Kerċem – Akkwati tal-Għadira – Installazzjoni ta’ dispensers tan-New Water
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 484, fejn intqal li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għaddejja b’ħidma sabiex tirdoppja s-sistema tan-new water dispensers fi żmien tliet snin, tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjan għat-tkabbir? Jekk dan il-pjan għadu ma ġiex iffinalizzat, tista’ tindika meta mistenni jkun lest u disponibbli? Tista’ tgħid ukoll kemm-il new water dispenser ġdid huwa ppjanat li jiġi installat fl-akkwati tal-Għadira f’Kerċem, tindika l-postijiet fejn ser jiġu installati, u meta huwa ppjanat li jitwaħħlu u jkunu operattivi? Tista’ tgħid x’inhu l-baġit allokat għal dan il-proġett u minn liema fondi ser jiġi ffinanzjat?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jerġa’ jaqra t-tweġiba li tajtu għall-mistoqsija parlamentari 484 għax ikkwota ħażin. Dak li ntqal fit-tweġiba huwa li t-tkabbir tal-impjant għandu jwassal biex il-produzzjoni ta’ New Water tirdoppja fi żmien tliet snin. Is-sistema tad-dispensers li permezz tagħhom dan l-ilma jasal għand il-bdiewa hija xi ħaġa oħra.
Kif diġà spjegajt fl-istess tweġiba tali pjan ta’ tkabbir qiegħed fl-istadju li jiġi mfassal f’kollaborazzjoni mal-Ministeru għal Għawdex.
Tista’ l-Ministru tgħid meta hemm il-ħsieb li jsiru t-tiswijiet neċessarji fuq in-New Water Dispenser bin-numru G11 li jinsab fl-inħawi ta’ Triq ta' Xħajma kantuniera ma’ Triq Bordin, f'Għawdex, peress li ilu bil-ħsara għal diversi ġranet?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li d-dispenser li qed issir referenza għalih issewwa u qed jintuża.
Ministeru għall-Enerġija, l-Ambjent u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir – Awditur Ġenerali – Rakkomandazzjonijiet
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm kien hemm rakkomandazzjonijiet mill-Awditur Ġenerali jew minn awtoritajiet regolatorji li ġew implimentati mill-Ministeru u/jew mill-entitajiet li jaqgħu taħtha matul l-aħħar ħames snin?
Ministeru għall-Enerġija, l-Ambjent u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir – Każ ta’ individwu – Ħatriet
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament kienx appuntat f’bordijiet u kumitati fid-dekasteru li għalih hi responsabbli fid-29 ta’ Mejju 2026? Tista’ tgħid ukoll jekk kienx hemm ħatriet simili fil-perjodu ta’ wara u jekk kien hemm, tipprovdi dettalji dwar il-ħlas marbut magħhom?
Il-Marsa – Operaturi u siti industrijali – Noise monitoring
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm operaturi u siti industrijali fil-Marsa li huma regolati u/jew permessi mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) u li l-operat tagħhom jista’ jiġġenera ħoss li jilħaq żoni residenzjali? Tista’ tgħid liema minn dawn l-operaturi huma obbligati li jagħmlu noise monitoring permezz tal-permess ambjentali tagħhom? Kemm-il spezzjoni u test relatat mal-ħoss sar fuq dawn l-operaturi matul l-aħħar sentejn, u jekk ġewx identifikati każijiet fejn il-livelli jew il-kundizzjonijiet tal-permess ma ġewx osservati?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li hemm erba’ siti industrijali fil-Marsa li huma regolati permezz ta’ permess ambjentali maħruġ mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) u li l-operat tagħhom jista’ potenzjalment jiġġenera storbju li jilħaq żoni residenzjali.
Dawn il-faċilitajiet huma obbligati jwettqu monitoraġġ perjodiku tal-ħsejjes skont il-kundizzjonijiet tal-permessi ambjentali rispettivi tagħhom. Ir-riżultati preżentati lill-ERA minn dawn il-faċilitajiet ma jindikawx impatt sinifikanti fuq il-livelli tal-istorbju fl-ambjent tal-madwar.
