Ministeru għall-Edukazzjoni — tender/direct order lill-kumpanija
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 18213, tista' l-Ministru tgħid jekk il-Ministeru tagħha jew xi entità li taqa' taħtha tawx tender jew direct order lil kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament mill-2013 sissa? Jekk iva, tista' tagħti l-informazzjoni sena b’sena?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninsab infurmata li d-Direttorati/Entitajiet fi ħdan il-Ministeru tiegħi qatt ma taw tender jew direct order lil kumpanija li d-dettalji dwarha ngħataw separatament mill-2013 lil hawn.
Tista' l-Ministru tara x'jista’ jsir fil-każ ta’ dan l-istudent tal-MCAST (li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament) li qed ikun mitlub iħallas refund ta' €166.47 bħala refund tal-maintenance grants, li skont l-MCAST, ir-raġuni li dan l-istudent ikollu jħallas ir-refund hi għax ma għaddiex mill-eżami, imma minħabba l-lockdown kien għamel l-eżami mid-dar, u ma kellux LSA miegħu?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninsab infurmata li minħabba li l-istudent weħel mill-kors li kien qed isegwi, intużat il-proċedura msemmija fil-Legal Notice 308 tas-sena 2016.
Ministeru għall-Edukazzjoni — talbiet skont il-Freedom of Information Act
Question
Tista' l-Ministru tgħid, sena b'sena mill-2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija kemm kien hemm talbiet skont il-Freedom of Information Act? Kemm minnhom ġew rifjutati?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli interpellanta għat-tweġibiet li ngħataw għall-mistoqsijiet parlamentari numri 2518, 11383 u 16599, inżid ninforma li minn Ottubru 2020 sal-lum kien hemm tliet talbiet, li minnhom waħda ġiet irrifjutata.
B’referenza għall-interventi tiegħi fil-Parlament li għamilt aktar kmieni matul din il-leġislatura dwar l-użu tal-parkeġġ li hemm mal-Iskola tal-Qawra, tista’ l-Ministru tindika meta dan il-parkeġġ jew parti minnu ser ikun jista’ jagħmel użu minnu l-pubbliku inġenerali u r-residenti tal-madwar anke jekk mhux fil-ħinijiet normali tal-iskola?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ngħarraf lill-Onorevoli interpellant li l-Ministeru għall-Edukazzjoni qed jara li l-parkeġġ tal-Iskola jibda jiġi użat wara li jkun żgurat li ma hemmx issues li tali użu minn terzi jista' joħloq.
Tista’ l-Ministru tgħid għaliex sal-lum għadhom ma bdewx jitqassmu l-laptops il-ġodda lill-edukaturi? X’kienet ir-raġuni li t-tenders tħallew daqshekk tard? Sa meta se jkunu mqassma l-laptops? Tista’ l-Ministru tispjega għaliex l-MUT ftit ġranet ilu akkużat lill-Ministeru b’pika infantile meta qalet “L-MUT qed tipprotesta bil-qawwi dwar il-livell ta’ pika infantili li wasal fiha l-Ministeru tal-Edukazzjoni. Dan meta l-laptops il-ġodda għall-edukaturi tal-iskejjel tal-istat ilhom li waslu minn Diċembru li għadda u l-Ministeru qed jibqa’ ma jqassamhomx lill-edukaturi. Din it-tattika ta’ pika infantili qed issir sinonima ma’ ħafna mid-deċiżjonijiet li qed jittieħdu. Fid-dawl li dan l-apparat huwa daqstant essenzjali għat-tagħlim waqt perjodu bħal dan tal-pandemija, din il-pika qed tissarraf f’sitwazzjonijiet varji fejn edukaturi m’għandhomx biex jaħdmu jew inkella qed jillapazzaw b’apparat li issa għadda żmienu u m’għadux jista’ jaqdi l-ħtiġijiet tat-tagħlim tal-lum. Fl-aħħar mill-aħħar, tali pika m’hu qed twassal għal xejn għajr li l-edukaturi u l-istudenti qed ibatu għalxejn.” Tista’ tgħid kemm għandu laptops ġodda f idejh xi jqassam il-Ministeru?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara li ġie ġġudikat tender għal xiri ta' laptops, f'Marzu 2020, diġà tqassmet l-ewwel konsenja ta' 1,300 laptop.
