Tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx ħsieb li jinbnew mill-ġdid jew isir xogħol ta’ manutenzjoni fuq numru ta’ digi (dams) li maż-żmien ikkollassaw fiċ-Chadwick Lakes, u li fiż-żmien li kienu miżmumin tajjeb kienu jaqdu rwol importanti biex fil-widien jinżamm l-ilma għall-bdiewa?
Response (DALLI, MIRIAM)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba li tajtha għall-mistoqsija parlamentari 11675, tajjeb li wieħed iżid jiċċara li, f’Wied il-Qlejgħa, mill-pont tal-Fiddien ‘il fuq, m’hemm l-ebda diga li kkollassat. Dan għax iż-żewġ digi li jinsabu f’din iż-żona għadhom kemm ġew riabilitati permezz ta’ proġett komprensiv. L-intervent li, bl-għajnuna ta’ Infrastructure Malta, qed tagħmel bħalissa l-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma, jinvolvi li tinbena mill-ġdid parti minn trejqa rurali li ssegwi l-passaġġ tal-ilma. Din iż-żona tinsab taħt l-Imtarfa, aktar ‘l isfel mill-pont ta’ Slampa, u l-metodoloġia ta’ dan l-intervent ġiet stabbilita b’koordinament sħiħ mal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi.
Permezz tal-Valley Management Unit tal-Aġenzija Project Green, l-interventi fil-widien, mhux l-inqas dawk taż-żona msemmija, jibqgħu għaddejjin b’mod kontinwu. Fost l-oħrajn dan isir billi, b’mod sensittiv, jiġi kkalkulat l-ammont ta’ materjal li jkun inġema’ wara diga partikolari u, wara li jkun sar dan l-assessment, jiġu ppjanati l-interventi meħtieġa sabiex jitneħħa l-materjal, u jekk ikun hemm b¿onn isir ukoll xogħol ta’ manutenzjoni.
Regolamentazzjoni tal-emissjonijiet u l-kwalità tal-arja
Question
Tista’ l-Ministru tgħid fiex wasal il-process sabiex tiġi stabilita liġi ambjentali li tirregola l-emissjonijiet u l-kwalità tal-arja b’regolarizzazzjoni diretta ta’ attività industrijali?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-liġijiet li jirregolaw l-emissjonijiet u l-kwalità tal-arja b’mod ġenerali u li jirregolaw l-emissjonijiet minn industriji partikolari digà huma fis-seħħ permezz ta’:
1. SL 549.59 “Regolamenti Dwaril-Kwalità Tal-Arja Tal-Madwar”
2. SL 549.124 “Regolamenti Dwar Il-Limitazzjoni Fuq L-Emissjonijiet Ta’ Ċerti Inkwinanti Atmosferiċi”
3. SL 549.122 “Regolamenti Dwar il-Limitazzjoni tal-Emissjonijiet ta’ Ċerti Sustanzi Niġġiesa fl-Arja minn Impjanti tal-Kombustjoni Medji”
4. SL 549.76 “Regolamenti Dwar Qafasgħall-Emissjonijiet Industrijali”
5. S.L. 549.77 “Regolamenti Dwar Il-Prevenzjoniu L-Kontroll Integrat Tat-Tniġġistal-Emissjonijiet Industrijali”
6. S.L. 549.78 “Regolamenti dwar Impjanti Kbar tal-Kombustjoni fir-rigward ta’ Emissjonijiet Industrijali”
7. S.L. 549.79 “Regolamenti dwar Limitazzjoni ta’ Emissjonijiet ta’ Komposti Organiċi Volatili fl-Emissjonijiet Industrijali”
8. S.L. 549.80 ” Regolamenti dwar Dijossidu tat-Titanju fir-rigward ta’ Emissjonijiet Industrijali”
9. S.L. 549.81 ” Regolamenti dwar l-Inċinerazzjoni tal-Iskart fir-rigward tal-Emissjonijiet Industrijali”
10. S.L. 549.52 ” Regolamenti dwar il-Kontroll ta’ Emissjonijiet ta’ Komposti Organiċi Volatili - KOV (Ħa¿na u Distribuzzjoni ta’ Petrol mit-Terminals lejn Stazzjonijiet tal-Petrol)
