Legislature:
Category:
Reset
Active:

Il-Mellieħa – Impjant taċ-Ċumnija – New water

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29141, tista’ l-Ministru tgħid kemm kien l-ammont ta’ ‘new water’ li tqassam mill-impjant taċ-Ċumnija, matul l-2025 u kif jitqabbel dan l-ammont ma’ dawk tas-snin preċedenti? Tista’ tgħid ukoll jekk is-sistema tad-dispensers intelliġenti hix qed tiġi mħaddma fl-intier tagħha u kemm ilma tqassam għal kull lokalità servuta b’dan l-ilma?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li matul l-2025 l-ammont ta’ new water imqassam mill-impjant taċ-Ċumnija kien ta’ 739,605m3. Matul is-sena li għaddiet il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għamlet il-qalba għad-dispensers intelliġenti ġodda fejn issa l-ammonti li jutilizzaw il-bdiewa huma kkalkulati skont il-bżonn mill-Ministeru għall-Agrikoltura u għaldaqstant meqjusin ġusti u iktar kontrollati.  Dan il-kontroll jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-MAFA fejn jiġi kkalkulat skont il-kobor tal-art maħduma u l-ħsad.  Kif ġie spjegat kemm-il darba din hija sistema li qed tiżviluppa u għaldaqstant wieħed jistenna żieda fl-ammonti fiż-żmien li ġej.

San Pawl il-Baħar u x-Xemxija – Mini tad-drenaġġ – Xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta hu mistenni li jitlesta x-xogħol relatat mal-mina tad-drenaġġ li mill-inħawi tal-Erba’ Mwieżeb twassal sal-inħawi tax-Xemxija, f’San Pawl il-Baħar? Tista’ tgħid ukoll kemm hu mistenni li tiġi tiswa din l-istess mina?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-proġett huwa mmirat li jitlesta din is-sena.  L-investiment għal dan il-proġett fit-totalità tiegħu hu stmat li se jammonta għal €6.4 miljun.

L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi – Ittri ta’ twissija u multi amministrattivi

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm inħarġu ittri ta’ twissija u multi amministrattivi mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), għal kull lokalità f’ Malta u Għawdex, matul is-sena 2025? Tista’ tgħid ukoll kif jitqabblu dawn iċ-ċifri, maċ-ċifri tal-2024?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni qed tinġabar.

San Pawl il-Baħar – Triq il-Mosta – Żbroff regolari tad-drenaġġ

Question

Peress li b’mod regolari fi Triq il-Mosta, San Pawl il-Baħar, qed ikun hemm żbroff tad-drenaġġ, liema drenaġġ jibqa’ nieżel minn Triq Toni Bajada għall-baħar fl-inħawi tal-Menqa, tista’ l-Ministru tgħid kemm-il intervent sar mill-ħaddiema tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) fuq din il-parti tas-sistema tad-drenaġġ?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li kien hemm erba’ stanzi fejn il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma intervjeniet matul is-sena 2025 u l-każi kollha kienu kkawżati minn blockages. Kif diġà kont infurmajt lill-Onor. Interpellanta permezz ta’ tweġibiet li tajtha għal mistoqsijiet preċedenti,  huwa ppjanat li l-mejn tad-drenaġġ fit-triq indikata jiġi rinovat meta jitlesta l-proġett tal-mina tad-drenaġġ, biex parti sostanzjali tal-influss ta’ drenaġġ li bħalissa qed jgħaddi mill-mejn konċernat, jiġi ddevjat għal ġol-mina. Dan il-proġett jifforma parti minn pjan ħolistiku ta' tisħieħ tan-netwerk prinċipali tad-drenaġġ fit-Tramuntanta ta' Malta.

Il-Kosta ta’ San Pawl il-Baħar – Slielem

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29226 dwar kemm twaħħlu slielem matul il-Kosta ta’ San Pawl il-Baħar (mill-Qawra sax-Xemxija) matul l-2025, tista’ l-Ministru tgħid liema huma s-siti li fihom jitpoġġew l-istess slielem? Peress li matul is-sajf li għadda kien hemm diversi persuni li insistew li hemm postijiet fejn għandhom jiżdiedu slielem ġodda, tikkonsidra li qabel jasal iż-żmien tat-tqegħid tas-slielem qabel is-sajf 2026, jiġi deċiż fejn jistgħu/għandhom jiżdiedu slielem ġodda? Tista’ tara li jittieħdu l-passi neċessarji sabiex is-slielem li jitwaħħlu minn entitajiet oħra, jibdew jitwaħħlu mill-entità li taqa’ taħtha sabiex ikun hemm pjan wieħed għat-tqegħid ta’ dawn is-slielem, kif ukoll tara li għas-sajf li ġej, jiżdiedu l-faċilitajiet li jkunu jistgħu jintużaw minn persuni b’diżabilità?