ERA – Apparat tekniku u kompetenzi speċjalizzati għal sorsi ta’ ħsejjes persistenti
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) għandhiex apparat tekniku u l-kompetenzi speċjalizzati meħtieġa sabiex tinvestiga u tidentifika s-sors ta’ ħoss persistenti jew intermittenti li ma jkunx faċilment attribwibbli għal sors partikolari? Jekk le, tista’ tgħid jekk hux se jinġieb tagħmir speċjalizzat jew humiex se jiġu ingaġġati esperti esterni sabiex tiġi investigata l-kwistjoni tal-ħoss irrappurtat fil-Marsa, u tagħti time-frame għal meta dan se jsir?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba li tajtha għall-mistoqsija parlamentari 3189.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk sarx monitoraġġ tekniku tal-ħoss irrappurtat mir-residenti tal-Marsa sabiex jiġi identifikat is-sors tiegħu? Tista’ tgħid x’tip ta’ apparat u metodoloġija ntużaw, għal kemm żmien sar il-monitoraġġ, f’liema postijiet u f’liema ħinijiet sar, u jekk kienx possibbli li jiġu stabbiliti l-livelli, il-frekwenzi u d-direzzjoni jew is-sors tal-ħoss? Jekk is-sors għadu ma ġiex identifikat, tista’ tgħid għaliex u x’passi ulterjuri se jittieħdu sabiex jiġi identifikat?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba li tajtha għall-mistoqsija parlamentari 3189.
Il-Marsa – Rapporti mir-residenti dwar ħoss persistenti/rikorrenti
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) hijiex konxja minn rapporti u ilmenti li ilhom isiru għal aktar minn sena minn residenti tal-Marsa dwar ħoss persistenti u/jew rikorrenti li qed jinstema’ f’żoni residenzjali tal-lokalità? Tista’ tgħid meta l-ERA ġiet infurmata għall-ewwel darba b’din il-kwistjoni, kemm-il rapport jew ilment wasal għandha, liema investigazzjonijiet saru sal-lum, f’liema dati saru, u x’kien ir-riżultat ta’ kull investigazzjoni?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li r-remit regolatorju tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) fir-rigward tal-istorbju huwa principarjament determinat mill-parametri stabbiliti taħt ir-Regolamenti dwar il-Valutazzjoni u l-Ġestjoni tal-Istorbju Ambjentali, li jittrattaw storbju ambjentali fit-tul. Dawn jinkludu storbju minn sorsi bħat-traffiku fit-toroq, l-avjazzjoni u ċerti siti industrijali, u mhux investigazzjonijiet ta’ każijiet individwali.
F’dan ir-rigward l-ERA għandha kompetenzi tekniċi relatati mal-kejl u l-analiżi tal-istorbju għall-finijiet tar-responsabbiltajiet regolatorji li jaqgħu taħt il-qafas tal-istorbju ambjentali. L-uffiċjali tal-Awtorità huma mħarrġa sabiex iwettqu u janalizzaw kejl relatat ma’ dan it-tip ta’ storbju.
Fejn tidħol l-identifikazzjoni definittiva tas-sors ta’ każ ta’ noise nuisance tista’ tirrikjedi investigazzjonijiet u kompetenzi li jmorru lil hinn mir-responsabbiltajiet regolatorji tal-ERA.
Sadattant, matul is-snin 2025 u 2026, l-ERA irċeviet total ta’ sitt ilmenti relatati ma’ ħsejjes fil-Marsa, tnejn matul l-2025 u erbgħa matul l-2026. Fir-rigward tal-ilmenti mressqa, l-ERA wettqet spezzjonijiet fuq il-post sabiex tivverifika s-sitwazzjoni. F’ċerti spezzjonijiet ma nstemgħux ħsejjes partikolari, filwaqt li f’oħrajn ġew osservati ħsejjes li dehru li kienu joriġinaw minn bastimenti fil-Port. F’dawn il-każijiet, il-persuni li ressqu l-ilmenti ġew infurmati li tali materja taqa’ taħt il-kompetenza tal-awtorità regolatorja responsabbli mill-attivitajiet marittimi.
Spejjeż ta’ kull tunnellata ta’ merkanzija u fuq il-prezzijiet tal-konsumatur
Question
B’referenza għall-effett kumulattiv fuq Malta bħala Stat Membru insulari tal-Mekkaniżmu ta’ Aġġustament tal-Karbonju fil-Fruntieri, tista’ l-Ministru tipprovdi l-effett stmat fuq l-ispiża ta’ kull tunnellata ta’ merkanzija u fuq il-prezzijiet tal-konsumatur għas-snin 2024, 2025 u 2026, kif ukoll il-projezzjonijiet għall-perjodu 2027–2030? Tista’ tgħid x’rappreżentazzjonijiet għamel il-Gvern Malti quddiem l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea sabiex tiġi rikonoxxuta d-dipendenza strutturali ta’ Malta fuq it-trasport marittimu u tal-ajru u n-nuqqas ta’ alternattiva permezz ta’ toroq jew ferroviji? Tista’ tgħid jekk il-Gvern talabx jew hux se jitlob trattament speċifiku, miżuri kumpensatorji jew finanzjament għal Stati Membri insulari, u kemm mid-dħul miksub minn Malta mill-EU ETS intuża jew se jintuża sabiex jittaffa l-impatt ta’ dawn l-ispejjeż fuq il-familji, in-negozji u l-prezz tal-prodotti essenzjali?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li is-sistema definittiva tal-Mekkaniżmu ta’ Aġġustament tal-Karbonju fil-Fruntieri daħlet fis-seħħ fl-2026 u, għalhekk, l-obbligi finanzjarji fuq l-importaturi bdew minn din is-sena.
