Legislature:
Category:
Reset
Active:

Provvista tal-elettriku – cables

Question

Tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tad-datasheets li jkunu jinkludu l-ispeċifikazzjonijiet relevanti tal-cables li l-Enemalta preżentament qiegħda tinstalla biex tissupplixxi l-provvista tal-elettriku (400/230V) mis-secondary substations lill-konsumaturi?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-ispeċifikazzjonijiet tal-cables mitluba skont kif ikunu pubblikati fit-tenders tax-xiri tal-istess cables.

Proġett tal-inċineratur tal-iskart fil-Magħtab — Ħatra tal-membri f’Bordijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk kinitx hi l-Ministru responsabbli mill-ħatra tal-membri tal-Kumitat ta' Evalwazzjoni u/jew il-ħatra tal-membri tal-Bord ta’ Reviżjoni dwar Kuntratti Pubbliċi inkonnessjoni mat-tender għall-proġett tal-inċineratur tal-iskart fil-Magħtab?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħatriet li qed tirreferi għalihom isiru skont il-provvedimenti tar-Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku (L.S. 601.03).

Charging stations

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm ser ikunu ġew installati charging stations ġodda mill-bidu sal-aħħar ta' din is-sena 2024? Tista' wkoll tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra programm bil-milestones ta' kemm ser jiġu installati charging stations sal-aħħar tas-sena 2030?

Response (DALLI, MIRIAM)

Dan il-proġett ġie fdat lill-Aġenzija għall-Eenerġija u l-Ilma (EWA). Il-qofol tax-xogħol li sar din is-sena kien jinvolvi l-preparamenti tekniċi għal 600 charging pillar ġdid, biex jipprovdu 1,200 charging point ġdid. Dan ix-xogħol kien jirrikjedi diskussjonijiet mal-Kunsilli Lokali, Enemalta u s-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali fost oħrajn, fejn ġew identifikati aktar minn 1,000 sit li setgħu jiġu kkunsidrati biex fihom isiru charging pillars. Minn dawn intgħażlu s-600 sit meħtieġa għal dan il-proġett u sussegwentement, malli tlesta d-disinn tekniku għal kull sit, saret ukoll l-appllikazzjoni għall-approvazzjoni minn Transport Malta. Diversi applikazzjonijiet sottomessi lil Transport Malta diġà ġew approvati. Inħarġet ukoll sejħa għall-offerti li tinsab fl-aħħar stadju tal-evalwazzzjoni biex jibda x-xogħol infrastrutturali fuq l-ewwel charging pillars ġodda. Sadattant, fil-ġimgħat li ġejjin mistenni li tiġi ppubblikata sejħa oħra għal aktar siti fejn se jsiru charging pillars oħrajn ġodda. Qed titħejja wkoll it-tielet sejħa li se tkun tinkdludi partikolarment ammont ta’ charging pillars ġodda li se jsiru f’Għawdex. Tlesta wkoll ix-xogħol preparatorju sabiex fil-ġimgħat li ġejjin jibdew jinħarġu anke s-sejħiet għall-offerti għall-installazzjoni taċ-charging pillars. B’dan il-proġett sal-aħħar tas-sena d-dieħla n-numru ta’ charging pillars madwar Malta u Għawdex se jilħaq total ta’ 786, għal total ta’ 1,572 charging point. Il-Gvern kommess li sal-2030 jkun hawn total ta’ 6,500 charging point kif tistipula l-istrateġija nazzjonali għall-iżvilupp b’livell baxx ta’ karbonju (LCDS).

Is-Siġġiewi — Triq is-Siġġiewi - problema taż-żbroff tad-drenaġġ

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma beħsiebha tirranġa l-problema tal-iżbroff tad-drenaġġ hekk kif toħroġ mis-Siġġiewi fi Triq is-Siġġiewi?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li fl-aħħar xhur il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ma reċeviet l-ebda rapport dwar żbroff ta’ drenaġġ fl-akkwati indikati u minn spezzjoni li għamlet wara li saret din il-mistoqsija parlamentari lanqas ma ġew identifikati diffikultajiet fis-sistema tad-drenaġġ tal-Korporazzjoni. Persuni li jkollhom diffikultajiet dwar xi infrastruttura tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma jistgħu jċemplu fuq 8007 6400 jew jagħmlu rapport online permezz tas-sit elettroniku www.wsc.com.mt