Tista’ l-Ministru tgħid kemm mill-cables li kellhom ħsarat f'dawn l-aħħar ħmistax kienu tal-aluminium?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-network tal-Enemalta li sar matul is-snin fih tipi differenti ta’ cables. Il-ħsarat li ġraw f’Lulju, waqt l-itwal mewġa ta’ sħana qalila li esperjenza pajjiżna f’dawn l-aħħar snin, f’xahar fejn it-temperaturi madwar id-dinja laħqu livelli rekord, ma kellhom x’jaqsmu xejn ma’ jekk il-cables humiex tal-aluminju jew tar-ram. Tant hu hekk, li l-istess cables reġgħu nxtgħelu u ħadmu wara li nbidlu l-ġonot fejn seħħew il-ħsarat.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il cable ta’ żmien l-Ingliżi (jiġifieri li saru qabel l-1960) inbidlu mill-Enemalta f'dawn l-aħħar għaxar snin u kemm hemm iktar x’jinbidlu u sa meta?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-qtugħ fil-provvista tal-elettriku li seħħ f’Lulju, waqt l-itwal mewġa ta’ sħana qalila li esperjenza pajjiżna f’dawn l-aħħar snin, f’xahar fejn it-temperaturi madwar id-dinja laħqu livelli rekord, ma kienx dovut għaż-żmien tal-cables iżda ġie kkawżat mit-temperaturi estremi li affettwaw il-ġonot tal-cables. Fil-fatt, wara li dawn tranġaw, l-istess cables reġgħu inxtgħelu u setgħu jibqgħu jintużaw.
Ninsab infurmata li fil-prattika, l-Enemalta waqt li tibqa’ tuża l-cables li saru matul is-snin inkluż dawk li saru qabel l-1960, tagħmel cables oħrajn addizzjonali fuq l-istess rotta biex f’ċirkostanzi normali jkun hemm flessibilità u stabbiltà fis-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku.
L-Enemalta għaddejja bi programm kontinwu ta’ investiment, li ser ikompli jissaħħaħ, biex iżżid il-cables fis-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku ħalli tibqa’ ssaħħaħ il-flessibilità u r-reżiljenza tas-sistema.
Delimara — Proġett ta' ħażna ta' enerġija bil-Battery Energy Storage Systems (BESS)
Question
Tista' l-Ministru tgħid min hu maħsub li se jiffinanzja l-proġett ta' ħażna ta' enerġija bil-batteriji (BESS) li tħabbar li se jsir f'Delimara? Tista' tgħid ħariġx jew hux ħiereġ tender għal dan il-proġett u f'liema stadju wasal?
Fid-dawl tad-Deċiżjoni 1 tal-31 ta' Marzu 2020, meħuda mir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma (REWS), rigward il-prezz taċ-ċilindri tal-gass LPG, tista' l-Ministru tgħid kemm ħareġ flus f'sussidji l-Gvern minn dakinhar sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari sabiex inżamm il-prezz fiss ta' €15 għall kull ċilindru ta’ 12 kg (u prorata għaċ-ċilindri l-oħra) għall-konsumatur? Tista' l-Ministru tgħid ukoll kemm-il kilogramma ta' LPG ġew mibjugħa lill-konsumaturi b'dan is-sussidju minn dakinhar sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-perjodu indikat s’Awwissu ta’ din is-sena, l-Gvern ħareġ total ta’ €19,155,635 f’sussidji biex inżammet l-istabbilità fil-prezz tal-LPG f’ċilindri. Dan is-sussidju ngħata fuq 41,521,975 kilogramm ta’ LPG li nxtraw mill-konsumatur.
