Legislature:
Category:
Reset
Active:

Malta Enterprise — Energy audits b'xejn

Question

Jista’ l-Ministru jagħti dettalji dwar il-ħidma li saret biex jiġu offruti energy audits b'xejn lill-intrapriżi mikro u żgħar permezz ta' Malta Enterprise, kif ukoll għajnuna finanzjarja biex iwettqu r-rakkomandazzjonijiet tal-audit? Kemm intrapriżi bbenefikaw minn din l-inizjattiva u x'għajnuna addizzjonali ngħatat lil dawk li jilħqu standards internazzjonali akkreditati favur l-ambjent? Jista’ jagħti dettalji dwar l-implimentazzjoni ta' din l-inizjattiva u dwar in-nefqa relatata fis-snin 2022, 2023 u 2024?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Malta Enterprise ma tipprovdix sapport għall-energy audits. L-iskema Smart and Sustainable Investment Grant hija marbuta ma’ energy audits li mhumiex neċessarjament megħjuna mill-EWA. Taħt din l-iskema fl-2023 ġew approvati 22 allokazzjoni u l-assistenza approvata hija aktar minn miljun ewro. Fl-2024 ma kien hemm l-ebda applikazzjoni s’issa. Numru ta’ Applikazzjonijiet Approvati Cash Grants Tax Credits Total tal-assistenza provduta 2023 22 €1,052,356.00 €47,075.00 €1,099,431.00

Corporate Sustainability Reporting Directive — Kredenzjali ESG

Question

Jista’ l-Ministru jagħti dettalji dwar kif ġiet sostnuta l-pjattaforma mnedija f'Novembru 2021 biex tgħin lill-intrapriżi jsiru konformi mal-kredenzjali ESG u jilħqu l-miri tal-Corporate Sustainability Reporting Directive? Kemm kumpaniji bbenefikaw minn din il-pjattaforma u kif qed jgħin dan biex inkabbru l-aċċess għall-kapital lil kumpaniji sostenibbli? Jista’ jagħti dettalji dwar l-implimentazzjoni u dwar in-nefqa relatata fis-snin 2022, 2023 u 2024?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Nirreferi l-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tal-mistoqsija parlamentari 22197.

Ministeru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi — Uffiċjali bl-ogħla pakkett finanzjarju annwali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-iktar għaxar uffiċjali fi ħdan il-Ministeru tiegħu bl-ogħla pakkett finanzjarju annwali? Jista’ jgħid ukoll kemm hu l-pakkett finanzjarju ta' kull wieħed minnhom u x'jinkludi?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma l-Onor. Interpellant li l-pożizzjonijiet fl-istrutturi tas-Servizz Pubbliku huma marbuta ma' skali skont il-kategorija li jappartjenu. U għaldaqstant il-pakkett finanzjarju huwa marbut ma' dik il-kategorija dejjem hekk kif approvat jew maqbul fi ftehim tal-kategorija.

L-Imrieħel — Road markings u parking bays

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jsiru r-road markings, inkluż il-parking bays fit-toroq taż-Żona Industrijali fl-Imrieħel?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma l-Onor. Interpellant li is-Central Business District Foundation diġà kienet għamlet l-arranġamenti meħtieġa ħalli jsiru r-road markings. Inzerta li meta kellu jibda x-xogħol kien il-maltemp u allura issa x-xogħol se jibda fi ftit ġranet oħra.

Ħaddiema li għandhom ’il fuq minn 65 sena

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx persuni li għandhom minn 65 sena 'l fuq, li jaħdmu fid-dekasteru tiegħu? Jekk hemm, jista' jgħid kemm huwa n-numru ta’ dawn il-ħaddiema, skala skala, u jekk humiex tal-kuntrattur?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma l-Onor. Interpellant li qed inqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba dwar l-entitajiet li jaqgħu fi ħdan il-Ministeru tiegħi. Fir-rigward ta’ ħaddiema ‘l fuq minn 65 sena fis-Settur Publiku, nirreferi l-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 21443.

Unjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa — Laqgħat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għal liema laqgħat attenda fi ħdan l-Unjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa u dawk li mistenni jattendi għalihom f’dawn it-tieni sitt xhur tas-sena 2024?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma l-Onor. Interpellant li din is-sena attendejt il-laqgħat hekk kif indikat hawn taħt: · Kunsill Informali tal-Ministri responsabbli mit-Telekomunikazzjoni · Kunsill Informali tal-Ministri responsabbli mill-Ekonomija · Kunsill Formali tal-Ministri responsabbli mill-Ekonomija Laqgħat oħra għadhom qed jiġu ppjanati.

Art li hi proprjetà tal-Gvern Libjan — Ftehim

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim li bih il-Gvern Malti kien għadda l-art/skola (ex Teacher Training Centre) ġewwa Ta’ Ġiorni, f’San Ġiljan lill-Gvern Libjan?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Ministeru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi — Direct orders ta' inqas minn €5,000

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Mejju 2023?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Nirreferi l-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 22362.

