Ministeru għall-Anzjanità Attiva – implimentazzjoni ta’ Direttivi tal-UE
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’direttivi tal-Unjoni Ewropea ġew implimentati mill-Ministeru tiegħu tul is-sena 2022 u liema huma dawk li għadhom pendenti?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Direttiva tal-Unjoni Ewropea li kellha data ta’ skadenza għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali fis-sena 2022 u li ġiet trasposta hija s-segwenti:
Ministeru
Titlu
Data ta’ Skadenza
MFAA
Direttiva (UE) 2022/642 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ April 2022 li temenda d-Direttivi 2001/20/KE u 2001/83/KE fir-rigward ta’ derogi minn ċerti obbligi li jikkonċernaw id-disponibbiltà ta’ ċerti prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem fir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq, u f’Ċipru, fl-Irlanda u f’Malta
20/08/2022
Jista' l-Ministru jgħid kemm fil-preżent hemm ħaddiema f’Dar Padova f'Għajnsielem, xi grad huma u kemm ilhom jaħdmu hemm?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi f’Dar Padova hemm tnejn u tletin ħaddiem kif ġej:
Numru ta’ ħaddiema
Grad
Data ta’ Meta l-Ħaddiema bdew jaħdmu Dar Padova
1
Senior General Practitioner
Ottubru 2022
1
Senior Nursing Manager
Novembru 2022
2
Charge Nurses
Awwissu 2016 u Jannar 2022
1
Staff Nurse
Diċembru 2018
1
Senior Health Carer
Diċembru 2022
1
Clerk
Marzu 2023
14
Assistant Care Workers
Jannar 2015, Ġunju 2015, Settembru 2015, Marzu 2016, Awwissu 2016, Settembru 2016, Marzu 2017, Mejju 2017, Mejju 2019
5
Security Officers
Frar 2015, Mejju 2015, Awwissu 2016 u Lulju 2022
2
Handymen
Marzu 2016 u Frar 2017
2
Cleaners
Jannar 2016, Awwissu 2016
2
Drivers
Ottubru 2022 u Novembru 2022
Jista’ l-Ministru jgħid jekk bediex ix-xogħol ta’ restawr f’Selmun Palace li kellu jibda sal-aħħar tas-sena 2022? Jekk iva, jista’ jagħti rendikont tax-xogħol li sar u indikazzjoni ta’ meta hu previst li jitlesta? Jekk le, jista’ jgħid għaliex ix-xogħol ta’ restawr għadu ma bediex?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi l-Mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.
Ministeru għall-Anzjanità Attiva – ftehim mal-kunsilli lokali dwar servizz taċ-ċentri ta’ matul il-jum
Question
Jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawk il-kunsilli lokali li għandhom ftehim mal-Ministeru għall-Anzjanità Attiva sabiex jibqa’ jingħata s-servizz taċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum? Fiex jikkonsisti dan il-ftehim?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Anzjanità Attiva u l-Kura fil-Komunità preżentament għandha ftehim ma’ xi kunsilli lokali biex jiġi offrut Ċentru għall-Anzjanità Attiva f’dawn il-lokalitajiet: il-Mosta, San Pawl il-Baħar, l-Imġarr, is-Siġġiewi, in-Naxxar, tas-Sliema, l-Imsida, Birkirkara, Ħal Qormi, Santa Luċija, Ħal Kirkop, Ħal Safi, Ħal Luqa, Pembroke u Santa Venera. F’dawn il-lokalitajiet il-kunsill lokali jipprovdi il-post fejn ikun offrut is-servizz taċ-Ċentru għall-Anzjanità Attiva filwaqt li l-AAKK tipprovdi s-servizz, inkluż l-impjegati. Iċ-Ċentri tar-Raħal Ġdid, Ħaż-Żebbuġ u tas-Swieqi jitmexxew mill-kunsill lokali permezz ta’ voluntiera u għalhekk l-AAKK ma tipprovdix ħaddiema minn tagħha imma toffri biss għalliema biex jipprovdu sessjonijiet ta’ tagħlim.