Santa Luċija Running Track – Kura tal-pjanti u siġar

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk humiex jittieħdu l-passi neċessarji biex il-pjanti u s-siġar li hemm fl-hekk imsejħa “Santa Luċija Running Track” jiġu msoqqija u kkurati?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Ta’ Qali — Concert Area

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 20340 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali u tgħid x’kienet ir-raġuni li l-ewwel kunċert li ġie organizzat (il-kunċert ta’ Ed Sheeran) wara li saret il-concert area f’Ta’ Qali, sar f’żona oħra ta’ Ta’ Qali u mhux f’dan is-sit?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Speċi ta’ għasafar importati

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm, matul dawn l-aħħar ħames snin, ġew importati speċi ta’ għasafar, rettili u annimali oħra li huma mħarsa mill-Convention of International Trade of Wild Fauna and Flora (CITES) u għalhekk kellhom bżonn ċertifikati tas-CITES, minn liema pajjiżi ġew importati, ta’ liema speċi kienu dawn, u kemm kien hemm eżemplari minn kull speċi importata?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellana li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni dwar l-eżemplari ta’ annimali elenkati fl-Appendiċi tal-Konvenzjoni CITES, li ġew importati f’Malta minn Jannar tal-2019 sa Ġunju li għadda minn pajjiżi li jinsabu barra mill-Unjoni Ewropea. It-tranżazzjonijiet tal-importazzjoni tal-eżemplari kollha msemmija huma koperti b’permessi u b’notifiċi maħruġa mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) skont il-provvedimenti tal-Konvenzjoni CITES.

Project Green — Lista ta’ proġetti

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 19689 u telenka lista tal-proġetti kollha ta' Project Green biex siti jiġu riġenerati fi spazji ħodor, li bdew u tlestew, dawk li bħalissa għaddejjin ix-xogħlijiet li għadhom pendenti, kif ukoll dawk li għadhom fi stadju ta' ppjanar u/jew konsultazzjoni? Tista’ tinkludi wkoll informazzjoni meta dawn bdew, meta tlestew (jekk tlestew), f'każ li għadhom pendenti meta huwa mistenni li jitlestew, kemm swew jew se jiswew, il-lokalità u post fejn jinsabu, u deskrizzjoni qasira dwar kull proġett?

Response (DALLI, MIRIAM)

Project Green tamministra l-proġetti ambjentali li jvarjaw minn dawk ta’ skala nazzjonali bħal parks u proġetti ta’ afforestazzjoni għal oħrajn fil-komunità, bħalma huma ġonna ġodda u proġetti oħrajn ta’ tħaddir fil-lokalitajiet. Fil-każ tal-ħolqien ta’ spazji miftuħa f’żoni urbani l-għan huwa li dawn ikunu jintlaħqu mill-familji fi ftit minuti mixi mid-djar tagħhom. Apparti t-tisħiħ tal-biodiversità bit-tħawwil ta' siġar u arbuxelli kif ukoll sistemi ta' irrigazzjoni għat-tisqija tagħhom, il-proġetti fejn ikun possibbli jkunu jinkludu faċilitajiet varji bħal spazji għal picnics u rilassament, logħob għat-tfal b’materjal sostenibbli, apparat ta’ taħriġ fiżiku, u art magħmula minn materjal permeabbli. Ix-xogħlijiet isiru bi prattiċi u materjali sostenibbli, filwaqt li tkun assigurta l-aċċessibiltà għal kulħadd. Project Green tagħmel ukoll xogħol ta' riġenerazzjoni fil-widien, fost oħrajn bit-tneħħija ta' speċi invażivi u l-bini ta' ħitan tas-sejjieħ biex tiġi protetta l-ħamrija. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba dwar il-proġetti li diġà saru mill-aġenzija, kif ukoll dawk li qed jiġu implimentati bħalisa u oħrajn li hemm ippjanati.

Ir-Rabat (Malta) — Ġnien ta' San Duminku - Charging station

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx pjanijiet biex issir stazzjon tal-iċċarġjar għall-karozzi elettriċi ħdejn il-ġnien ta' San Duminku r-Rabat, Malta, biex jaqdi liż-żoni tal-madwar?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li għalkemm m’hemmx approvat stazzjon tal-iċċarġjar għall-karozzi elettriċi fil-Pjazza ta' San Duminku r-Rabat, hemm pjanijiet għal stazzjon fil-qrib fl-ewwel parti ta’ Triq il-Buskett. L-applikazzjoni għal dan l-istazzjon ġiet sottomessa lil Transport Malta.