Minħabba l-pandemija tal-Covid-19, kien hemm dewmien fil-konsenja li jifdal. Appena l-laptops il-ġodda jaslu, ikomplu jitqassmu lill-edukaturi.
Tista' l-Ministru tinforma lil din il-kamra dwar l-istatus tal-WIFI fl-Iskola Primarja ta' Ħal Għaxaq? Tista' l-Ministru tikkonferma jekk hemmx WIFI aċċessibbli għal kull klassi u għal kull student/a?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li fl-iskola Primarja ta' Ħal Għaxaq hemm wi-fi aċċessibbli għall-istudenti. Infurmata li kien hemm problema fi klassi partikulari, u din ġiet solvuta.
Tista’ l-Ministru tagħti iżjed informazzjoni dwar l-użu ta' Villa Portelli, il-Kalkara? Tista’ tgħid ukoll jekk hux ser tibqa għall-użu tal-MCAST u jekk iva hux ser isir restawr ta' din il-Villa prestiġjuża?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li dwar Villa Portelli qed isiru diskussjonijiet bejn l-MCAST u l-Ministeru għall-Edukazzjoni dwar l-aħjar użu għat-taħriġ u l-edukazzjoni, u niżguraw li l-binja tkun aċċessibbli għal persuni b’diżabilità.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk hux minnu li operaturi ta’ childcare centres ġodda mhux jitħallew jipparteċipaw fl-iskemi ta’ sussidju li ngħatat lil childcare centres e¿istenti? X’inhi r-raġuni? Tista’ tgħid taħsibx li hu inġust li hemm min investa l-flus u ilu għaddej sena bil-proċess ta’ permessi biex fl-aħħar mument jgħidulu li l-iskema magħluqa? X’inhuma l-benefiċċji li qed jitilfu dawn l-operturi u li l-oħrajn qed igawdu? Meta se terġa’ tiftaħ l-iskema? X’inhi r-raġuni li l-proċess ta’ childcare ġdid għadu jitlaq minn JobsPlus u mhux mill-Ministeru għall-Edukazzjoni? Ma taħsibx il-Ministru li dan inaqqas mill-funzjoni edukattiva li għandhom ikollhom dawn iċ-childcare centers?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proċess ta’ reġistrazzjoni ta’ Childcare ġdid, biex jiġi żgurat li jkun hemm l-istandards neċessarji, jaqa’ taħt id-Direttorat għall-Kwalità u Standards fl-Edukazzjoni (DKSE) fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni.
Għall-kumplament tal-mistoqsija, nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għall-Ministeru konċernat.
Ir-Rabat Għawdex — kiri ta' postijiet biex jintużaw bħala uffiċini
Question
Tista’ l-Ministru tgħid għala nħasset il-ħtieġa li fl-aħħar ġranet tas-sena 2020 il-Ministeru għall-Edukazzjoni joħroġ espessjoni ta' interess biex jinkrew postijiet biex jintużaw bħala uffiċini ġewwa r-Rabat Għawdex? Tista’ tgħid minn min ħa jintużaw dawn l-uffiċini u għal-liema skop ħa jintużaw dawn l-uffiċini? Tista’ tgħid kemm ħa tkun l-ispiża ta’ kull xahar biex jinkrew dawn l-uffiċini u jekk il-Ministru u s-Segretarjat humiex ħa jibdew jużaw dawn l-uffiċini ġewwa Għawdex b'mod regolari?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-kiri ta’ post ser jintuża biex jingħataw servizzi ġodda f’Għawdex mill-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Edukazzjoni. L-FTS mistennija tibda topera minn hemm fil-ġranet li ġejjin.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-grants TESS li ġew approvati fl-2019/2020 tħallsux? Jekk ma tħallsux, meta se jitħallsu?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninsab infurmata li 60 grant agreement mill-84 li ġew approvati diġà tħallsu. Il-kumplament ser jitħallsu sa l-aħħar ta’ Frar 2021, kemm il-darba l-applikanti jipprovdu d-dokumenti kollha meħtieġa skont ir-regolamenti tal-iskema TESS.