Parti minn dan il-ftehim ħafna drabi jinkludi wkoll t-trasport għall-membri biex jattendu iċ-Ċentru fejn jew jitħallas kollu mill-kunsill lokali jew inkella l-ispejjeż jinqasmu bejn iż-żewġ entitajiet. F’xi lokalitajiet it-trasport jitħallas kollu mill-AAKK.
Fil-każ taċ-Ċentri li jinsabu f’Ħad Dingli, il-Mellieħa, iż-Żejtun, iż-Żurrieq, Birżebbuġa, il-Ħamrun u Bormla l-AAKK tikkollabora mal-kunsilli lokali biex ikun ipprovdut trasport, sessjonijiet ta’ tagħlim tul il-ħajja u ħruġ.
Il-Furjana– Dar il-Mistrieħ – rilokazzjoni ta’ anzjani residenti waqt xogħlijiet ta’ rinnovar
Question
Jista’ l-Ministru jgħid xi kriterji qed jintużaw sabiex jiġi deċiż min mill-anzjani li bħalissa jirrisjedu f’Dar il-Mistrieħ fil-Floriana se jiġi rilokat waqt ix-xogħlijiet li se jkunu qed isiru u min se jibqa’ jirrisjedi fid-dar waqt dawn ix-xogħlijiet? Jista’ jgħid ukoll jekk min ilu jirrisjedi għal żmien twil f’din id-dar u ma jixtieqx jiġi rilokat, jingħatax preferenza fuq min daħal l-aħħar f’din id-dar?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ewwel ser jiġu rilokati dawk ir-resident li offrew li jagħmlu dan b’mod volontarju. Jekk ma jkunx hemm rilokazzjonijiet volontarji biżżejjed biex isiru ix-xogħlijiet, ser jiġu rilokati dawk ir-residenti li daħlu l-aħħar. Dawn ir-rilokazzjonijiet qed isiru wara konsultazzjoni mat-tim interdixxiplinarju mediku.
Il-Furjana – Dar il-Mistrieħ — rilokazzjoni ta’ anzjani residenti waqt xogħlijiet ta’ rinnovar
Question
Jista’ l-Ministru jagħti garanzija lil kull anzjan li se jiġi rilokat f’dar residenzjali oħra waqt ix-xogħlijiet li se jkunu qed isiru f’Dar il-Mistrieħ, fil-Floriana, li ser jerġa’ jsib postu f’din id-dar residenzjali wara li jitlestew ix-xogħlijiet?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dawk ir-residenti li jiġu rilokati minn Dar il-Mistrieħ fil-Floriana waqt ix-xogħlijiet, ser jinżammilhom il-post biex xħin jitlesta x-xogħol ikunu jistgħu jerġgħu lura f’Dar il-Mistrieħ, sakemm ma tkunx l-għażla tar-resident li ma jgħamilx dan.
Jista' l-Ministru jagħti rendikont ta' kull kuntratt ta' konsulenza, servizz jew xort’oħra ta' remunerazzjoni li ngħataw mill-Ministeru jew minn xi entità li taqa' taħtu, lill-Eks Membri Parlamentari li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament bejn l-2018 u llum? Jista' f'kull każ jgħid b'liema proċedura ngħata l-kuntratt jew servizz, x'kienet ir-remunerazzjoni u x'kienu l-benefiċċji u perkaċċi marbuta miegħu?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma ngħata l-ebda kuntratt ta' konsulenza, servizz jew xort’oħra ta' remunerazzjoni, lill-Eks Membri Parlamentari li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament.
Jista’ l-Ministru jgħid f'dawn l-aħħar għaxar snin kemm-il rapport kriminali sar mill-Permanent Secretary mal-Pulizija fir-rigward tal-eżerċizzju tal-funzjoni tagħhom fil-Ministeru? Jista' jgħid ukoll dwar xiex sar ir-rapport u x'kien l-eżitu ta’ kull rapport rispettiv?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid meta ġiet mikrija mill-Gvern Dar Padova f'Għajnsielem, Għawdex? Mingħand min ġiet mikrija? Kemm hi l-kirja fis-sena u għal kemm snin hija l-kirja? Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim ta' kera tal-istess Dar?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li sar ftehim bejn l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità u l-Provinċja Franġiskana Maltija ta’ San Pawl Appostlu, tal-Ordni tal-Patrijiet Minuri (O.F.M.) b’effett mis-26 ta’ Novembru 2014 għal ħames snin u baqa’ jiġi mġedded kull ħames snin bi ħlas ta’ €20,000 fis-sena.