Light pollution policy

Question

Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 17608 u 17798 u ċjoè: B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16322, tista' l-Ministru tgħid jekk inġabritx l-informazzjoni neċessarja mill-entitajiet varji sabiex tkun ippublikata l-policy dwar light pollution li ħarġet għall-konsultazzjoni pubblika fl-2020 u wara erba' snin għadha ma ġietx ippubblikata?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni nġabret mill-entitajiet differenti. Bħalissa qed jiġi emendat id-dokument ta’ linji gwida li ħareġ għal konsultazzjoni pubblika biex ikunu indirizzati l-kummenti li daħlu mill-entitajiet differenti u mill-pubbliku waqt din il-konsultazzjoni bil-għan li d-dokument finali jkun jista’ jiġi pubblikat fl-iqsar żmien.

Fondi — Skema għal tħawwil ta’ siġar taż-żebbuġ u larinġ

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Kunsilli Lokali li jkunu eleġibbli għall-fondi mill-iskema varata biex Kunsilli Lokali jħawlu siġar tal-larinġ u taż-żebbuġ fil-lokalitajiet, humiex se jibbenefikaw minn fondi ulterjuri għall-manutenzjoni tal-istess siġar?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

REWS — kumpaniji terzi awtorizzati biex jagħmlu xogħol ta’ bunkering

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 20324 u tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ awtorizzazzjonijijet li r-Regolatur għall-Enerġija u l-Ilma (REWS) ħarġet lil kumpaniji terzi biex jagħmlu xogħol f’isem dawk liċenzjati fis-settur tal-bunkering bejn l-2019 u l-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, inkluż id-dati, l-isem tal-kumpaniji u f’isem liema liċenzja ngħatat din l-awtorizzazzjoni?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li r-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma (REWS) ma ħareġ ebda awtorizzazzjoni lil kumpaniji terzi biex jagħmlu xogħol f’isem dawk liċenzjati fis-settur tal-bunkering bejn l-2019 u l-ġurnata tal-lum.

REWS — kumpaniji liċenzjati biex jagħmlu xogħol ta’ bunkering

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 20323 u tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ kumpaniji liċenzjati mir-Regolatur għall-Enerġija u l-Ilma (REWS) biex jagħmlu xogħol ta’ bunkering? Tista’ tgħid ukoll jekk dawn il-kumpaniji liċenzjati jistgħux jikkuntrattaw lil xi kumpaniji oħra mhux liċenzjati (sub-contracting) biex jużaw il-liċenzja tagħhom u jagħmlu xogħol ta’ bunkering f’isimhom?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra. Dawn il-kumpaniji liċenzjati ma jistgħux jikkuntrattaw lil xi kumpaniji oħra mhux liċenzjati (sub-contracting) biex jużaw il-liċenzja tagħhom u jagħmlu xogħol ta’ bunkering f’isimhom.

MOBC — transazzjonijiet ma’ kumpaniji

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 20322 u tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tat-transazzjonijiet li saru bejn l-MOBC, jew kumpaniji sussidjarji tagħha, u l-kumpaniji li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament, bejn is-sena 2013 u l-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, inkluż id-data tat-transazzjoni, in-natura u l-valur involut?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li fil-perjodu indikat ma sarux transazzjonijiet bejn l-MOBC, jew kumpaniji sussidjarji tagħha, u l-kumpaniji li d-dettalji dwarhom ingħataw separatament.

Enemed — transazzjonijiet ma’ kumpaniji

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 20321 u tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tat-transazzjonijiet li saru bejn l-Enemed, jew kumpaniji sussidjarji tagħha, u l-kumpaniji li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament, bejn is-sena 2013 u l-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, inkluż id-data tat-transazzjoni, in-natura u l-valur involut?

