' l-Ministru jispjega d-dħul fl-estimi finanzjarji mill-Emission Trading Units, jagħti break down tiegħu u jispjega x'inhu l-proċess li bih jiġu "irkantati" dawn il-units?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Żona Ekonomika Esklussiva – Riżultat tal-PMC

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-riżultat tal-Preliminary Market Consultation (PMC) fuq iż-Żona Ekonomika Esklussiva li ġie mniedi s-sena l-oħra, u jgħid kemm kien hemm espressjonijiet ta' interess, u ma' xiex kienu relatati (kemm kienu jirrigwardjaw l-enerġija, kemm minnhom kienu dwar it-teknoloġija mir-riħ u/jew mix-xemx, kemm kienu dwar l-industrija marittima eċċ.)?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-konsultazzjoni preliminari tas-suq hija biss eżerċizzju li permezz tiegħu l-Gvern jikseb informazzjoni. B'kollox ġew sottomessi 21 proposta. Id-dettalji qed jingħataw hawn taħt: 9 proposti dwar enerġija mir-riħ; 2 proposti dwar enerġija mix-xemx; 1 proposta dwar LNG; 2 proposti dwar konsulenza; 1 proposta dwar l-akkwakultura; 4 proposti dwar taħlita ta' enerġija mir-riħ u x-xemx; 2 proposti dwar taħlita ta' enerġija mir-riħ u x-xemx, kif ukoll akkwakultura u attivitajiet oħra.

Żgħażagħ li qed jirreġistaw għax-xogħol

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni żgħażagħ (bejn is-16 u d-29 sena) jirreġistraw għax-xogħol, xahar b'xahar, minn Jannar 2012 sa Settembru 2023?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Stħarriġ dwar is-salarji f’Malta

Question

Peress li skont l-aħħar stħarriġ is-salarju medju f'Malta hu ta' €1,850, u peress li l-medju (average) hu sensittiv għal figuri estremi, jista' l-Ministru jgħid x'inhu d-dħul li hu fin-nofs u l-iktar komuni ('median' u 'mode' salary)?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-paga medja bejn Jannar u Marzu 2023 kienet ta’ €1,848 fix-xahar. Għal dan l-istess perjodu, il-paga medjana (median) kienet ta’ €1,582 fix-xahar. Is-sors ta’ din l-informazzjoni huwa l-Istħarriġ dwar il-Ħaddiema u s-Suq tax-Xogħol għall-ewwel tliet xhur tal-2023 (LFS Q1 2023). Is-salarju nħadem abbazi tas-salarju bażiku annwali (average annual basic salary). L-ammonti ma jinkludux dħul minn sahra, bonuses jew allowances. Dawn il-figuri jinkludu impjegati li fl-impjieg prinċipali tagħhom jaħdmu full-time jew part-time jew full-time with reduced hours. Din l-informazzjoni dwar persuni li jaħdmu għal rashom mhix disponibbli.

Ħaddiema li qed jaqilgħu l-paga minima

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu kkalkulat li hawn ħaddiema li jaqilgħu l-paga minima?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta illi n-numru ta’ impjegati li kienu qed jaqilgħu l-paga minima għas-sena 2022 hu stmat li kien ta’ 2,372 persuna. Is-sors ta’ din l-informazzjoni huwa l-Istħarrig dwar il-Ħaddiema u s-Suq tax-Xogħol (LFS) għas-sena 2022. Is-salarju nħadem abbażi tas-salarju bażiku annwali (average annual basic salary). L-ammonti ma jinkludux dħul minn sahra, bonuses jew allowances. Dawn il-figuri jinkludu impjegati li jaħdmu full-time biss. Din l-informazzjoni għal persuni li jaħdmu għal rashom mhix disponibbli.

Ħaddiema li jaqilgħu sa €1,000 fix-xahar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn ħaddiema li jaqilgħu sa €1,000 fix-xahar?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi n-numru ta’ impjegati li kienu jaqilgħu sa €1,000 fix-xahar għas-sena 2022 hu stmat li laħaq 47,412-il persuna. Is-sors ta’ din l-informazzjoni huwa l-Istħarriġ dwar il-Ħaddiema u s-Suq tax-Xogħol (LFS) għas-sena 2022. Is-salarju nħadem abbazi tas-salarju bażiku annwali (average annual basic salary). L-ammonti ma jinkludux dħul minn sahra, bonuses jew allowances. Dawn il-figuri jinkludu impjegati li jaħdmu full-time jew part-time jew full-time with reduced hours. Din l-informazzjoni dwar persuni li jaħdmu għal rashom mhix disponibbli.

Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol — impjegati fis-Servizz Pubbliku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm impjegati fis-Servizz Pubbliku li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu u jaqsam din l-informazzjoni skont il-grad tal-impjegati?

Response (CARUANA, CLYDE)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9844.

Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol — Impjegati minn ħaddiema ta' Aġenziji tax-Xogħol

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10183, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra dwar in-numru ta' impjegati jew sigħat maħduma, ta' ħaddiema impjegati minn aġenzija tax-xogħol tal-kumpanija li ngħatat tender tal-Gvern u titħallas mill-Ministeru jew entitajiet governattivi/Awtoritajiet/Kumpaniji tal-Gvern li jaqgħu taħt ir-responsabbilità tiegħu għas-snin 2022 u 2023 sal-ġurnata li qed titwieġeb din il-mistoqsija?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fid-dekasteru tal-Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol hemm persuna waħda li ġiet ingaġġata permezz ta’ aġenzija tax-xogħol.

Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol — Ħaddiema ingaġġati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew ingaġġati persuni mal-Ministeru, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, minn Marzu 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma bit-tip ta' kuntratt mogħti (definit jew indefinit) u anke bl-irwol li ġew ingaġġati fih?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Air Malta — Konsulenti

Question

Jista’ l-Ministru jelenka min huma l-konsulenti kollha li għandha l-Air Malta? Jista’ jgħid x’tip ta’ konsulenza qed tagħti kull persuna u/jew entità li ġiet inkarigata biex tipprovdi dan is-servizz? Jista’ wkoll, għal kull każ, jgħid minn meta bdiet il-konsulenza u kemm hu l-ħlas għal kull konsulenza?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li t-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.

Air Malta — kuntratt ma’ kumpanija

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratt li għandha l-Air Malta mal-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament? Jista’ jgħid ukoll x’inhuma s-servizzi li din il-kumpanija qed tagħti lill-istess Air Malta, kemm hu l-valur ta’ dan il-kuntratt u għal kemm żmien?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li t-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.