Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Enerġija u Immaniġġar tal-Ilma — miri ta' Horizon 2020

Question

Il-miri tal-Horizon 2020 huma li: a) tal-inqas 40% tal-persuni f’pożizzjoni ta’ deċiżjoni jkunu nisa; b) tal-inqas 50% tal-persuni f’ advisory groups ikunu nisa; u c) jiżdied in-numru ta’ nisa fir-riċerka u l-innovazzjoni billi jitneħħew il-forom kollha ta’ deskrizzjoni a bażi tal-ġeneru. Għaldaqstant jista’ l-Ministru jgħid: a) jekk dawn il-miri hux ser jintlaħqu sa ftit xhur oħra; b) kemm aħna ‘l bogħod minn dawn il-miri;u ċ) u x’qed isir mill-Ministeru tiegħu sabiex jintlaħqu l-miri t’hawn fuq?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 9279.

Ċilindri tal-gass – spezzjonijiet biex jiġu evitati leakages u splużjonijiet

Question

Fid-dawl ta’ splużjonijiet ta’ ċilindri tal-gass u leakages li seħħew minn ċilindri oħra tal-gass, (jien stess kelli ċilindru li beda jillikja waqt li kien imqabbad mal-heater), jista’ l-Ministru jgħid jekk hux qed isiru spezzjonijiet biex jiġu osservati standards ta’ safety mill-prodotturi taċ-ċilindri tal-gass u fejn jimtlew biex safejn ikun possibbli, jiġu evitati nirien, leakages jew splużjonijiet? Billi jidher li dis-sena ġew rappurtati numru ta’ każijiet ta’ leakages fejn saħansitra kien hemm posts anke fuq facebook f'dan is-sens, jaħsibx il-Ministru li din il-materja għandha tittieħed bis-serjetà li jixirqilha?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li abbażi tal-informazzjoni disponibbli s'issa, dawn l-inċidenti ma jidhrux li huma relatati. Għar-rigward ta’ dawn it-tliet inċidenti riċenti li potenzjalment kienu jinvolvu ċilindru tal-gass, kemm l-Awtorità ta' Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur kif ukoll ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma bdew minnufih l-investigazzjonijiet rispettivi tagħhom. Jirriżulta li hemm għaddejja ukoll inkjesta maġisterjali dwar wieħed minn dawn il-każijiet. Tajjeb li wieħed ikun jaf li jsiru l-kontrolli fuq iċ-ċilindri fir-rigward tal-integrità strutturali u tal- leaks . Ċilindri ġodda huma ċċertifikati fil-punt tat-tqegħid fis-suq għall-konformità mal-istandards relevanti. Sussegwentement, iċ-ċilindri jiġu ċertifikati mill-ġdid kull 10 snin. Kontrolli dokumentarji fir-rigward tal-proċess ta' ċertifikazzjoni mill-ġdid jitwettqu fuq bażi kontinwa. Prodotti li ma jgħaddux mit-testijiet għaċ-ċertifikazzjoni mill-ġdid jinqerdu mill-fornitur. Isiru ukoll kontrolli fuq regolaturi u valvi li jibdew minn verifiki dokumentarji li jindikaw li dwar il-prodott ikkonċernat ikunu twettqu l-verifiki ta' konformità kollha meħtieġa skond il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea. Dawn il-verifiki ikunu akkumpanjati b'testjar tal-prodott fiżiku li jsir f'laboratorju akkreditat. Dawn ir-riżultati tat-test huma ġeneralment disponibbli f’madwar 15-il ġurnata, bla ħsara għad-disponibilità tal-laboratorji. L-individwi u l-kumpanniji li jqiegħdu fis-suq apparat, ċilindri tal-gass u regolaturi, huma responsabbli biex jiżguraw li l-prodotti jikkonformaw mal-ispeċifikazzjonijiet kollha tas-sigurtà skond il-leġiżlazzjoni applikabbli.

Kontijiet tad-Dawl — każ ta' individwu

Question

Jista’ l-Ministru jivverifika dwar x’qed iseħħ fil-ħruġ ta’ kontijiet tal-elettriku li kopja tagħhom qed tingħata separament peress li f’kont datat 18 ta’ Lulju 2018 sa 22 ta’ Settembru 2018, l-individwu li kien dovut iħallas, spiċċa ġie mitlub iħallas €2,541.37 meta l-kontijiet tar-residenza rispettiva kienet titħallas regolarment? Jista’ jgħid x’kienet ir-raġuni li tali kont kellu jiġi mħallas mis-sid tar-residenza? Jista’ l-Ministru jagħmel il-verifiki biex jara dan is-sid tar-residenza kemm għandu ġustament iħallas u jingħata l-informazzjoni meħtieġa dwar xi ħlas huwa dovut li jħallas?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dettalji tal-individwu ġew mgħoddija lill-entità konċernata biex tistħarreġ dan l-ilment.