Tista’ l-Ministru tgħid x'kien is-sehem ta' Project Green fil-water park ta’ Buġibba? Meta nfetaħ l-ewwel darba dan il-water park? Liema xogħlijiet saru fuq dan il-water park matul din is-sena u kemm ġew jiswew? Liema xogħlijiet saru fuq dan il-water park matul is-sena li għaddiet u kemm ġew jiswew? Tista' tgħid kemm-il water park simili nfetħu mill-Gvern mill-2012 sal-lum u fejn jinsabu?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li, minħabba l-post fejn jinsab u n-natura tat-tagħmir li għandu, l-Waterpark ta’ Buġibba jeħtieġ li jkun sostnut b’investiment annwali sabiex fix-xhur tas-sajf ta’ wara jkun jista’ jerġa’ jopera. Fost l-oħrajn, ta’ kull sena, wara li f’Settembru jagħlaq għax-xhur tax-xitwa, l-waterpark jiżżarma mit-tagħmir kollu. Dan jassigura li t-tagħmir ma ssirlux ħsara bil-maltemp u li ma jkunx espost bla bżonn għar-raxx tal-ilma baħar. Imbagħad, matul ir-rebbiegħa, wara li anke tkun saret il-manutenzjoni meħtieġa, t-tagħmir tal-waterpark jerġa’ jintrama sabiex il-park jinfetaħ u jitgawda mill-pubbliku matul is-sajf.
Dan huwa ċiklu laborjuż li ilu jirrepeti ruħu sa minn mindu nftetaħ il-waterpark. Matul l-2023, Project Green investiet aktar minn €37,000 f’dan il-park. Sabiex nassiguraw is-saħħa u s-sigurtà tat-tfal li jużaw il-park, saru interventi fuq l-apparat elettroniku li jħaddem is-sistema tal-ilma. Saru wkoll xogħlijiet ta’ tibdil ta’ aperturi, installazzjoni ta’ CCTV cameras ġodda u interventi oħra ta’ manutenzjoni ġenerali. Dan minbarra x-xiri ta’ wheelchairs apposta li permezz tagħhom ġiet assigurata aċċessibilità akbar. Xogħlijiet simili saru wkoll is-sena li għaddiet meta fost l-oħrajn inbidlu tankijiet u ġiet installata pompa tal-ilma aktar silenzjuża, sar xogħol ta’ manutenzjoni fit-latrini u ġew installati sun shades ġodda. Dawn ix-xogħlijiet swew madwar €10,000.
Matul ix-xhur ta’ Lulju u Awwissu aktar minn 19,000 tifel u tifla żaru u gawdew il-Waterpark ta’ Buġibba. Dan filwaqt li kull ġimgħa kien hemm ħin allokat speċifikament għal attività flimkien ma’ ADHD Malta u l-Autisim Parents Association.
Il-Waterpark ta’ Buġibba huwa l-uniku park tax-xorta tiegħu li jaqa’ taħt il-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża.
Tista’ l-Ministru tgħid x'tip ta’ investimenti saru f'dawn l-aħħar ħames snin u kemm kienet in-nefqa fl-Impjant għat-Trattament tal-Ilma ġewwa Tal-Fessej f'Għajnsielem, Għawdex? Tista’ tgħid ukoll x'tip ta' investimenti hemm ippjanati li jsiru f'dan l-impjant fix-xhur li ġejjin u kemm se tkun l-ispiża? Tista’ tgħid jekk hemmx il-ħsieb li dan l-impjant jitkabbar biex ilaħħaq mal-popolazzjoni Għawdxija li dejjem qed tiżdied?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi matul dawn l-aħħar ħames snin saru investimenti sostanzjali, li laħqu d-€900,000, sabiex it-tisfija tad-drenaġġ tilħaq il-livelli mixtieqa. Ġie installat apparat ġdid li jservi kemm biex jilqa’ għall-influss tas-solidi kif ukoll biex tiżdied l-effiċjenza fil-proċess. Ninsab infurmata li bħalissa qegħdin isiru wkoll studji sabiex isir investiment ieħor meħtieġ biex eventwalment jiġi modernizzat l-impjant sabiex ilaħħaq maż-żieda fid-domanda futura.