Response (DALLI, MIRIAM)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi liema huma s-siti fejn twaħħlu s-slielem mid-Diviżjoni għat-Tindif u Manutenzjoni matul il-Kosta ta’ San Pawl il-Baħar (mill-Qawra sax-Xemxija). Ninforma lill-Onor. Interpellanta li kull talba għal installazzjoni ta’ slielem ġodda, li ssir uffiċjalment lid-Diviżjoni tiġi evalwata b’mod li jiġi assigurat li tkun konformi mal-ħarsien tas-saħħa u sigurtà tal-post mitlub. Għaldaqstant, mhux kull talba tkun tista’ tiġi akkomodata minħabba raġunijiet ta’ sigurtà. Kif diġà spjegajt fit-tweġiba li tajt għall- mistoqsija parlamentari 29226, id-Diviżjoni ghat-Tindif u Manutenzjoni tikkomunika wkoll mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) rigward installazjoni ta’ diversi għamara tal-baħar.

Inġenji tat-tindif – Servizzi

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29227 dwar inġenji tat-tindif, tista’ l-Ministru tgħid kif intużaw l-inġenji elenkati fl-istess tweġiba? Ma’ liema kunsilli ġie ffirmat ftehim sabiex dan l-apparat jintuża fil-lokalità tagħhom u x’servizzi taw dawn l-inġenji fil-lokalitajiet differenti, maqsuma lokalità b'lokalità? Tista’ tgħid ukoll kemm servizzi ngħataw f’kull waħda mil-lokalitajiet li magħhom sar il-ftehim, u minn liema fondi tħallsu dawn is-servizzi?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li sa tmiem is-sena 2025, id-Diviżjoni għat-Tindif u Manutenzjoni ffirmat ftehim, li permezz tiegħu toffri servizzi fil-lokalità rispettiva inkluż bil-makkinarju msemmi, mal-Kunsilli Lokali ta’ Birkirkara, Iklin, Kirkop, Luqa, Bormla, Kalkara, Marsa, Marsaskala, Marsaxlokk, Birżebbuġa, Żurrieq, Gżira, Ta’ Xbiex, Rabat, Mtarfa, Santa Venera, Birgu, Mqabba, Qrendi, Gudja, Għaxaq, Mellieħa, Msida, Santa Luċija, Mġarr, Għargħur, Qormi, Isla, San Ġiljan, Sliema, Żejtun, Dingli u Mosta. Barra minn hekk, id-Diviżjoni jsirulha wkoll talbiet minn Kunsilli Lokali oħrajn għal servizzi ta’ tindif meta jiġu organizzati avvenimenti speċifiċi fil-lokalità tagħhom bħalma huma festi jew attivitajiet oħrajn varji. F’dawn il-każi, kemm -il darba jkun possibbli, d-Diviżjoni toffri s-servizzi tagħha anke bl-apparat imsemmi fejn applikabbli. Rigward il-kwantità ta’ servizzi li ngħataw f’kull lokalità, dan ma jistax jiġi indikat għaliex fil-każ tal-Kunsilli Lokali li d-Diviżjoni għandha ftehim magħhom, is-servizzi jingħataw fuq bażi kwotidjana (mit-Tnejn sas-Sibt). L-istess Kunsilli ma jħallsu ebda fondi biex jingħataw is-servizzi għajr l-obbligi kuntrattwali stabbiliti. Qed inpoġġi tabella fuq il-Mejda tal-Kamra li fiha l-informazzjoni dwar l-użu tal-inġenji.

Wied Speranza – Ħsarat

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’kienet il-kawża teknika li wasslet biex reċentement tiġġarraf parti mill-ħajt f’Wied Speranza, il-Mosta, ftit ġimgħat biss wara li tlesta x-xogħol ta’ restawr/rikostruzzjoni fuqu? Tista’ tgħid ukoll jekk l-entità responsabbli hux qed tinvestiga min għandu jerfa’ r-responsabbiltà għal din il-ħsara u għaliex l-istruttura ma felħitx għall-maltemp? Tista’ tgħid ukoll jekk hijiex għaddejja investigazzjoni biex tiġi kkonfermata l-integrità strutturali tal-bqija tal-ħajt u biex jiġi żgurat li x-xogħol li sar huwa sikur, u li l-ħajt mhux f’riskju li jċedi?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 33419.

MOU - ERA UM

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk jeżistix Memorandum of Understanding bejn l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) u l-Università ta’ Malta, u tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ dan il-ftehim?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li iva hemm Memorandum of Understanding fis-seħħ bejn l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) u l-Università ta’ Malta. Qiegħda npoġġi kopja ta’ dan il-ftehim fuq il-Mejda tal-Kamra.

Waste brokers – Rekwiżiti

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’rekwiżiti jrid jissodisfa applikant biex tinħareġ liċenzja għat-twettieq ta’ attivitajiet u servizzi ta’ waste brokerage?