Il-Mosta — Triq Nicolò Isouard - dawl

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa sabiex jara li d-dawl fi Triq Nicolò Isouard fil-Mosta jerġa' jibda jinxtegħel peress li dan id-dawl tat-triq ilu mitfi għal ħafna ġranet?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li d-dawl fi Triq Nicolo’ Isouard fil-Mosta jinsab mixgħul.

Ministeru għall-Enerġija u Immaniġġar tal-Ilma– nefqa fuq reklamar fil-media

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa mill-Ministeru tiegħu u minn kwalsiasi entità li taqa’ taħtu f’reklamar fuq kull mezz tal-media bejn l-2004 u l-2018, maqsuma xahar b’xahar u mqassam kemm skont il-mezz ta’ reklamar (stampat, gazzetti, radju, TV, internet eċċ) kif ukoll il-benefiċjarju (eż. Facebook, LinkedIn, Allied, Mediatoday, eċċ)?

Response (MIZZI, JOE)

Niġbed l-attenzjoni tal-Onor. Interpellant għall-fatt li mistoqsijiet bħal dawn fejn tintalab informazzjoni dettaljata fuq medda ta’ snin, jieħdu ħafna xogħol sabiex jinġabru. L-Onor. Interpellant għandu japprezza li tali riċerka tirrikjedi ħafna riżorsi u żmien biex tinġabar din l-informazzjoni. Għalhekk nitolbu sabiex jindika x’informazzjoni għandu bżonn speċifikament fejn hija meħtieġa ħalli din tkun provduta.

Ir-Rabat u Santa Luċija Kerċem Għawdex – Triq il-Qasam San Ġorġ – kisi ta’ tarmak

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 5908 peress li għad ma sar ebda xogħol biex isir network ta’ distribuzzjoni tal-ilma tat-tieni klassi magħruf bħala New Water fit-triq imsemmija, jista' l-Ministru jgħid meta hu ppjanat li tingħata t-tieni kisja ta' tarmac (il-wiċċ) fi Triq Qasam San Ġorġ bejn ir-Rabat u Santa Luċija Kerċem Għawdex, liema xogħol sar mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u dan skont risposta mogħtija mill-Ministru għal Għawdex, u dan peress li din it-triq ilha għal diversi xhur b’kisja waħda u hemm ammont ta’ tappieri perikolużi li huma ‘l fuq mil-livell tat-triq?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li għadhom kif ġew allokati fondi tal-Unjoni Ewropea taħt EAFRD liema fondi ser jintużaw biex titwettaq is-sistema tad-distribuzzjoni tan-New Water. It-tendergħal dan ix-xogħol qiegħed fl-aħħar stadju ta’ preparamenti biex jiġi ppublikat. Hekk kif jintemmu l-proċeduri kollha marbutin ma’ dan it-tender jibdew ix-xogħlijiet. Sadanittant, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qed tieħu ħsieb biex kemm jista’ jkun tnaqqas l-inkonvenjent billi ddur dawn it-tappieri.

Allert minħabba t-tanker tal-gass

Question

B'referenza għall-aħbar fuq is-sit ta' Net News ta' nhar il-Ħadd 24 ta' Frar 2019 bit-titlu “Fuq allert minħabba t-tanker tal-gass”(il-link qed jingħata separatament) u fejn intqal li “Sorsi qalulna li l-Electrogas tinsab fuq allert massimu minħabba din is-sitwazzjoni”, jista' l-Ministru jgħid jekk hux minnu li kien hemm allert massimu nhar il-Ħadd 24 ta' Frar?

Response (MIZZI, JOE)

Jien infurmat li ttieħdu l-passi ta’ prekawzjoni kollha meħtieġa biex is-sitwazzjoni tinżamm waħda taħt kontroll. Tali prekawzjoni hija waħda maqbula bejn il-partijiet kollha konċernati f’sitwazzjonijiet bħal dawk li esperjenzajna matul il-jiem ta’ bejn is-Sibt 23 u l-Ħadd 24 ta’ Frar 2019, u għaldaqstant ma eżistiet l-ebda forma ta’ allarm.