Response (DALLI, MIRIAM)

Filwaq li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra, ninforma lill-Onor. Interpellant li Enemed għandha numru ta’ kontrolli fis-seħħ biex tiżgura struttura soda ta’ governanza u kontrolli biex tirregola l-proċess tal-akkwist tal-fjuwil. Fost oħrajn, wieħed mill-kontrolli li Enemed għandha fis-seħħ huwa proċess ta' diliġenza biex tiżgura li l-kumpaniji li tagħmel tranżazzjoni magħhom ma jkunux sanzjonati u jkunu ta' reputazzjoni tajba.

Enemalta — Transazzjonijiet ma' kumpaniji

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 20320 u tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tat-transazzjonijiet li saru bejn l-Enemalta, jew kumpaniji sussidjarji tagħha, u l-kumpaniji li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament, bejn is-sena 2013 u l-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, inkluż id-data tat-transazzjoni, in-natura u l-valur involut?

Response (DALLI, MIRIAM)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 20724, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ pagamenti li saru mill-Korporazzjoni Enemalta fl-2013 lill-kumpaniji indikati. Ninsab infurmata li dawn il-pagamenti kienu jirreletaw ma’ impenji li kienet ħadet il-Korporazzjoni qabel l-20 ta’ Frar 2013, id-data ta’ meta ċ-Chairman tal-Korporazzjoni Enemalta ta’ dak iż-żmien kien informa lill-kumpaniji indikati li fid-dawl tal-investigazzjonijiet tal-Pulizija, l-Enemalta tqis li ma jkunx floku li jsiru transazzjonijiet sakemm is-sitwazzjoni tiġi kjarifikata.

Enemalta — Kumpaniji Blacklisted

Question

Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 20319 u ċjoè: B’referenza għad-dikjarazzjoni li kien għamel il-Ministru responsabbli mill-Enemalta fis-sena 2014, u ċjoè li l-kumpaniji li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament huma blacklisted, tista’ l-Ministru tgħid jekk dan il-blacklisting għadux fis-seħħ, u jekk le meta tneħħa u għaliex?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’effett mill-20 ta’ Frar 2013, iċ-Chairman tal-Korporazzjoni Enemalta ta’ dak iż-żmien kien informa lill-kumpaniji indikati li, fid-dawl tal-investigazzjonijiet tal-Pulizija, l-Enemalta tqis li ma jkunx floku li jsiru transazzjonijiet sakemm is-sitwazzjoni tiġi kjarifikata. Għalhekk ma saru ebda akkwisti minn tali kumpaniji ħlief li ngħalqu mpenji kummerċjali li kien hemm diġà. L-Enemalta waqqfet l-użu tal-Heavy Fuel Oil fl-2017 u għalhekk m’hemmx lok ta’ akkwist mingħand dawn il-kumpaniji.

New Water

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm ġie prodott New Water fis-sena, għal dawn l-aħħar snin minn meta nbeda dan il-proċess? Tista’ tgħid ukoll kemm minnu ġie użat mill-bdiewa għall-użu agrikolu u x'sar minn dak li ma ġiex użat?

Response (DALLI, MIRIAM)

Fl-aħħar sentejn, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma forniet kull sena 1.6 miljun metru kubu ta' New Water lill-bdiewa. Minbarra li huwa sors ta’ ilma ta’ kwalità tajba ħafna għat-tisqija tal-uċuħ tar-raba’, in-New Water qed jgħin ukoll biex itaffi l-pressjoni fuq l-ilma tal-pjan. Filwaqt li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma timxi b’għaqal kbir fil-produzzjoni tan-New Water u għaldaqstant tassigura li l-produzzjoni tirrifletti d-domanda, huwa importanti li dan jiġi ttrattat bħala riżors importanti li m'għandux jinħela. Il-bdiewa li jagħmlu użu minnu għandhm jaraw li dan l-ilma jintuża b’mod responsabbli u għaqli u għall-iskop li jkunu applikaw għalih. Qed inpoġġi l-kumplament tal-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ħal Balzan — Xogħlijiet fit-toroq

Question

Tista' l-Ministru tagħti rendikont tat-toroq li hemm maqlugħa f'Ħal Balzan li jaqgħu taħt ir-responsabiltà tagħha, maqsuma triq, triq? Tista’ tgħid meta se jkunu lesti? Tista’ tgħid ukoll jekk il-Kunsill Lokali hux qed ikun infurmat jum b'jum dwar dawn ix-xogħlijiet?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li bħalissa m’hemmx toroq maqlugħa f’Ħal Balzan min-naħa tal-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir.