Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar — konsulenti maħtura

Question

B'referenza għar-risposta li ta għall-mistoqsija parlamentari 18923, jista’ l-Ministru jgħid min huma l-konsulenti u advisors li saret referenza għalihom?

Response (FARRUGIA, AARON)

B’referenza għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari 18923, ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-konsulent (1) full-time u t-tliet (3) konsulenti part-time li ma baqgħux ingaġġati mal-Ministeru huma s-Sur Cyrus Engerer, id-Dott. Paul Cachia, id-Dott. Stephanie Fabri u s-Sur Robert Sarsero. Iż-żewġ (2) konsulenti full-time li ġew ingaġġati minflokhom huma s-Sa Alexia Georgakopoulos u s-Sa Rebecca Bartolo Cutajar. Fl-aħħar xahar, l-Avukat Christian Bonnet ġie ngaġġat ukoll bħala konsulent full-time. Fir-rigward tal-konsulent li ġie jaqa’ taħt dan il-Ministeru b’riżultat tal-bidla fil-portafolli ministerjali, inirreferi lill-Onorevoli interpellanta għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari 107 (written). Sadanittant, fit-Taqsima tal-Istrateġija u l-Prioritajiet tas-Segretarjat Parlamentari, ġew ingaġġati wkoll żewġ konsulenti part-time, li huma l-Perit Graham Attard u l-Avukat Emanuel Bezzina. Fl-aħħarnett iż-żewġ Advisors full-time li għamilt referenza għalihom fit-tweġiba tiegħi huma s-Sur Paul Mifsud u l-Perit Martin Debono.

Msida – proġett maġġuri fil-pjazza — konsultazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex il-Gvern ma jridx jikkonsulta ma' dawk kollha affettwati mill-proġett maġġuri propost fil-Pjazza tal-Imsida billi mhux se jsirlu EIA (Environmental Impact Assessment)? X’inhir-raġuni li għalkemm l-EIA huwa studju li jevalwa l-effetti kemm ambjentali kif ukoll soċjali tal-proġett ta’ dan it-tip, għalkemm skont l-Ewwel Skeda tal-Liġi Sussidjarja 549.46 jeħtieġ mhux biss EIA imma anke konsultazzjoni pubblika mar-residenti tal-inħawi, dawn mhux ser isiru?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninsab infurmat li, skont il-Leġislazzjoni Sussidjarja 549.46, l-iżvilupp li qed jirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant jaqa’ fl-ambitu tal-Kategorija II tal-Ewwel Skeda tar-Regolamenti dwar il-Valutazzjoni tal-Impatti Ambjentali (EIA), u mhux taħt il-Kategorija I li tesiġi valutazzjoni tal-impatti ambjentali b’mod awtomatiku. Il-proġetti fil-Kategorija II huma suġġetti għal analiżi (screening) mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) sabiex ikun deċiż jekk humiex meħtieġa aktar studji ambjentali. Tajjeb wieħed jiċċara wkoll li l-impatti koperti mill-EIA huma dawk ambjentali u mhux soċjali. F’dan il-kuntest jirriżulta li, wara li analizzat il-proposti kif mitluba fl-applikazzjonijiet PA 02053/20 u PA 06425/20, l-ERA dehrilha li għall-iżvilupp imsemmi m’hemmx ħtieġa ta’ valutazzjoni aktar dettaljata tal-impatti ambjentali u dan sakemm jittieħdu miżuri biex jittaffa l-impatt b’rabta ma’ diversi aspetti, fosthom il-qlugħ ta’ siġar, il-kwalità tal-arja, it-teħid marġinali ta’ art agrikola, il-ħtieġa ta’ ammont limitat ta’ reklamazzjoni tal-art max-xatt u l-impatt viżiv tal-istrutturi proposti. Uħud minn dawn il-mizuri għandhom ikunu integrati fid-disinn tal-proġett filwaqt li oħrajn jistgħu jiġu indirizzati bħala dettalji supplimentari fil-permess. Bħala ministru, se nkun qed naċċerta li nkomplu nesploraw flimkien mal-applikant bidliet potenzjali li jagħtu lill-familji spazji miftuħa u ta’ rikrejazzjoni fiż-żona. Sadanittant fir-rigward ta’ kwalunkwe proċess ieħor ta’ konsultazzjoni pubblika nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex iressaq il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Awtorità tal-Ippjanar – policies rigward ħsejjes u inkonvenjenzi minn stalazzjoni ta’ air conditioning jew fridges industrijali