Dan il-ftehim jikkonsisti f’informazzjoni kunfidenzjali u kummerċjalment sensittiva.
Informal caregivers – applikazzjonijiet għal residential respite
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm tibdil fil-kondizzjonijiet sabiex informal caregivers ikunu jistgħu japplikaw għal Respite Residenzjali? Jekk iva, jista’ jgħid meta sar dan it-tibdil u għaliex sar? Jista’ jgħid ukoll kemm kien il-massimu ta’ ġranet li dawn l-informal caregivers setgħu jagħmlu użu minn dan is-servizz u kif setgħu jieħduh u jgħid ukoll kemm hu l-massimu ta’ ġranet illum li jistgħu jieħdu u kif jista’ jittieħed?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma kien hemm l-ebda tibdil fil-kundizzjonijiet sabiex informal caregivers ikunu jistgħu japplikaw għal Respite Residenzjali.
Il-massimu tas-servizz huwa ta’ tliet ġimgħat u jkunu jistgħu jagħmlu użu minnu tliet darbiet fis-sena.
Residenza San Vinċenz de Paule – servizz b’xejn ta’ televiżjoni għar-residenti
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2008, jista’ l-Ministru jgħid jekk jaħsibx illi l-anzjani fir-Residenza San Vinċenz de Paul għandhomx igawdu minn servizz b’xejn tat-televiżjoni kullimkien u mhux fil-common areas tas-swali biss? Jista’ jgħid għaliex l-anzjani għandhom iħallsu huma għal dan is-servizz?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li ġo kull sala r-residenti jistgħu jgawdu mis-servizz b’xejn tat-televiżjoni ġol-common areas bħalma kien għal bosta snin. Is-servizz ta’ free to air channels fejn kull sodda huwa provdut mill-kumpanija privata permezz tal-użu tal-antennae fejn dan l-aħħar ġimgħat qed isiru arranġamenti f’kull lokalità biex dan is-servizz ikompli jingħata. Dan qed isir ukoll ġewwa San Vinċenz de Paul (SVP).
Barra minn hekk, kull resident jista’ jagħmel ftehim mal-kumpanija li tipprovdi s-servizz ġewwa SVP biex ikollu servizz tat-televiżjoni b’aktar stazzjonijiet ħdejn is-sodda.
Trasport provdut lill-anzjani biex ikunu jistgħu jaċċessaw ir-reverse vending machines
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarx il-ftehim bejn BCRS Malta Limited u l-Active Ageing sabiex l-anzjani jiġu pprovduti trasport sabiex ikunu jistgħu jaċċessaw ir-reverse vending machines u jiddepożitaw il-fliexken tagħhom? Jista’ jgħid meta se jibda jitħaddem dan is-servizz u jagħti dettalji ta’ kif se jibda jopera dan is-servizz?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi t-taħditiet dwar il-ftehim mal-BCRS Malta Ltd waslu fil-fażi finali. Dan is-servizz jibda jitħaddem hekk kif il-karozzi jkunu disponibbli għand l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità.
Dan is-servizz se jitħaddem billi l-anzjani jittieħdu biex jagħmlu x-xirja tagħhom mis-supermarkets li għandhom il-magna tal-iskema ta’ rifużjoni, biex fl-istess ħin huma jirritornaw il-kontenituri vojta li jkollhom. F’każ li l-ħanut li minnu jixtri l-anzjan/a m’għandux il-magna tar-rifużjoni, l-anzjani jittieħdu fl-eqreb hub ta’ din l-iskema u wara jibqgħu sejrin bihom biex jagħmlu x-xirja tagħhom.