L-effett stmat fuq l-ispiża ta’ kull tunnellata ta’ merkanzija jiddependi minn diversi fatturi, fosthom it-tip ta’ prodott, il-pajjiż tal-oriġini u l-mod kif l-importatur jiddikjara l-emissjonijiet relatati mal-merkanzija. L-importatur għandu l-għażla li jiddikjara bl-użu ta’ valuri predefiniti jew ta’ valuri attwali. Il-Gvern Malti saħaq li l-impatt tal-Mekkaniżmu għandu jkun proporzjonat u dejjem jinsisti biex il-ħtiġijiet tal-mikrointrapriżi u tal-intrapriżi żgħar, speċjalment fi Stati Membri gżejjer żgħar, jiġu kkunsidrati.
Id-dħul miksub minn Malta mill-EU ETS m’għandux x’jaqsam mal-mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-karbonju fil-fruntieri.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm huwa stmat li se tkun l-ispiża biex, wara x-xogħlijiet li bħalissa qed isiru mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) u li minħabba fihom qed jerġa’ jitħaffer wiċċ it-triq, Triq Għajn Dwieli terġa’ tiġi asfaltata u rrestawrata għall-istat li kienet fih wara r-resurfacing li sar aktar kmieni din is-sena?
San Pawl il-Baħar - Inħawi ta’ San Martin - WSC - Xogħlijiet
Question
Tista’ l-Ministru tgħid meta hu mistenni li jitlesta x-xogħol tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) fl-inħawi ta’ San Martin, f’San Pawl il-Baħar? Minbarra t-tqegħid tal-mains tal-ilma, tista’ tgħid ukoll jekk hemmx xogħol ieħor mistenni li jsir fl-istess inħawi?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li tali xogħlijiet huwa mmirat li jitlestew fil-ġimgħat li ġejjin u l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma m’għandhiex ippjanati xogħlijiet oħrajn fl-istess akkwata. Madankollu jien infurmata li f’parti mit-triq fejn qed isiru dawn ix-xogħlijiet, Infrastructure Malta qed tippjana interventi min-naħa tagħha u għaldaqstant ir-reinstatement mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma se jsir temporanjament f'dik il-parti tat-triq li Infrastructure Malta ser tintervjeni.
L-Imġarr, Malta - Servizzi ġodda tal-ilma u dawl - Talbiet pendenti
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm huwa n-numru ta’ talbiet għal servizzi ġodda tal-ilma u d-dawl li huma pendenti fil-lokalità tal-Imġarr, Malta?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li n-numru ta’ talbiet pendenti għal servizzi ġodda fil-lokalità tal-Imġarr huwa ta’ 6 fil-każ tas-servizz tal-ilma u xejn għas-servizz tad-dawl.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm huwa n-numru ta’ servizzi ġodda tad-dawl u ilma li ngħataw fil-lokalità tal-Imġarr, Malta (kull parti tal-lokalità) bejn 2022 u l-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b'sena?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.
L-Imġarr, Malta - Servizzi ta’ ilma u elettriku reġistrati
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm huwa n-numru ta’ servizzi ta’ ilma u elettriku li huma reġistrati fil-lokalità tal-Imġarr, Malta (kull parti tal-lokalità) u jekk reġistrati separatament, tagħti n-numru għal kull parti, bħal pereżempju Tas-Santi?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li fl-Imġarr, Malta (kull parti tal-lokalità) hemm reġistrati 3,559 servizz tad-dawl u 3,189 servizz tal-ilma.
Il-Mellieħa - Servizzi ġodda ta’ ilma u d-dawl - Talbiet pendenti
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm huwa n-numru ta’ talbiet għal servizzi ġodda tal-ilma u dawl li huma pendenti fil-lokalità tal-Mellieħa?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li n-numru ta’ talbiet pendenti għal servizzi ġodda fil-lokalità tal-Mellieħa huwa ta’ 5 fil-każ tas-servizz tal-ilma u 10 għas-servizz tad-dawl.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm huwa n-numru ta’ servizzi ġodda tad-dawl u l-ilma li ngħataw fil-lokalità tal-Mellieħa (kull parti tal-lokalità) kull sena bejn l-2022 u l-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm ġew allokati fondi għall-manutenzjoni, titjib u espansjoni tal-infrastruttura tad-drenaġġ matul l-aħħar ħames snin u kemm hu ppjanat li jiġi investit fis-snin li ġejjin?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-infiq kapitali u operattiv relatat mal-manutenzjoni, t-titjib u l-espansjoni tal-infrastruttura tad-drenaġġ matul l-aħħar ħames snin ammonta għal €197.1 miljun u dan kien maqsum kif ġej:
2021 €28.6 miljun
2022 €23.6 miljun
2023 €28.6 miljun
2024 €50.6 miljun
2025 €65.7 miljun
Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għandha għadd ta’ investimenti fl-infrastruttura tad-drenaġġ fi stadju avvanzat ta’ pjanar, li jagħmlu parti mill-Pjan ta’ Investiment Nazzjonali tagħha għall-għaxar snin li ġejjin li jammont għal €400 miljun.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Gvern għandux pjan jew strateġija biex iżomm il-prezzijiet tal-fjuwil stabbli u baxxi fiċ-ċirkostanzi internazzjonali preżenti, fejn il-prezzijiet taż-żejt u tal-prodotti tal-enerġija qed ikunu affettwati minn żviluppi u inċertezzi li qed iseħħu madwar id-dinja?