Response (DALLI, MIRIAM)

Qiegħda npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellanta li tinsab ukoll aċċessibbli mis-sit elettroniku tal-ERA permezz ta’ dan il- link .(https://era.org.mt/topic/waste-brokers-forms/)

L-Imġarr u n-Naxxar – Ċitazzjonijiet mill-ERA

Question

B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 28718 u 28719, tista’ l-Ministru tgħid kemm żdiedu l-azzjonijiet meħuda mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) fuq ksur ta’ regoli tas-separazzjoni tal-iskart?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li mill-25 ta’ Mejju 2025 sat-30 ta’ Novembru 2025, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) ma qabdet lil ħadd jikser ir-regoli tas-separazzjoni tal-iskart fil-lokalità tal-Imġarr (Malta) u għaldaqstant ma nħarġet l-ebda multa amministrattiva jew ittra ta’ twissija. Matul l-istess perjodu, fil-lokalità tan-Naxxar, l-ERA ħarġet erba’ ittri ta’ twissija fir-rigward ta’ nuqqas ta’ separazzjoni tal-iskart kif inhu obbligat bil-liġi. Fir-rigward ta’ skart maħruġ barra fil-ġurnata jew il-ħin meta mhux suppost, l-ERA ħarġet multa amministrattiva waħda fin-Naxxar fil-perjodu inkwistjoni.

L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi – Skart fil-parapetti – Passi meħuda

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm kien hemm każijiet li fihom l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) ħadet passi dixxiplinari kontra persuni li ħallew il-parapetti privati tagħhom mimlija b’kull tip ta’ skart, matul l-2025, fil-lokalitajiet tal-Gżira, tas-Sliema, is-Swieqi, San Pawl il-Baħar, il-Mellieħa, l-Imġarr u n-Naxxar, maqsuma lokalità b'lokalità? Tista’ tgħid ukoll kemm persuni ttellgħu l-qorti jew ġew immultati wara li l-ERA ħadet l-ewwel passi min-naħa tagħha?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li, fejn ikun hemm parapetti privati li ma jkunux magħluqin bi grada jew mod ieħor u jkunu direttament aċċessibbli għall-pubbliku, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) tieħu miżuri ta’ infurzar, fosthom bi twissijiet uffiċjali kif ukoll multi amministrattivi, kontra l-persuni li jħallu l-parapetti privati tagħhom mimlijin b’tipi differenti ta’ skart direttament għall-pubbliku. Dan isir bil-għan li titnaddaf il-proprjetà u ma jkomplix jiġi attirat rimi ta’ skart ieħor.  Id-database tal-Awtorità ma tikklassifikax b’mod separat dawn it-tip ta’ każi, għax dawn jiġu klassifikati taħt twissijiet relatati ma’ skart.

Charging pillars fis-Seba’, l-Għaxar u t-Tnax-il Distrett Elettorali

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 27999 dwar charging points, tista’ l-Ministru tgħid fiex wasal il-proċess ta’ installazzjoni ta’ charging points madwar Malta, u b’mod partikolari tgħid kemm minn dawn iċ-charging points għad iridu jiġu installati fl-Imġarr, il-Mellieħa, San Pawl il-Baħar, San Ġiljan, in-Naxxar u tas-Sliema, separatament għal kull lokalità?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba li tajtha għall-mistoqsija parlamentari 32058.

Santa Venera - Triq Carini - Vultaġġ ħażin

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk sarux rapporti dwar vultaġġ ħażin fi Triq Carini, Santa Venera, u jekk iva, meta hu ppjanat li tiġi solvuta l-problema?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li saru żewġ rapporti dwar it-triq indikata u l-Enemalta ħadet azzjoni billi saru xogħlijiet fis-substation biex ġie rranġat il-vultaġġ. Għaddejjin ukoll preparamenti biex f’din iż-żona ta’ Santa Venera jsiru cables ġodda ta’ vultaġġ baxx.

CfT: (OPEN ACCELERATED) WSC/T/084/2025 - WORKS – SUPPLY, LAY AND COMMISSION OF NEW PIPELINES IN THE PEMBROKE-TA’ QALI TUNNEL FOR THE WATER SERVICES CORPORATION

Question

Tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokumenti kollha sottomessi fl-għoti tat-tender ‘CfT: (OPEN ACCELERATED) WSC/T/084/2025 - WORKS – SUPPLY, LAY AND COMMISSION OF NEW PIPELINES IN THE PEMBROKE-TA’ QALI TUNNEL FOR THE WATER SERVICES CORPORATION’, dwar pipelines ġodda fit-tunnel bejn Pembroke u Ta’ Qali għall-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC)?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li, b’referenza għat-tender li qed jirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant, id-dokumenti li huma meqjusin pubbliċi diġá huma aċċessibblii mill-pjattaforma tal-ePPS permezz ta’ din il-link https://www.etenders.gov.mt/epps/cft/viewContractNotices.do?resourceId=12461784 , kif jidher fl-iscreenshot li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Il-Gudja – Triq Bettina u Triq San Ċiru – Bozza maqtugħa