Tista’ l-Ministru tgħid minn kemm ilu mwaqqaf it-Think Tank tal-edukazzjoni minn Mejju li għadda, kemm-il darba ltaqa’? Tista’ tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-proposti dwar il-futur tal-edukazzjoni li dan il-kumitat kellu jlesti sal-14 ta’ Settembru?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li t-think tank kellu skeda ta’ erba’ laqgħat li saru kif ippjanat. Dawn kienu:
· 03.12.2020 - Think Tank Introductory Meeting
· 07.12.2020 - Education Compass: Think Tank Stakeholders Forum
· 15.12.2020 - Education Compass: Think Tank Technical Forum
· 16.12.2020 - Education Compass: Think Tank Children’s Forum
Filwaqt li ma kienx hemm data ta' meta kellu jitlesta dan id-dokument intern, inserraħ moħħ l-interpellant li ser nara li d-dokument jitlesta mill-aktar fis possibbli.
Skema ta’ Tablet per Child għal studenti tas-sekondarja
Question
Tista’ l-Ministru tgħid għaliex wara 7 snin fil-gvern, l-iskema ta’ Tablet per child għadha waslet biss sas-snin tal-primarja u mhux ukoll fis-sekondarja? Tista’ tgħid għaliex wara l-Year 6 it-tfal tal-iskejjel jittieħdilhom it-tablet? Tista’ tgħid hemmx ħsieb li t-tfal tas-sekondarja jingħataw tablet f’din is-sena skolastika jew dik li jmiss?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant li wara li ġie evalwat dak li sar fil-qasam Primarju, tgħallimna minn dak li sar u tejjibna fejn kien meħtieġ filwaqt li bdew il-preparamenti biex dan il-proġett jiġi estiż fl-iskejjel Medji u Sekondarji. Fil-fatt, is-sena l-oħra, 2020, sar studju xjentifiku fl-iskejjel medji u sekondarji dwar x’inhuma l-aħjar modi ta’ kif tiġi introdotta teknoloġija ġdida, x’tip ta’ teknoloġija għandha tidħol, ix-xogħol li għandu jsir fuq l-infrastruttura tal-iskejjel, it-taħriġ tal-għalliema u x’bidliet jeħtieġ li jsiru biex teknoloġija ġdida twassal verament għal tagħlim aħjar.
Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija, is-sistema edukattiva fil-primarja hija differenti minn dik sekondarja u t-tablets huma speċifikament immirati għall-bżonnijiet tal-istudenti u l-għalliema fl-iskejjel Primarji.
Qed isiru l-preparamenti meħtieġa biex l-introduzzjoni tat-teknoloġija portabbli tibda tidħol bil-għaqal u bi prova bi proġett pilota fl-anqas żmien possibbli.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm LSEs jaħdmu mal-Gvern, kemm fil-Primarja kif ukoll fis-Sekondarja?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninsab infurmata li fl-iskejjel tal-Gvern hemm total ta’ 2586 LSEs (jinkludu LSE 1, LSE 2, LSE 3 u Supply LSE) kif muri fit-tabella hawn taħt:
Main Stream
Resource Centres
Primarja
1781
26
Sekondarja
648
131
Online Lessons għal tfal vulnerabbli u tfal li qegħdin kwarantina
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kif tfal tas-sekondarja li qegħdin kwarantina se jkollhom online lessons filwaqt li dawk li huma vulnerabbli jew jgħixu ma' xi ħadd vulnerabbli u li ma jmorrux skola fiżikament, qatt ma kellhom online lessons? Hemm ħsieb li dawn l-istudenti vulnerabbli jkollhom online lessons?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant li l-Ministeru impenjat b'mod kontinwu li jsaħħaħ l-iskola virtwali. F'dan il-każ, l-istudenti vulnerabbli għandhom aċċess għall-iskejjel virtwali minbarra l-lezzjonijiet irrekordjati li sa issa qabżu l-5,000, waqt li jistgħu jżommu kuntatt mal-għalliema tagħhom tal-klassi.
Studenti fi kwarantina mhux inklużi fl-iskola Virtwali minħabba li dawn mistennija li jirritornaw lura fi żmien qasir. Bħalma jiġri normalment, diversi għalliema jibagħtu xogħol lil dawn l-istudenti permezz ta’ mezzi bħal MS Teams.
Online lessons għal tfal vulnerabbli u tfal li qegħdin kwarantina
Question
Tista’ l Ministru tgħid, x’differenza hemm bejn tfal li qegħdin kwarantina u li se jkollhom online lesson, u dawk li huma vulnerabbli u li se jibqgħu mingħajr online lessons? Dawk ir-raġunijiet kollha għaliex it-tfal vulnerabbli ma tħallewx ikollhom online lessons ma japplikawx għal tfal li qegħdin kwarantina?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Nirreferi l-Onorevoli interpellant għar-risposta li għadha kif ingħatat għall-mistoqsija parlamentari 19034.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 18185, tista’ l-Ministru tgħid liema bini ġdid tlesta fil-kumpless tal-MCAST tul is-sena li għaddiet? F’liema pożizzjoni jinsab il-proġett sħiħ u meta mistenni jiġi fi tmiemu?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ngħarraf lill-Onorevoli interpellant li l-binja tal-Istitut tal-Inġinerija u t-Trasport tlestiet fl-2019. Matul is-sena 2020, tkompla x-xogħol relatat mal-binjiet tal-MRC u l-IICT. Madwar 65% tax-xogħol relatat mal-binjiet issa lest. Huwa stmat li dawn il-binjiet jitlestew sal-2022/2023.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm kien hemm każijiet ta' studenti jew għalliema li rriżultaw pożittivi għal Covid-19 f'Jannar 2021? Kemm kien hemm persuni, inkluż ġenituri, qraba jew ħbieb li ġew mitluba li joqogħdu kwarantina minħabba li kienu f'kuntatt magħhom?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Nitlob lill-Onorevoli interpellant biex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru konċernat.
Ministeru għall-Edukazzjoni — entitajiet li għandhom ftehim kollettiv skadut
Question
Tista’ l-Ministru tgħid liema huma l-entitajiet fid-dekasteru tagħha li għandhom bħalissa ftehim kollettiv li skada? Tista’ għal kull każ jgħid meta skada?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninsab infurmata li bħalissa l-Awtorità ta’ Malta għall-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla (MFHEA) għandha ftehim kollettiv skadut li jkopri sas-sena 2020. Bħalissa qed isiru laqgħat mal-Union konċernata għal ftehim kollettiv ġdid.
Infurmata wkoll li l-Università ta' Malta għandha l-Ftehim Kollettiv għall-istaff akkademiku tal-Università ta' Malta u tal-Junior College li skada fil-31 ta' Diċembru 2018.
Inżid li hi l-prassi li kull fejn ikun hemm ftehim kollettiv skadut, in-negozjati għal ftehim ġdid jesiġu li dan jibda jgħodd proprju minn meta jieqaf ta’ qablu.
Ministeru għall-Edukazzjoni — lista ta' proġetti kapitali
Question
Tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ proġetti kapitali lil jaqgħu taħt il-Ministeru tagħha jew xi entità li taqa' taħtha li huma għaddejjin bħalissa jew se jibdew fit-12-il xahar li ġejjin?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ proġetti li huma għaddejjin bħalissa kif ukoll dawk li huma pjanati fiż-żmien li ġej. Ninforma wkoll li għad jonqos tingħata informazzjoni mill-Università ta’ Malta. Dan it-tagħrif ikun jista’ jingħata bħala informazzjoni addizzjonali hekk kif tingħatali din l-informazzjoni.
Attachments:PQ 18759 - lista ta' proġetti kapitali - Entitajiet fil-MFED.pdf