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 13200, jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kien hemm każijiet ta’ vjolazzjoni tad-dokument ta’ politika DC2015 u x’passi ttieħdu dan għax hemm numru ta’ persuni li qed jbatu minn inkonvenjent varji li jsiru minn terzi kif ukoll mill-komplikazzjonijiet tal-proċeduri li jridu jgħaddu minnhom spejjeż tagħhom?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-policies tad-document DC2015, huma rilevanti għall-Awtorità tal-Ippjanar biex isir l-assessjar tal-applikazzjonijiet ta’ żvilupp li jiġu sottomessi. Dan id-dokument DC2015 ma jintużax biex jiġi deċiż jekk żvilupp hux illegali jew le. L-Awtorità tal-Ippjanar tara jekk żvilupp għandux bżonn permess, jew le, skont id-definizzjoni ta’ żvilupp fl-Att tal-2016 dwar l-Ippjanar tal-Iżvilupp (Kap. 552). Jekk żvilupp għandu bżonn permess, l-Awtorità tara li l-iżvilupp ikun qed isir jew sar skont il-kundizzjonijiet ta’ dak il-permess. L-Inkonvenjent varji li jsiru minn terzi, hekk kif riferuti fil-Mistoqsija Parlamentari, huma generalment relatati ma kwistonijiet ta’ nuqqas ta’ bon vicinat fejn allura huwa aktar ta’ natura ċivili u mhumiex fil-kompetenza tal-Awtorità tal-Ippjanar biex tieħu azzjoni fuqhom, diment jekk ma jkunx hemm kondizzjonijiet specifici fil-permess ta’ zvilupp li l-Awtorita’ hija obbligata li tara li qed jiġu osservati.

Awtorità tal-Ambjent – Policies rigward noise pollution

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 13199, jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra f’liema stadju waslet il-proposta ta’ liġi biex tassigura kontroll fl-istorbju fil-viċinat?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-liġijiet dwar storbju minn stabilimenti kummerċjali kemm jekk huma f’żoni rurali, Kif ukoll f’żoni residenzjali diġà jezistu u huma kkontrolati minn entitajiet li jaqgħu taħt Ministeri oħra.

Awtorità tal-Ippjanar – ħaddiema full time li tattendi kors l-Università ta’ Malta

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk fl-uffiċċju legali tal-Awtorità tal-Ippjanar hemmx impjegata full time li wkoll qed tattendi kors tal-liġi fl-Università ta’ Malta? Jekk iva, jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokumenti relatati?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant Ii t-tgħarrif għadu qed jinġabar.

Awtorità tal-Ippjanar – deċiżjoni tat-tribunal

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità tal-Ippjanar hix ser tappella mid-deċiżjoni tat-tribunal tal-Imħallef Mizzi dwar PAB 266/20 u mill-permess PA 1182/20 fejn hemm li ser jitneħħa front garden li hu schemed?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fir-rigward id-deċiżjoni tat-Tribunal ta’ Reviżjoni għall-Ambjent u l-Ippjanar fl-ismijiet Imħallef Antonio Mizzi kontra l-Awtorità tal-Ippjanar moqrija fit-2 ta’ Marzu 2021, l-Awtorità tal-Ippjanar qed tikkunsidra l-pożizzjoni tagħha fir-rigward ta’ Appell quddiem il-Qorti tal-Appell skont id-dispo¿izzjonijiet tat-Taqsima VI tal-Att V tal-2016, tenut tal-fatt illi appell minn deċiżjonijiet tat-Tribunal għandu jsir fuq punti ta’ liġi.

Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar — impjegati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il persuna hija impjegata fil-Ministeru u fid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu f’kull skala tas-salarju provdut fil-gradi ta’ salarji għas-servizz pubbliku u jgħid kemm minnhom huma nisa u kemm minnhom huma rġiel?

Response (FARRUGIA, AARON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex tirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 19253

Approvazzjoni ta’ permess

Question

Jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar il-permess PA/01519/18 'Upgrading works to open rehabilitated landfill to the public Site at Il-Qortin Ta' Għajn Damma, Xagħra, Gozo' u jgħid f'liema stadju wasal dan il-permess biex jiġi approvat mill-Awtorità tal-Ippjanar (PA) u l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) u jgħid għala għaddew iktar minn sentejn u għadu ma ġiex approvat dan il-permess?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninsab infurmat li l-applikazzjoni li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant tinsab fl-aħħar stadju tal-proċess tal-ippjanar fejn qed jitħejja d-Development Permit Application Report bir-rakkomandazzjoni għall-Bord tal-Ippjanar. L-Awtoritá tal-Ippjanar taġixxi, kif jixraq, b’mod awtonomu mill-uffiċċju tal-Ministru fl-ipproċessar tal-applikazzjonijiet ovvjament dejjem fil-parametri tal-liġi, anke f’dan il-każ. Dwar dewmien il-proċess jieħu ż-żmien tiegħu imma l-importanti li l-proċess issa wasal fl-aħħar stadju tiegħu.