Water Services Corporation u Enemalta – xogħol minn proprjetà privata

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u l-Enemalta għamlu xogħol ta’ cables, trinek u xogħol ieħor simili biex jgħaddu s-servizzi tagħhom minn proprjetà privata matul is-snin 2017 u 2018?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li min-naħa tal-Enemalta plc, ħlief f’każi biex jitwassal servizz tad-dawl mil-linja sal-meter tal-klijent, il-policy tal-Kumpanija hija li ma tgħaddi l-ebda cable u trinek fil-privat. Fir-rigward tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, l-informazzjoni mitluba qed tinġabar.

Ministeru għall-Enerġija u Immaniġġar tal-Ilma — nefqa ta' TV Advertising

Question

Jista' l-Ministru jelenka kemm intnefqu flus minn kull entità u dipartiment li jaqa' taħtu fuq TV advertising fis-sena 2018?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija skont is-segwenti tabella. Entita’/Dipartiment Ammont (eskl. VAT) ARMS €5,215.00 REWS €13,930.00 Enemed €21,685.43 WSC €7,225.00 DCS €15,520.31 Fir-rigward tal-Enemalta plc, l-informazzjoni mitluba għandha valur kummerċjali għall-kumpanija. Minħabba f’hekk, l-iżvelar tat-tagħrif mitlub jista’ jippreġudika n-negozju tal-istess kumpanija.

Ministeru għall-Enerġija u Immaniġġar tal-Ilma — nisa f'pożizzjoni ta' teħid ta' deċiżjonijiet

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 8842, jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm nisa minn skala 1 sa skala 5 fl-istess Ministeru u fis-servizz pubbliku kollu fl-2012? Jista' l-Ministru jgħid ukoll jekk f'dan is-settur hemmx miri għall-Horizon 2020 u jekk iva, kemm huma dawn il-miri u jekk humiex se jintlaħqu?

Response (MIZZI, JOE)

Tlabt biex tinġabar l-informazzjoni.

Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma — Każ ta’ dixxiplina ta’ ħaddiem

Question

B'referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 7980, jista' l-Ministru jgħid lejn liema Ministeru, dipartiment, awtorità, aġenzija jew entità oħra tal-Gvern ġie trasferit, mitlub jew talab li jmur il-ħaddiem li kien jaħdem mal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u li nhar il-21 ta' April 2017 aggredixxa ġurnalist tat-Times of Malta?

Response (MIZZI, JOE)

M’għandi xejn x’inżid mat-tweġiba li diġa’ tajt għall-Mistoqsijia Parlamentari 7980.

Ministeru għall-Enerġija u Immaniġġar tal-Ilma — Grievances Boards

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 8310 u jgħid, mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, liema kienu l-Grievances Boards li twaqqfu fi ħdan il-Ministeru għall-Enerġija u l-Immaniġġar tal-Ilma u fi ħdan l-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu? Jista' jgħid min kienu l-membri ta' kull wieħed mill-imsemmija bordijiet u x'remunerazzjoni rċevew l-imsemmija membri? Jista' jgħid kemm tressqu każijiet quddiem kull bord u x'kienet id-deċiżjoni li ngħatat dwar kull każ li kellu quddiemu l-istess bord u dan mingħajr ma jindika l-isem u d-dettalji tal-persuni involuti? Jista' jgħid x'kien l-ammont li tħallas bħala kumpens dwar kull każ li tressaq quddiem l-imsemmija bordijiet?

Response (MIZZI, JOE)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Ministeru għall-Enerġija u Immaniġġar tal-Ilma — pożizzjonijiet tal-management – pakkett finanzjarju

Question

Jista’ l-Ministru jagħi l-pakkett finanzjarju, inkluż benefiċċji, marbut ma’ kull pożizzjoni tal-management fl-awtoritajiet u entitajiet li jiffurmaw parti mid-dekasteru tiegħu? L-informazzjoni għandha tkopri l-pożizzjonijiet eżekuttivi u dawk mhux eżekuttivi sal-livell ekwivalenti ma’ Assistent Direttur fis-servizz pubbliku.

Response (MIZZI, JOE)

Tlabt biex tinġabar l-informazzjoni.