Question

Tista’ l-Ministru tara li l-bozza maqtugħa fil-kantuniera ta’ Triq Bettina u Triq San Ċiru fil-Gudja, li ilha tiġi rrappurtata mill-inqas mit-12 ta’ Novembru 2025, tiġi rranġata? Tista’ tgħid ukoll x’qed jikkawża d-dewmien fl-indirizzar ta’ rapporti ta’ ħsarat ta’ dan it-tip?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li r-rapport wasal għand l-Enemalta ftit ġimgħat ilu u x-xogħlijiet ta’ tiswija għandhom isiru din il-ġimgħa malli t-temp jippermetti.

Birżebbuġa – Upgrade tad-drenaġġ – Project Plan rivedut

Question

Tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-Project Plan rivedut għax-xogħlijiet relatati mal-upgrade tas-sistema tad-drenaġġ li fadal isiru fil-Bajja s-Sabiħa f’Birżebbuġa u l-inħawi?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-project plan qiegħed jiġi rivedut sabiex ikun kontinwament aġġornat mat-timeframes tal-proġett.

Birżebbuġa – Triq il-Bajja s-Sabiħa – Xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tax-xogħlijiet li saru fil-Bajja s-Sabiħa, f’Birżebbuġa, mill-korporazzjonijiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tagħha, u li tlestew sal-31 ta’ Diċembru, 2025? Tista’ tgħid ukoll kemm kien stmat li ser jiġi jiswa kull xogħol u kemm fil-fatt ġie jiswa?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sa tmiem is-sena li għaddiet, minn naħa tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma fiż-żona indikata tqiegħdu 200 metru ta’ mejnijiet ġodda tas-sistema tad-drenaġġ, fejn dawk imqiegħda fil-fond kienu ta’ dijametru ta’ 600mm filwaqt li dawk tal-wiċċ kienu ta’ dijametru ta’ 200mm. Ta’ min isemmi li t-tqegħid tal-mejn fil-fond kien xogħol ikkumplikat u li kien jirrikjedi ċerta preċiżjoni u tkenkina speċifika minħabba li dan kellu jsir taħt il-livell tal-ilma baħar. Sar ukoll tqegħid ta’ 250 metru mejn tal-ilma għax-xorb (b’dijametru ta’ 300mm), li kien jinkludi l-konnessjonijiet mad-djar kif ukoll il-konnessjonijiet il-ġodda tad-drenaġġ. Il-Korporazzjoni kontinwament tevalwa l-ispiża u ninsab infurmata li din baqgħet viċin l-istima oriġinali ta’ €2,165,375 (eskluża l-VAT). Min-naħa tal-Enemalta, poġġiet cables ġodda f’inħawi differenti biex kompliet issaħħaħ is-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku fil-lokalità. L-ispiża ta’ dawn ix-xoghlijiet tal-Enemalta fiż-żona indikata hu stmat li ammontat għal €45,000.

Birżebbuġa – Xogħlijiet – Compliance/Conformity Assessment Reports

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk ix-xogħlijiet li saru u qed isiru fil-Bajja s-Sabiħa, Birżebbuġa, mill-korporazzjonijiet li jaqgħu taht ir-responsabbiltà tagħha, intalbux Compliance/Conformity Assessment Report? Tista’ tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapporti tax-xogħlijiet illi diġà saru?

Response (DALLI, MIRIAM)

Filwaqt li nikkonferma li ntalab Conformity Assessment  Report, ninsab infurmata li  minħabba li jinkludi informazzjoni sensittiva, fosthom il-points tan-network tal-Korporazzjoni, dan ma jistax jiġi pubblikat.

Birżebbuġa – Triq il-Bajja s-Sabiħa – Bankijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-bankini fi Triq il-Bajja s-Sabiħa, Birżebbuġa (minn Triq Birżebbuġa sa Triq San Edwardu) humiex ser jinbidlu bħala parti mill-proġett li qed isir mill-korporazzjonijiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tagħha?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-bankini fuq in-naħa tar-residenzi se jkunu qed jinbidlu kollha bħala parti mill-proġett tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma.

Birżebbuġa – Triq il-Bajja s-Sabiħa – Wiċċ ta’ tarmac

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta Triq il-Bajja s-Sabiħa, f’Birżebbuġa (il-parti bejn Triq Birżebbuġa u Triq taż-Żibra) ser tingħata wiċċ ta’ tarmac ġdid?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li tali xogħol huwa mmirat li jsir fit-tieni kwart tas-sena.