Żona tax-Xemxija u Selmun – valur ambjentali/parti mis-siti ta’ Natura 2000

Question

Jista’ l-Ministru jindika jekk iż-żona (parti minnha jew kollha) li għaliha hemm referenza fir-ritratt li qed jingħata separatament, hijiex protetta, ta’ valur ambjentali jew saħansitra tagħmilx parti mis-siti ta’ Natura 2000 f’pajjiżna?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninsab infurmat li fill-fatt parti mis-sit in kwistjoni, kif indikatha fuq il-pjanta li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, hija żona Speċjali ta’ Konservazzjoni ta’ Importanza Internazzjonali, u għalhekk ukoll bhala sit Natura 2000 skond in-Notifikazzjoni tal-Gvern Nru. 1522 tal-2019.

Ix-Xemxija – permessi u studju relatat mal-proġett ta’ marina

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-permessi u l-istudji kollha relatati mal-proġett ta’ Marina fiż-żona tax-Xemxija, liema permessi jmissu ma’ entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabilità tal-Ministeru tiegħu?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninsab infurmat mill-Awtorità tal-Ippjanar u l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi li s’issa ma ħarġu l-ebda permessi jew saru xi studji dwar proġett ta’ marina fiż-żona tax-Xemxija.

Direttiva Ewropea tas-Single Use Plastics

Question

F'Lulju 2019 daħlet fis-seħħ id-Direttiva Ewropea tas-Single Use Plastics li tinkludi l-għan nobbli li jitnaqqas l-iskart tal-plastic, speċjalment dak 'disposable'.Ġo pajjiżna hawn diversi workshops u fabbriki li jipproduċu materjali bil-plastic li kellhom jadattaw għal din id-Direttiva.Uħud minn dawn jinsabu fi stat ta' inċertezza dwar il-materjali u proċessi li jistgħu jużaw issa li parti mill-produzzjoni tagħhom tiġi meqjusa projbita għax tmur kontra d-Direttiva. B'mod partikolari, hemm ċerta materjali li għalkemm mhux espressament projbiti mid-Direttiva jistgħu jiġu koperti bl-effetti tagħha bħal ma huma l-użu tal-plastic bio-degradabbli u l-użu ta' kartun u karti li jkun jinkludi plastic-coating. Jista' l-Ministru jindika x'qed isir min-naħa tal-Gvern sabiex jiċċara dawn id-domandi mill-Industrija u x' ħidma qed iwettaq il-Gvern biex jirrapreżenta l-interessa tal-industrija Maltija fuq livell Ewropew anke fil-livell ta' implimentazzjoni ta' din id-Direttiva?

Response (FARRUGIA, AARON)

Nassigura lill-Onor. Interpellant li l-Gvern għandu f’qalbu l-aqwa interess ta’ pajjiżna kemm fil-qasam ambjentali kif ukoll fil-qasam tal-industrija li tant tħaddem nies. Ta’ min jgħid hawnhekk li kull meta l-Kummissjoni Ewropeja tieħu xi inizjattiva dwar l-possibiltà ta’ xi regoli jew direttiva ġdida din tagħmel proċess twil ta’ konsultazzjoni li fih ikun ukoll involut l-privat. Fil-każ tad-direttiva li qed isemmi l-Onorevoli Interpellant sar l-istess u fil-fatt l-websajt tal-UE fi https://ec.europa.eu/environment/topics/plastics/single-use-plastics_en tagħti d-dettalji kollha tal-proċess. Sadanittant min-naħa tal-Gvern hemm protokolli li ilhom jeżistu s-snin sabiex, permezz tal-laqgħat li jsiru regolarment fil-qafas leġiżlattiv tal-UE, Malta wkoll flimkien ma’ pajjiżi oħra tkun tista’ tagħmel l-posizzjoni tagħha waqt li tieħu l-kunisderazzjonijiet xierqa tal-interessi tal-pajjiż inkluż dawk tal-industrija skont l-każ. Meta l-Gvern jiġi biex jimplimenta kwalunkwe direttiva, inkluż dik tas-Single Use Plastics, isegwi l-istess prinċipju u jara li l-interessi tal-pajjiż ikunu salwagwardati dejjem fil-parametri li tkun tippermetti d-direttiva. Hawnhekk irrid ngħid li b’għażla speċifika tal-Gvern, u dan anke fid-dawl tal-ħsara li issir lill-ambjent, Malta kienet minn ta’ quddiem sabiex tibda tissodisfa l-obbligi ta’ din id-direttiva dwar Single Use Plastics. Filfatt, mill-1 ta’ Jannar tal-2021, Malta daħlet fis-seħħ ir-regolamenti sabiex tipprojbwixxi ċertu prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss inklużi kontenituri tal-ikel magħmula minn polistiren espandut, u prodotti magħmula mill-plastik ossodegradabbli. Iżda x-xogħol għadu għaddej. Fuq livell nazzjonali hu maħsub li fix-xhur li ġejjin aktar regolamenti ser jidħlu fis-seħħ wara diskussjonijiet mal-partijiet interessati, filwaqt li fuq livell Ewropew ser tkompli r-riċerka fuq materjali oħra tal-plastik li jistgħu jiġu inklużi fid-direttiva. Irrid ngħid li dawn ir-regolamenti ġew diskussa mal-partijiet interessati waqt l-konsultazzjoni pubblika mnedija mill-Ministeru bejn it-28 t’Ottubru u s-26 ta’ Novembru 2020 li għaliha ipparteċipaw diversi partijiet fosthom kumpaniji ta’ konsulenza, il-Kamra tal-Kummerċ, il-Kamra tal-SMEs, eNGOs, supermarkets, istituzzjonijiet akkademiċi, produtturi u bejjiegħa tal-plastik, produtturi ta’ pakkeġġjar, kumpaniji ta’ maniġġjar tal-iskart, ħwienet bl-imnut (retail), u persuni oħra. Fl-aħħar nett intenni li dan huwa Gvern li dejjem lest jisma. Fil-fatt l-Ministeru dejjem ta u għadu jagħi l-opportunità lil dawk l-individwi, assoċjazzjonijiet kif ukoll kumpaniji sabiex iressqu l-mistoqsijiet li jkollhom anke wara li tkun saret il-konsultazzjoni pubblika. Fil-fatt, sa issa, l-Ministeru u l-ERA taw assistenza teknika u direzzjoni lill-aktar minn mitt mistoqsija. Sabiex niffaċilitaw aktar, fil-futur qarib ser ikunu ppubblikati fuq il-websajt tal-ERA sett ta’ mistoqsijiet relattivi flimkien ma’ tweġibiet għalihom u dan sabiex tixxerred iżjed l-informazzjoni meħtieġa.