Ħal Għargħur – sistema tad-drenaġġ

Question

Jista’ l-Ministru jimplimenta s-sistema tad-drenaġġ fi Sqaq Ħofra, Ħal Għargħur? Jista’ jgħid meta mistenni li din issir?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma tista’ testendi l-infrastruttura tad-drenaġġ ġewwa Sqaq il-Ħofra għal 67 metru u dan għaliex iktar tul jista’ jikkomprometti l-integrita’ tal-istrutturi proprjeta’ ta’ terzi persuni fuq dan l-isqaq. L-isqaq huwa wisq dejjaq għat-tħaffir li jrid isir sabiex tiġi nstallata l-infrastruttura tad-drenaġġ itwal. Għaldaqstant il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qed tikkoordina ma’ entitajiet oħra biex tistabilixxi meta u jekk hux ser isir dan ix-xogħol.

Power Station ta' Delimara — Inkjesta dwar il-Kwalità tal-Fuel Mixtri

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsijiet parlamentari 7635 u 4400, jista’ l-Ministru issa jgħid jekk l-inkjesta li l-Imħallef li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament intalab jagħmel fl-aħħar leġislatura dwar il-kwalità tal-fuel mixtri għall-power station ta’ Delimara, hijiex lesta?

Response (MIZZI, JOE)

M’għandi xejn x’inżid mat-tweġibiet li diġa tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari 4400 u 7635.

Kumpaniji privati – importazzjoni ta’ petrol

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 8493 u jgħid kemm hawn kumpaniji privati li qegħdin jimpurtaw il-petrol għas-suq lokali, u mhux għall-bunkering? X’faċilitajiet għall-ħażna tal-petrol jeżistu hawn Malta għall-kumpaniji privati għas-suq lokali? Fejn qegħdin dawn il-faċilitajiet u x’jistgħu jew x’għandhom jagħmlu dawn il-kumpaniji lokali biex jagħmlu użu minn dawn il-faċilitajiet? F’liema stadju wasalna rigward id-Direttiva tal-Unjoni Ewropea għall-Enerġija Rinovabbli fejn jidħol il-petrol hawn Malta? Il-Gvern biħsiebu jonora l-obbligazzjonijiet li ntrabat bihom fl-24 ta’ Mejju 2011, Tabella 12, fil-Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali dwar l-Enerġija Rinovabbli? X’qed jistenna l-Gvern biex jintroduci jew iħalli kumpaniji privati jintroduċu fis-suq lokali l-petrol imħallat ma’ 10 fil-mija ta’ ethanol – E10, biex jonqsu l-emissjonijiet minn fuq il-230,355 vettura li jużaw il-petrol?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li ma hawnx kumpaniji privati li qiegħdin jimpurtaw il-petrol għas-suq lokali u mhux għall-bunkering. F’Malta jeżistu diversi faċilitajiet għall-ħażna tal-petrol għall-kumpaniji privati għas-suq lokali u dawn huma t-31st March Installation ġewwa B’Buġia, Ħas-Saptan Installation u l-Oil Tanking Malta Ltd ġewwa B’Buġia ukoll. Il-kapaċità ta’ gantry teżisti fit- 31st March 1979 Installation ta’ B'Buġia biss. Dawn l-impjanti jistgħu jintużaw ilkoll biex jitqassam il- fuel għas-suq intern direttament minnhom jekk tiġi installata gantry . Id-disponibbiltà kummerċjali tal-impjanti tiddependi minn deċiżjonijiet kummerċjali tal-operaturi. Nixtieq nirrimarka li m’hemm xejn xi jżomm operaturi interessati milli jagħmlu l-investiment neċessarju sabiex ikunu jistgħu iqassmu fuel jew petrol huma stess. Dawn il-facilitijiet huma imħaddma b’mod kummerċjali u mhux fir-rimitu tar-regolatur li jikkontrolla l-kuntratti li jsiru bejn l-operaturi. Il-Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali dwar l-Enerġija Rinovabbli preżentat fl-2011 ġie rivedut fl-2017 u għaldaqstant Tabella 12 m’għadiex applikabbli. Il-perċentwali ta’ biofeul huwa kkalkolat fuq it-total tal-karburanti kollha użati fit-trasport, kemm petrol u kif ukoll diesel . Il-perċentwali ta’ 7.5% għas-sena 2017 intlaħaq u l-ammont neċessarju ta’ biofuel ġie kollu imħallat mad- diesel . L-ammont għas-sena 2018 jiġi kkalkulat aktar tard din is sena. Peress illi s-suq tal-fjuwils ilu miftuħ għal kulħadd mill-2004, il-Gvern m’għandu l-ebda saħħa li jħalli jew ma jħallix kumpaniji jintroduċu fis-suq lokali l- petrol imħallat mal-10 fil-mija ta’ ethanol . Għalkemm il- petrol imħallat mal- ethanol huwa mezz ieħor ta’ kif jitnaqqsu l-emissjonijiet, kif jaf l-Onor. Interpellant, ittieħdu u qed jittieħdu miżuri oħra li bihom jonqsu l-emmissjonijiet li jistgħu jkunu aktar effettivi u fil-kontroll tal-Gvern. Ezempji huma t-twaqqiegħ tal- Power Station tal-Marsa u Delimara 1 li kienu jaħdmu bl-aktar żejt li jħammeġ, il-qalba mill-HFO għall-gas tal-impjanti l-oħra tal-Energija, tisħieħ ta’ trasport pubbliku u miżuri li jħarju aktar nies jużaw dan it-trasport, inċentivi għal min irid jixtri karozza taħdem bl-eletrikku jew il-gas u twessiegħ ta’ toroq biex tonqos il-konġestjoni ta’ traffiku.

Ministeru għall-Enerġija u Immaniġġar tal-Ilma – użu ta’ private jet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba għamel użu minn private jet fl-2017, 2018 u 2019 sad-data li tkun imwieġba din il-mistoqsija parlamentari? F’każ affermattiv, kemm kienet l-ispiża u fejn kienet id-destinazzjoni?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fis-snin 2017, 2018 u 2019 m’għamilt l-ebda użu minn private jet.

Ministeru għall-Enerġija u Immaniġġar tal-Ilma — Nisa f'pożizzjoni ta' tehid ta' deċiżjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 8554 u 8695 u ċjoè: Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm nisa f’pożizzjoni ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet fil-Ministeru tiegħu u fl-entitajiet u dipartimenti li jaqgħu taħtu li jaħdmu bħalissa, mill-grad ta' Prinċipal 'il fuq?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fis-servizz pubbliku kollu fil-preżent hemm 5,445 mara f’pożizzjoni ta’ tehid ta’ deċiżjonijiet fil-grad ta’ Prinċipal jew ‘il fuq. Fl-2008 kien hemm 4,900. Fit-top management tas-servizz pubbliku, minn skala 1 sa skala 5, waqt li llum hemm 426 mara, fl-2008 kien hemm 195. Għal dawk li huma entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-Ministeru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma, illum hemm 138 mara f’pożizzjoni ta’ tehid ta’ deċizjonijiet fil-grad ta’ Prinċipal jew ‘il fuq filwaqt li min naħa tad-DCS hemm 12-il persuna mara. Ta’ min jgħid ukoll li fl-2008 fl-entitajiet li kienu diġa jeżistu dak iż-żmien kien hemm 30 mara.

Meters tad-dawl installati

Question

Jista' l-Ministru jagħti l-informazzjoni fuq kemm ġew imwaħħla meters għal servizzi ġodda ta' dawl (jiġifieri mhux li nbidlu għal raġuni ta' ħsara jew meta saret il-bidla għal Smart Meters ) fl-2018? Jista' jaqsam din l-informazzjoni f'meters għal servizzi ġodda installati residenzjali u dawk kummerċjali?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li t-total ta’ meters installati ġodda għal servizzi ta’ dawl fl-2018 huwa ta’ 9,430 fejn 6,498 minnhom kienu residenzjali bil-kumplament ikunu kummerċjali.

Ministeru għall-Enerġija u l-Immaniġġar tal-Ilma – Grievances Boards

Question

Jista' l-Ministru jgħid, mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, liema kienu l- Grievances Boards li twaqqfu fi ħdan il-Ministeru għall-Enerġija u l-Immaniġġar tal-Ilma u fi ħdan l-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu? Jista' jgħid min kienu l-membri ta' kull wieħed mill-imsemmija bordijiet u x'remunerazzjoni rċevew l-imsemmija membri? Jista' jgħid kemm tressqu każijiet quddiem kull bord u x'kienet id-deċiżjoni li ngħatat dwar kull każ li kellu quddiemu l-istess bord u dan mingħajr ma jindika l-isem u d-dettalji tal-persuni involuti? Jista' jgħid x'kien l-ammont li tħallas bħala kumpens dwar kull każ li tressaq quddiem l-imsemmija bordijiet?

Response (MIZZI, JOE)

Tlabt biex tinġabar l-informazzjoni.