B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 10873, tista’ l-Ministru tgħid abbażi ta’ liema kriterji ġew appuntati ċ-chairperson u l-membri tal-Engineering Resources Limited u x’expertise għandu kull membru fil-qasam in kwistjoni?
Response (DALLI, MIRIAM)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajtu għall-mistoqsija parlamentari10501, ninfurmah ukoll li l-membri jinħatru skont l-esiġenzi tal-istess bord u l-ħiliet tagħhom biex iwettqu r-responsabbiltajiet assenjati lilhom.
Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża – ħaddiema ingaġġati
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm ġew ingaġġati persuni mal-Ministeru, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha, minn Marzu 2022 ’l hawn, maqsuma bit-tip ta' kuntratt mogħti (definit jew indefinit) u anke bl-irwol li ġew ingaġġati fih?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra. Tajjeb wieħed jiċċara li filwaqt li l-ħaddiema ingaġġati kienu jammontaw għal 281, matul l-istess perjodu kien hemm 331 ħaddiem li temmew l-impjieg tagħhom ma’ xi waħda mill-entitajiet tal-Ministeru.
Ħsarat fin-Network ta’ distribuzzjoni tal-elettriku
Question
Tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra rapport dettaljat dwar il-faults li żviluppaw fin-network ta’ distribuzzjoni tal-elettriku bejn it-Tnejn 17 ta’ Lulju u t-Tnejn 31 ta’ Lulju, 2023, inkluż, skont il-każ rispettiv, x’kien l-equipment li żviluppa ħsara u meta kien installat, u/jew x’tip ta’ ġonta kienet li żviluppat il-ħsara, min kien il-manifattur, u meta kienet saret?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li kważi 90% tal-ħsarat li żviluppaw fil-perjodu msemmi żviluppaw fuq ġonot. Id-data tal-installazzjoni ta’ dawn il-ġonot tvarja. Qiegħda npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Tnaqqis fil-konsum tal-enerġija u ilma — Għajnuna lill-Għaqdiet Volontarji u Non-Governattivi
Question
B'referenza għat-tieni sejħa intiża li tgħin għaqdiet volontarji u non-governattivi li jnaqqsu l-konsum tal-enerġija u l-ilma tagħhom, li kienet ġiet imħabbra mill-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma (EWA) fit-30 ta' Marzu 2021, tista' l-Ministru tgħid kemm kienu l-applikanti, u kemm kienu dawk l-applikazzjonijiet li ġew aċċettati? Tista’ tgħid ukoll kemm minnhom irċevew il-fondi, kemm minnhom għadhom jistennew li jirċivuhom, u kemm ġew rifjutati?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li l-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma nediet l-ewwel skema għall-għadqiet volontarji (VOs) f’April tal-2022, u dik is-sena nħarġu żewġ sejħiet. L-ewwel sejħa ħarġet f’Mejju 2022 u kien hemm 13-il applikant li minnhom ġew aċċettati 9, filwaqt li 4 ġew rifjutati għax ma kienux aċċettabbli skont ir-regoli tal-iskema. It-tieni sejħa saret f’Settembru 2022 u għaliha kien hemm 18-il applikazzjoni li ntlaqgħu kollha ħlief waħda li ma tkomplietx mill-applikant stess.
Il-benefiċċjarji tal-ewwel sejħa irċevew il-fondi kolla hekk kif lestew il-proġetti tagħhom b’total ta’ €232,534.91. Il-benefiċċjarji tat-tieni sejħa irċevew l-ewwel parti tal-fondi (60% tal-ammont, skont ir-regoli tal-benfiċċju) u ser jirċievu l-40% li baqa’ meta jlestu l-proġetti aktar tard din is-sena. Dawn il-benefiċċjarji irċevew €159,228.06.