Prezzijiet tal-fjuwil – Miżuri ta’ protezzjoni għall-familji u n-negozji
Question
Tista’ l-Ministru tgħid x’miżuri qed jikkunsidra l-Gvern sabiex jipproteġi lill-familji u lin-negozji minn żidiet fil-prezzijiet tal-fjuwil, u jekk hemmx mekkaniżmu konkret fis-seħħ biex jiġi evitat li żidiet fil-prezzijiet internazzjonali jgħaddu direttament fuq il-konsumatur Malti?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li dan il-Gvern, kif diġà ilu jagħmel għal dawn l-aħħar 13-il sena u kif impenja ruħu li se jagħmel matul kampanja elettorali, se jibqa’ jżomm prezzijiet stabbli tal-elettriku u tal-fjuwil għall-familji u n-negozji. Anke fi żmien ta’ kriżijiet globali bħall-pandemija tal-COVID-19 u kunflitti internazzjonali li ġabu u għadhom qed iġibu magħhhom sfidi ekonomiċi kbar, meta l-prezz internazzjonali tal-enerġija għola drastikament, żammejna l-prezzijiet stabbli. L-għoti tas-sussidju fuq l-elettriku u l-fjuwil qabeż il-€1 biljun u għen lill-familji u lin-negozji jibqgħu reżiljenti u kompetittivi.
Kif diġà intrabatna mal-poplu Malti u Għawdxi permezz tal-programm elettorali, se nkomplu nħaddmu l-politika tagħna favur stabbiltà fil-prezzijiet tal-enerġija u nissussidjaw il-prezz tal-fjuwil, il-gass u l-kontijiet tad-dawl. Minkejja l-pressjoni li saritilna fl-aħħar snin u għadha qed issir, dan il-Gvern se jibqa’ jiddefendi l-politika tal-istabbiltà tal-prezzijiet.
Għal dan il-għan, il-Gvern se jkompli jintervjeni biex itaffi l-impatt taż-żidiet fil-prezzijiet internazzjonali tal-enerġija u ma jħallihomx jgħaddu direttament fuq il-konsumatur. Dan huwa l-mekkaniżmu konkret li permezz tiegħu l-Gvern qed jipproteġi lill-familji u n-negozji mill-volatilità fil-prezzijiet internazzjonali tal-enerġija, filwaqt li jkompli jinċentiva investiment fl-enerġija rinnovabbli u fl-effiċjenza enerġetika.
Dan il-Gvern huwa garanzija ta’ stabbiltà u hekk se jibqa’ jkun fiż-żmien li ġej. Li l-Gvern jibqa’ jagħti s-sussidju hija deċiżjoni strateġika li għandha żewġ għanijiet. L-ewwel għan hu li ma nitfgħux piżijiet fuq in-nies, fuq il-familji. F’mument fejn nafu li madwar id-dinja hawn sfida tal-inflazzjoni u ta’ instabbiltà, il-Gvern qed jagħmel il-parti tiegħu biex jgħin lill-familji u n-negozji. It-tieni għan hu li ċ-ċertezza li qegħdin nagħtu bi prezzijiet stabbli titrasmetti ruħha f’fiduċja fl-ekonomija. Dik il-fiduċja tħalli lill-pajjiż u l-ekonomija mixjin ‘il quddiem. B’hekk nibqgħu noħolqu l-ġid u dak il-ġid nistgħu nqassmuh.
Minkejja li hemm min għadu sal-lum jgħid li dan is-sussidju jrid jitwaqqaf, il-Gvern huwa kommess li jżomm politika ta’ stabbiltà. Fi żmien amministrazzjoni Nazzjonalista, meta l-prezz tal-fjuwil kien jogħla kull xaħar u l-prezz tal-elettriku dejjem jiżdied, kulħadd kien ibati iżda l-aktar li kienu jħossu d-daqqa kienu l-familji u dawk l-aktar vulnerabbli. Aħna mhux se mmorru f’dik it-triq, għax dik mhix il-politika tagħna.