Is-Salina – Triq is-Salini – permess tal-applikazzjoni approvat mill-PA

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-permessi tal-applikazzjoni (03155/17) kif approvati quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar fuq xogħlijiet fi Triq is-Salini fis-Salina stess?

Response (FARRUGIA, AARON)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.

Is-Salina – Triq is-Salini – rapport tas-Sovritendenza tal-Patrimonju Kulturali

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport tas-Sovritendenza tal-Patrimonju Kulturali b’rabta mal-applikazzjoni 03155/17 relatati max-xogħol li qed isir fi Triq is-Salini fis-Salina?

Response (FARRUGIA, AARON)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.

PA – modifikazzjoni ġodda fuq applikazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk kenux imressqa modifikazzjonijiet ġodda fuq l-applikazzjoni 03155/17, liema applikazzjoni kienet diġà approvata quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninsab infurmat li ma tressqet l-ebda modifikazzjoni gdida fuq l-applikazzjoni msemmija.

Żona tax-Xemxija u Selmun – permessi għall-bini jew żvilupp

Question

Jista’ l-Ministru jserraħ ras lil dawk kollha li għandhom bis-serjetà għal qalbhom l-ambjent f’pajjiżna li mhux ser jinħarġu ebda permessi għall-bini jew xi forma ta’ żvilupp fiż-żona indikata fir-ritratt li qed jingħata separatament, liema żona tinsab bejn ix-Xemxija u Selmun?

Response (FARRUGIA, AARON)

Naħseb li l-Onorevoli Interpellant jaf tajjeb li mhuwiex il-Ministru li jiddetta għandux jingħata permess jew le imma l-awtoritajiet kompetenti skont il-liġi.

Xewkija – Wied ta’ Mġarr ix-Xini, Triq tal-Gruwa, Triq Mġarr ix-Xini — permess

Question

Jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar il-permess PA/03136/20 To rehabilitate, clean up valley and carry out other maintenance works. Wied ta' Mġarr ix-Xini, Access from Triq tal-Gruwa, Xewkija and Triq Mġarr ix-Xini, Sannat u jgħid f'liema stadju wasal dan il-permess biex jiġi approvat mill-Awtorità tal-Ippjanar (PA) u l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA)?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninsab infurmat li, fir-rigward tal-applikazzjoni PA/03136/20, l-Awtorità tal-Ippjanar qed tistenna l-ħlasijiet neċessarji sabiex l-applikazzjoni tkun tista’ tiġi vvalidata u jitkompla l-proċess. Min-naħa l-oħra l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi ġiet ikkonsultata diġà bħala parti mill-proċess tal-ippjanar u l-konkużjoni kienet li l-Awtorità m’għandhiex oġġezzjoni għall-interventi proposti.