Tista' l-Ministru tagħti break down tar-rata li biha nbiegħ kull kWh li ġġenerat l-Enemalta fl-2022 u fl-2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, liema tabella tgħid kemm kien hemm units li ma ġewx billed (mitlufa f'ineffiċjenzi/losses fil-ġenerazzjoni jew sistema ta' distribuzzjoni u/jew misruqa)? Tista’ tgħid ukoll b’kemm tħallsu l-units li ġew billed (kemm units tħallsu bl-10c47, kemm units tħallsu bit-12c98, eċċ), possibbilment maqsuma f'tabelli separati għal dawk domestiċi, residenzjali u kummerċjali (non-residential)?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li tlabt biex l-informazzjoni tinġabar.
Tista' l-Ministru tispjega n-nefqa tal-Carbon Credits mill-estimi finanzjarji, u tagħti break down ta' fejn qed tmur din in-nefqa? Tista' tgħid jekk il-Gvern għandux xi dħul relatat ma' carbon credits?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jindika, fl-estimi finanzjarji, għal-liema Carbon Credits qed jirreferi.
Tista' l-Ministru tgħid x'inhi l-pożizzjoni tal-Gvern dwar biofuels, inkluż ethanol E5 u E10, fid-dawl tad-Direttivi Ewropej dwar Biofuels?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Direttiva (UE) 2018/2001 kienet stabbiliet is-sehem tal-enerġija rinnovabbli fil-konsum finali tal-enerġija fis-settur tat-trasport li l-Istati Membri huma meħtieġa jilħqu għal mill-inqas 14% sal-2030 u li tesiġihom jippubblikaw trajettorja li permezz tagħha dan ikun jista’ jintlaħaq. Id-Direttiva kienet aġġornat ukoll ir-regoli relattivi tal-kalkolu ta’ dan is-sehem.
F'konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva, il-leġiżlazzjoni lokali tistabbilixxi t-trajettorja li tilħaq sehem ta’ 14% sal-2030, tistabbilixxi l-limiti u taġġorna r-regoli ta’ kalkolu, u b’hekk tippermetti ċertezza għall-importaturi tal-fjuwil li huma soġġetti għal dawn l-obbligi.
L-importaturi u/jew il-bejjiegħa bl-ingrossa tal-petroleum huma responsabbli biex jiddeċiedu kif għandhom jilħqu din il-mira li hija imposta fuqhom. Għal dan il-għan, kull sena jintbagħat rapport awditjat lir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma li jagħti dettalji dwar kif kienu ġew milħuqa l-miri.
Tista' l-Ministru tgħid fiex wasal jew xi żviluppi kien hemm dwar il-Green Island wind energy project li kien intqal li se jiġġenera l-enerġija għal Għawdex fi Frar 2021, u li kellhom jinġiebu fondi mill-EU Innovation Fund? Tista' l-Ministru tikkonferma li dan hu l-istess proġett li l-kumpanija, li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, kienet ħabbret li qed tikkoperw fuqu mal-Gvern Malti u tgħid jekk għadhiex involuta fih?
Tista’ l-Ministru tgħid fiex wasal ix-xogħol ta’ manutenzjoni tat-triq li waqgħet iktar minn sentejn ilu f’Wied il-Qlejgħa?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li x-xogħol fuq il-bini mill-ġdid tat-triq matul l-ilqugħ fil-wied beda f’Awwissu li għadda. Matul dawn ix-xahrejn ġiet imnaddfa żona mal-ġenb tat-triq biex ix-xogħol bl-inġenji jkun jista’ jitkompla fix-xhur tax-xitwa. Ġew rilokati wkoll żewġ mejnijiet prinċipali tad-distribuzzjoni tal-ilma li jgħaddu minn taħt it-triq. Fl-aħħar jiem beda anke t-tħaffir tal-piles li se jiffurmaw il-pedament tat-triq, li ser ikun imqabbad fil-livell tal-ġebla tal-franka sabiex tiġi żgurata l-istabbilità tat-triq. Iż-żona li ġiet imnaddfa ser terġa’ tiġi restawrata għall-istat oriġinali tagħha, billi terġa’ titpoġġa l-ħamrija u jinbena l-ħajt tas-sejjieħ, fi tmiem ix-xogħlijiet.