Barra milli jaqdu lill-anzjani fl-iskema tar-rifużjoni kif spjegat hawn fuq, il-vetturi sejrin jintużaw għas-servizz normali tas-Silver-T, fuq livell nazzjonali. Dan is-servizz ta’ trasport għall-anzjani, huwa bla ħlas u hu indirizzat sabiex jitnaqqas kull inkonvenjent għall-anzjani nieqsa minn mobilità.
Servizz ta’ trasport għal min ikun qed iżur ir-Residenza San Vinċenz de Paul
Question
Jista’ l-Ministru jgħid min qiegħed jieħu ħsieb is-servizz ta’ trasport għal min ikun qed iżur ir-Residenza San Vinċenz de Paul sabiex jittieħed minn post għal post fl-istess Residenza? Jista’ jgħid kif jopera dan is-servizz, inkluż kemm jiswa u kemm qed jintużaw vannijiet?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li s-servizz qed jiġi provdut mill-Kumitat tal-Welfare. Kuljum ġewwa San Vinċenz hemm servizz ta’shuttle service li waqt il-ħinijiet tad-dħul tal-viżitaturi, it-trasport iwassalhom fis-swali rispettivi. Għal dan is-servizz jintuża vann wieħed.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm anzjani li huma residenti bħalissa f’Dar il-Mistrieħ fil-Floriana u kemm hu n-numru ta’ anzjani li jridu jiġu rilokati sabiex ikunu jistgħu jsiru x-xogħlijiet ta’ rinnovar f’din id-dar residenzjali?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa hemm 36 resident u sabiex ikunu jistgħu jsiru x-xogħlijiet ta’ rinnovar hemm bżonn li jiġu rilokati sa massimu ta’ 15-il resident.
Floriana – Dar il-Mistrieħ – xogħlijiet ta’ rinnovar
Question
Jista’ l-Ministru jgħid meta se jkunu qed jibdew ix-xogħlijiet ta’ rinnovar fid-dar residenzjali, Dar il-Mistrieħ fil-Floriana? Jista’ jgħid ukoll meta se jkunu lesti?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet ta’ rinnovar diġà beda f’Dar il-Mistrieħ, Floriana u huwa skedat li jitlesta sal-aħħar ta’ din is-sena.
Jista’ l-Ministru jgħid għal liema laqgħat attenda fi ħdan l-Unjoni Ewropea u dawk li mistenni jattendi għalihom f’dawn l-ewwel sitt xhur tas-sena?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li attendejt laqgħa f’Stockholm, l-Iżvezja bejn it-13 u l-14 ta’ Frar 2023 organizzata mill-Presidenza Svediża tal-Kunsill tal-UE. Titlu: ‘ High-Level Meeting on Active and Autonomous Ageing’. M’hemmx iktar laqgħat li mistenni nattendi għalihom f’dawn l-ewwel sitt xhur tas-sena.
Awtorità għall-Istandards ta' Ħarsien Soċjali – ilmenti minn anzjani jew mill-familjari tagħhom
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il ilment tressaq fis-sena 2022 lill-Awtorità għall-Istandards ta' Ħarsien Soċjali minn anzjani u/jew mill-familjari tagħhom li jgħixu fid-djar residenzjali u fir-Residenza San Vinċenz de Paul dwar infermiera u carers li ma jkunux jitkellmu u jifhmu l-Malti?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ lmenti li tressqu fis-sena 2022 lill-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali (SCSA) minn anzjani u/jew mill-familjari tagħhom li jgħixu fid-djar residenzjali u fir-Residenza San Vinċenz de Paul dwar infermiera u carers li ma jkunux jitkellmu u jifhmu l-Malti huwa ta’ tnejn (2).
Jista' l-Ministru jgħid x'qed isir biex il-problema ta' infermiera u carers li ma jitkellmux u ma jifhmux il-Malti tiġi indirizzata darba għal dejjem? Jista' l-Ministru jgħid x'korsijiet qed jingħataw bħalissa sabiex dawn jitgħallmu l-Malti u jgħid ukoll kemm huma twal dawn il-korsijiet?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed jiġu offruti korsijiet tal-lingwa Maltija lill-infermiera u carers li ma jitkellmux u ma jifhmux il-Malti. Huwa obbligu li l-infermiera li jaħdmu mal-anzjani fid-djar governattivi jpoġġu għall-kors fil-Basic Medical Maltese for Health Professions li jikkonsisti f’ħames sigħat tagħlim. Dan il-kors huwa provdut mill-Università ta’ Malta. Il-carers barranin ukoll huma obbligati li jpoġġu għall-kors fil-‘Maltese Proficiency Test’. Dan huwa kors provdut minn entitajiet diversi u t-tul tal-ħin ivarja. Il-medja ta’ dan il-kors huwa ta’ 28 siegħa fuq medda ta’ seba’ ġimgħat.
Jista' l-Ministru jgħid fiex se jkun jikkonsisti s-servizz tal-Electrocardiogram (ECG) u s-servizz tal-Palliative Care fid-Dar tal-Anzjani fil-Mellieħa? Jista' jgħid ukoll kull meta ser ikunu qed jingħataw dawn is-servizzi, min se jkun jista' jagħmel użu minn dawn is-servizzi u kemm ħaddiema se jkunu qed jagħtu dawn is-servizzi?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-użu tal-Electrocardiogram (ECG) huwa importanti fl-evalwazzjoni u dijanjosi tal-mard tal-qalb. Dan it-tagħmir ser jintuża bħala għodda ta’ screening ta’ ċertu kundizzjonijiet tal-qalb kif ukoll sabiex tinħareġ dijanjosi tal-kundizzjonijiet mingħajr il-ħtieġa li l-anzjani jintbagħtu l-Isptar Mater Dei. Dan it-test se jingħata lil kull resident fid-dar residenzjali tal-Mellieħa, darba fis-sena, bħala eżami ta’ rutina u għalhekk se jgħin fil-ġlieda kontra l-mard tal-qalb u l-puplesiji, u allura l-opportunità li jiġu identifikati l-kundizzjonijiet u jiġu ttrattati se tiżdied, bl-għan li nipprovdu kwalità ta’ ħajja aħjar lill-anzjani tagħna. Sar it-taħriġ neċessarju sabiex ikun jista’ jingħata dan is-servizz.
Il-kura paljattiva hija kura li tingħata lir-residenti li jgħixu fid-djar tal-Gvern li jbatu minn mard serju jew kundizzjonijiet kroniċi u waslu fl-aħħar stadju ta’ ħajjithom. Din it-tip ta’ kura tiffoka fuq il-persuna b’mod ħolistiku aktar milli fuq il-marda, sabiex jintlaħqu l-bżonnijiet fiżiċi, prattiċi, funzjonali, soċjali, emozzjonali u spiritwali tar-residenti u ta’ dawk li jieħdu ħsiebhom. Dan jinvolvi tim multidixxiplinarju li ser jagħti dan is-servizz sabiex ir-resident jinżamm komdu fil-kura li qed jingħata.
Mellieħa – anzjani li għamlu użu mis-servizz ta’ night shelter
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm anzjani li għamlu użu mis-servizz ta' night shelter fil-Mellieħa fis-snin 2020, 2021, 2022 u 2023 sad-data ta’ meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija, sena b’sena?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi n-numru ta’ anzjani li għamlu użu mis-servizz tan-Night Shelter fil-Mellieħa kienu kif muri hawn taħt:
2020 – 4
2021 – 0
2022 – 0
2023 sal-lum – 0
Is-servizz ta’ Night shelter fil-Mellieħa kien wieqaf bejn it-13 ta’ Marzu 2020 u l-1 ta’ Lulju 2020 u bejn is-7 t’Awwissu 2020 u t-30 ta’ Ġunju 2021 minħabba l-pandemija tal-COVID 19.
Sussegwentement, f’Novembru tas-sena 2021, in-night shelter tal-Mellieħa beda jintuża bħala sala għall-pazjenti bid-dimensja sakemm is-sala tad-dimensja fid-Dar Madonna tal-Mellieħa ġiet rinovata u tlestiet fit-12 t’Ottubru ta’ 2022.
Riċentament dan in-night shelter ġie rinovat u mis-6 ta’ Marzu 2023 kien lest biex jista’ jibda jingħata s-servizz ta’ Night Shelter għall-massimu ta’ sitt persuni.