Ministeru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi — rendikont ta’ nefqa f’attivitajiet ta’ relazzjonijiet pubbliċi

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont dettaljat tan-nefqa f’attivitajiet ta’ relazzjonijiet pubbliċi li saru mill-Ministeru u minn kull entità li taqa’ taħtu għall-perjodu mill-1 ta’ Ottubru 2023 sat-23 ta’ Settembru 2024? Għal kull attività, jista’ jagħti: a. L-isem l-attivita; b. L-iskop tal-attività; c. It-tip ta’ attività (press conference eċċ.); d. Id-Data tal-attività; e. Il-post fejn saret; f. Rendikont dettaljat tan-nefqa (kiri tal-post, backdrops, sistema tas-sound, dwal, materjal ippubblikat, eċċ); u g. Reklamar u/jew promozzjoni marbuta mal-attività?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Kif l-Onor. Interpellant konxja, ladarba kienet hi wkoll tagħmel parti f’tim ta’ tmexxija għall-organizzazzjoni ta’ attivitajiet simili, it-tagħrif speċifiku mitlub diffiċli li jinġabar mingħajr ma jinvolvi spejjeż oħrajn li mhumiex relatati. Ninformaha li l-organizzazzjoni ta’ attivitajiet simili tinvolvi wkoll xogħol u materjali li spiss jintużaw aktar minn darba f’attivitajiet simili, bħal pereżempju kif inhu l-każ f’kampanji li jtulu.

Ministeru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi — Direct orders ta' inqas minn €5,000

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Ottubru 2024?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Nirreferi l-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 21473.

Ministeru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi — Ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema fid-dekasteru u fis-segretarjat tiegħu li jaħdmu part-time?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma l-Onor. Interpellant li hemm total ta’ 17-il ħaddiema li jaħdmu fuq bażi ta’ Part Time fid-dipartimenti, entitajiet u awtowritajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru. Fis-segretarjat tal-Ministeru ma hemm l-ebda ħaddiema fuq bażi ta’ Part Time.

Ħal Qormi — Gnien Federico Maempel

Question

Jista' l-Ministru jgħid kienx hemm żviluppi dwar meta se jibda x-xogħol ta' refurbishment u upgrading fi Ġnien Federico Maempel, f'Ħal Qormi?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 21582 li ġiet imwieġba fis-seduta 266 tal-bieraħ 22 ta’ Ottubru 2024.

Eks Casino di Venezia — Xogħol preparatorju

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ix-xogħol preparatorju fir-rigward tal-eks Casino di Venezia huwiex lest u jekk le, kemm huwa previst li ser idum?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma l-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet preparatorji fuq it-tali sit għadhom għaddejjin u hemm diskussjonijiet ma’ entitajiet oħra tal-gvern fuq x-xogħlijiet oħra li se jibdew.

Ħal Qormi — Ġnien Federico Maempel - xogħol ta' refurbishment u upgrading

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm żviluppi minn meta ngħatat it-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 8354 f’Mejju 2023 dwar il-bidu ta’ xogħol ta' refurbishment u upgrading fi Ġnien Federico Maempel, f'Ħal Qormi?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma l-Onor. Interpellant li għaddejin diskussjonijiet ma l-Awtorità tal-artijiet u s-sidien taż-żewġ Kiosks li għandhom titlu ta ’ċens temporanju biex jiġu riveduti l-pjanti bl-għan li l-Kiosks jissodisfaw d-distanza rikjesta mill-Policies tal-Awtorita’ tal-Ippjanar u b’hekk jkun jista eventwalment jibda x-xoghol.

Ministeru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi — Rapporti ta’ fastidju sesswali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il rapport ta' fastidju sesswali fuq il-post tax-xogħol kien hemm fil-Ministeru jew fl-entitajiet li jaqgħu taħtu, mill-2014 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, u jipprovdi wkoll l-eżitu u x'passi ttieħdu fuq kull każ?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma l-Onor. Interpellant li mill-bidu ta’ din il-leġizlatura, fl-entitajiet tal-Ministeru kien hemm rapport formali wieħed ta’ fastidju sesswali fuq il-post tax-xogħol. Dan il-każ ġie investigat minn Bord ta’ Stħarriġ kif jitolbu l-proċeduri kkonċernati, fejn l-Bord ikkonkluda li “filwaqt li l-komportament tal-akkużat fil-konfront tal-allegat vittma ma kienx jikkostitwixxi bħala ‘Fastidju Sesswali’, jeżistu indizji ċari li tali komportament tal-akkużat għandu jitqies bħala ‘Imġiba mhux xierqa’ waqt il-qadi ta’ dmirijietu”. Peress li l-akkużat huwa civil servant, l-eżitu tal-Bord ġie mgħoddi lis-segretarju Permanenti, fejn sussegwentement nħarġet twissija bil-miktub. F’ċirkunstanza oħra minkejja li ma kienx hemm rapport iżda peress li kienet allegazzjoni, xorta waħda kien skatta proċess ta’ investigazzjoni li ma kien irriżulta xejn minnha.

Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali — Implimentazzjoni effettiva

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 18748 li ngħatat fis-seduta tat-8 ta’ Mejju 2024 fejn intqal li appena jiġi ppublikat ir-Regolament tal-UE dwar l-Intelliġenza Artifiċjali, l-Awtorità tal-Innovazzjoni Diġitali ta’ Malta (MDIA) kienet se tieħu ‘l-passi neċessarji biex tassigura li Malta tibqa’ fuq quddiem fejn tidħol ir-regolamentazzjoni tal-intelliġenza artifiċjali (IA)’, issa li ġie ippubblikat ir-Regolament tal-UE nru 2024/1689 (‘l-Att dwar l-Intelligenza Artifiċjali’) da parti tal-UE, jista’ l-Ministru jelabora fuq il-passi li qegħdin jittieħdu jew se jittieħdu fir-rigward tal-implimentazzjoni effettiva tal-imsemmi Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali, tenut kont tal-komplessità ta’ dawn il-miżuri leġislattivi?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Malta qed tieħu l-passi neċessarji sabiex timplimenta l-Att dwar l-Intelligenza Artificjali. F’Ġunju li għadda ġie aġġornat l-Att dwar l-Awtorità tal-Innovazzjoni Diġitali ta’ Malta (MDIA) sabiex sussegwentament jiġi ppubblikat l-Avviż Legali li jimplimenta l-Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali. · Twaqqaf Unit fi ħdan l-Uffiċċju tal-Istrateġija, il-Politika u l-Governanza tal-istess Awtorità iffukat fuq is-superviżjoni tal-Intelliġenza Artifiċjali. · Ġew identifikati numru t’ Awtoritajiet dwar id-Drittijiet Fundamentali u dawn se jkunu ikkomunikati skont il-providimenti tal-Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali. · Ġew identifikati l-Awtoritajiet tan-Notifika u dawn se jkunu nominati skont il-providimenti tal-Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali. · Qegħdin f’diskussjonijiet avvanzati sabiex jiġi ffinalizzat l-identifikazzjoni tal-Awtoritajiet dwar is-Sorveljanza tas-Suq biex il-proċess ta’ nominazzjoni jsir skont il-providimenti tal-Att dwar l-AI. Ta’ min isemmi li numru ta’ pajjizi qegħdin fil-proċess li jwaqqfu Awtorità kompetenti ġdida imma dan mhux previst li jsir f’Malta minħabba li hu wieħed mill-ftit pajjiżi li diġa għandu Awtorità kompetenti dwar it-Teknoloġija Innovattiva. Hu previst li din il-funzjoni ssir mill-MDIA u f’każijiet partikolari, l-Awtorità kompetenti tkun l-IDPC. · Komplew diskussjonijet tekniċi ma’ operaturi ekonomiċi minħabba li numru ta’ rekwiżiti jidħlu fis-seħħ f’Awwissu 2026. · L-MDIA kompliet isaħħaħ is-sistemi tagħha permezz taċ-ċertifikazzjoni internazzjonali tal-ISO 9001. · L-Awtorità kompliet bl-outreach tagħha permezz ta’ inizjattivi ta’ kommunikazzjoni u l-allinjament mill-ġdid tal-istrateġija u l-viżjoni dwar l-Intelliġenza Artifiċjali.

Ministeru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi — Konsulenti/Persons of trust

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk għandux konsulenti jew persons of trust li jaħdmu fil-Ministeru tiegħu? Jekk hemm, jista’ jgħid kemm huma mill-Unjoni Ewropea u kemm huma Third Country Nationals?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-konsulenti / persons of trust jiġu impjegati skont il-manwal li kopja tiegħu diġà tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi — Direct orders ta' inqas minn €5,000

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Settembru 2024?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma l-Onor. Interpellant jirrefri għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari W307.

Videogaming Grant Scheme — Finanzi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid minn meta (sena u xahar) bdew jiġu vvutati finanzi fil-Baġit għall-Videogaming Grant Scheme? Kemm ġew allokati flus kull sena, sena b’sena? Kemm intużaw flus kull sena, sena b’sena u lil liema kumpaniji u/jew individwi ngħataw dawn il-fondi, kemm ingħataw u x’kienu l-parametri jew il-kriterji li ġew meqjusa fl-għoti ta’ kull għotja, sena b’sena?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma l-Onor. Interpellant li mill-2019, Malta għamlet passi sinifikanti biex tistabbilixxi lilha nnifisha bħala ċentru kompetittiv għall-iżvilupp tal-video games, l-esports, u l-industriji tat-teknoloġija immersiva. Minkejja l-isfidi globali li rriżultaw fiż-żmien il-pandemija bil-miżuri proattivi ta’ Malta ppermettew lill-pajjiż irawwem ekosistema li qed tikber, tattira studios internazzjonali, trawwem talent lokali, u jospita avvenimenti globali. Għaldaqstant qed iniqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra d-dokument tal-viżjoni tal-Gvern għas-setturi tal-Video Games u tal-eSports u l-informazzjoni mitluba.