Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli – Direct Orders
Question
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista tad-direct orders kollha li huwa awtorizza matul is-snin 2022, 2023 u 2024? Jista’ għal kull direct order jagħti l-ammont involut, lil min ingħata u għal liema skop? Jista’ jgħid ukoll għalfejn kellha tingħata direct order minflok sejħa pubblika għal kull wieħed?
Response (GALDES, RODERICK)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-proċeduri ta’ akkwisti spjegati fir-Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku għaliex l-awtorizzazzjoni tad-direct orders mhux fir-responsabbilità tiegħi.
Għaldaqstant il-Contracting Authority tippubblika l-informazzjoni fuq il-Gazzetta tal-Gvern għal kull xiri li jsir għal kull perjodu ta’ sitt xhur, skont ir-Regolament 111(2) tar-Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku.
Awtorità tad-Djar – Skemi għall-eks residenti tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm u kemm kien hemm, eks residenti tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin li bbenefikaw minn skemi tal-Awtorità tad-Djar wara li jkunu għadhom kif skontaw is-sentenza?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, fl-aħħar ħames snin, għaxar (10) persuni li kienu eks-residenti tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin ibbenefikaw minn skemi li toffri l-Awtorità tad-Djar, u dan wara li dawn l-individwi skontaw is-sentenza rispettiva tagħhom.
Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli – Xiri ta’ karozzi ġodda — Nefqa
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 24384 u jgħid kemm intefqu flus biex inxtraw karozzi ġodda taħt id-dekasteru tiegħu, inkluż fid-dipartimenti u l-entitajiet li jaqgħu taħtu, minn Ġunju 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, inkluż informazzjoni dwar il-mudell tal-karozzi li nxtraw, minn liema kumpanija u meta nxtraw, jekk inxtrawx b'direct order jew b'tender pubbliku, l-ammont li nxtraw, u jagħti l-pożizzjoni u l-grad tal-persuna għal min inxtrat kull karozza? Jista' jippreżenta l-informazzjoni fil-format hekk kif indikat separatament?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f’xi seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid min kienu l-kapijiet eżekuttivi tal-Awtorità tad-Djar mill-2012 ’il quddiem? Jista’ jipprovdi l-ismijiet kif ukoll id-data tal-bidu u t-tmiem tal-kariga tagħhom?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli – Ċitazzjonijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il ċitazzjoni (traffic fine) weħel il-Ministeru tiegħu minn April 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, fuq liema karozza ħarġet tali ċitazzjoni, min kien qed isuq il-karozza u x'pożizzjoni għandu fil-Ministeru tiegħu, kemm ammontaw fi flus u minn min tħallsu dawn iċ-ċitazzjonijiet; jekk hux mill-persuna li għamlet il-kontravenzjoni jew minn fondi pubbliċi?
Response (GALDES, RODERICK)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-Manual on Transport and Travel Policies and Procedures. Dan il-manwal jagħti linji gwida dwar kif għandhom jiġu trattati iċ-ċitazzjonijiet tat-traffiku relatati ma' karozzi tal-Gvern, inkluż il-ħlas taċ-ċitazzjoni.
Jista’ l-Ministru jgħid x’kienet il-kawża tal-ilma jqattar mis-soqfa fil-bramel mal-art fiċ-Ċentru tas-Saħħa ġdid fi Triq Dun Manwel Zammit, fis-Siġġiewi, nhar il-Ġimgħa 8 ta’ Novembru 2024?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninsab infurmat li skont ir-rapport tal-perit responsabbli mill-binja, il-kawża tal-ilma jqattar mis-soqfa, fiċ-Ċentru tas-Saħħa fi Triq Dun Manwel Zammit, fis-Siġġiewi, ġiet investigata nhar il-Ġimgħa 8 ta’ Novembru 2024 u diġà beda x-xogħol fuq il-post.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 22390 li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar u jagħti lista ta’ kemm-il proprjetà tal-Gvern inbiegħet jew inkriet fl-inħawi magħrufa bħala Taċ-Ċawla fir-Rabat Għawdex? Jista’ jgħid ukoll kemm kien il-prezz u b’liema mod intlaqgħu l-offerti?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li nbiegħu 54 appartament tal-Gvern, filwaqt li 68 oħra huma mikrija fiż-żona Taċ-Ċawla, fl-akwati tar-Rabat, Għawdex.
Minn dawk mibjugħa, 46 inbiegħu taħt xi skema li toffri l-Awtorità tad-Djar, bħal fost l-oħrajn l-iskema Sir Sid Darek, waqt li 8 nbiegħu b’avviż li ġie ppubblikat fil-Gazzetta tal-Gvern. L-ammont totali tal-proprjetajiet mibjugħa kien ta' €1,181,359.80.
Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli – Kiri ta’ karozzi — Nefqa
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm intefqu flus biex inkrew karozzi taħt id-dekasteru tiegħu, inkluż fid-dipartimenti u l-entitajiet li jaqgħu taħtu, minn Ġunju 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, inkluż informazzjoni dwar il-mudell tal-karozzi li nkrew, minn liema kumpanija nkrew, id-data tal-bidu u t-tmiem ta’ kull kirja, jekk inkrewx b'direct order jew b'tender pubbliku, l-ammont li nkrew u jagħti l-pożizzjoni u l-grad tal-persuna għal min inkriet kull karozza? Jista' jagħti din l-informazzjoni fil-format li qed jingħata separatament?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 23868 u jgħid kemm kien hemm requisition orders matul l-1971 sal-1987 u f’liema lokalitajiet kienu?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn riċerka li għamlet l-Awtorità tad-Djar irriżulta li n-numru totali ta’ Rekwiżizzjonijiet li saru bejn l-1971 u l-1987 huwa ta’ 7,834, fil-lokalitajiet imsemmija fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Din l-informazzjoni ġiet meħuda minn rekords li kienu miżmuma mid-Dipartiment tal-Akkomodazzjoni Soċjali, Block C, Floriana.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 22513 u ċjoè: Fid-dawl li fil-Baġit ta’ din is-sena hemm li ser isiru installazzjonijiet ta’ liftijiet ġodda għal spiża ta’ €2 miljuni, jista’ l-Ministru jgħid jekk għal dawn ix-xogħlijiet hux ser ikun hemm sejħa għal tender jew inkella direct order?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tad-Djar wettqet offerta pubblika u, b’riżultat ta’ din, fil-preżent għandha Ftehim ta’ Qafas ma’ numru ta’ kuntratturi b’rati miftiehma biex ikunu jistgħu jagħmlu dawn ix-xogħlijiet.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 23865 u jgħid għaliex fil-kuntratti tal-akkwist tal-HOS plots daparti tal-Gvern (bħal f’Ta’ Farsina) fl-aħħar xhur intużaw is-servizzi notarili tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament taħt il-vesti ta’ “Nutar tal-Gvern”? Jista’ jgħid ukoll kif intgħażel dan l-individwu u kif intgħażlu n-nutara li mhumiex impjegati tal-Gvern biex jagħmlu xogħol bħal dan u x’inhi r-rata tal-ħlas?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Contracting Authority tippubblika din l-informazzjoni fuq il-Gazzetta tal-Gvern għal kull procurement li jsir għal kull perjodu ta’ sitt xhur, skont ir-Regolament 111(2) tal-Public Procurement Regulations.
Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli — Karozzi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid:
(a) jekk għandux it-tieni karozza jew car allowance apparti l-karozza uffiċjali għal użu tiegħu;
(b) x’tip ta' karozzi huma (ditta) u jekk hux electric vehicles jew jaħdimx bi fuel konvenzjonali u jekk f'każ ta' fuel konvenzjonali, kemm intuża fuel kull xahar minn kull karozza minn April 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
(c) Jekk jintuża fuel konvenzjonali għal dawn il-karozzi, minn fejn jinxtara l-fuel għalihom?
(d) Jekk għandu t-tieni karozza jew car allowance, min jagħmel użu minn din il-karozza meta l-Ministru jkun qed juża l-karozza uffiċjali tiegħu?
(e) Jekk kull karozza hiex tal-kiri jew inxtratx mill-Gvern u jekk f'każ li hi mikrija kemm titħallas kera kull xahar għal kull karozza u jekk mixtrija mill-Gvern kemm kienet l-ispiża biex inxtrat kull karozza?
(f) Jekk kull karozza tinżammx f’garaxx meta ma tkunx użata, u jekk tinżamm f’garaxx titħallasx kera għal tali garage? Jekk fl-affermattiv, kemm titħallas kera fix-xahar għal tali garage u min hu l-benefiċjarju ta' tali kera?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellanti li m'għandix it-tieni karozza u qed titħaddem il-proċedura skont il-manwal li kopja tiegħu diġà tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 24120 u ċjoè: B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 20335 u 23027, jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet fl-intier tagħhom u jgħid meta se jkunu lesti kompletament il-binjiet ta’ akkomodazzjoni soċjali li hemm f’Bormla?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li peress li l-kuntrattur responsabbli mix-xogħlijiet f'dan il-proġett ma żammx l-iskadenzi maqbula meta ngħata l-kuntratt, ittieħdet id-deċiżjoni li l-imsemmi kuntratt jitwaqqaf u sussegwentement jingħata lil ħaddieħor. Dan wassal għal dewmien mhux mistenni. Huwa ppjanat li l-proġett jitlesta sal-aħħar ta' din is-sena.
Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli — Konsulenti Maltin u barranin
Question
Jista’ l-Ministru jagħti lista ta' konsulenti Maltin u barranin (individwi jew kumpaniji) li l-Ministeru tiegħu, inkluż l-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, għamel użu minnhom minn 2020 sal-aħħar ta' Ottubru 2023? Jista' jgħid ukoll jekk kull servizz mogħti ġiex magħżul wara sejħa għall-offerti jew b'direct order? Fiex kienu jikkonsistu s-servizzi li ngħataw? Għal kemm perjodu ta' żmien kienu ingaġġati? Jekk iżjed minn sena jew term wieħed, għal kemm-il term jew sena mill-ewwel darba li ġew appuntati biex jagħtu dan is-servizz ilhom jagħmlu dan? Kemm kienu l-fees u spejjeż oħra relatati li tħallsu? Jekk il-każ fuq it-terminu ta' żmien li matulu kienu qed jipprovdu dan is-servizz, kemm tħalsu globalment fuq medda ta' żmien min mindu ġew appuntati l-ewwel darba? Kemm kienet ir-rata kull siegħa tal-fees li tħallsu?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-konsulenti huma ingaġġati skont il-manwal li kopja tiegħu diġà tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli – Xiri ta’ karozzi ġodda — Nefqa
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm intefqu flus biex inxtraw karozzi ġodda taħt id-dekasteru tiegħu, inkluż fid-dipartimenti u l-entitajiet li jaqgħu taħtu, minn Ġunju 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, inkluż informazzjoni dwar il-mudell tal-karozzi li nxtraw, minn liema kumpanija u meta nxtraw, jekk inxtrawx b'direct order jew b'tender pubbliku, l-ammont li nxtraw, u jagħti l-pożizzjoni u l-grad tal-persuna għal min inxtrat kull karozza? Jista' jippreżenta l-informazzjoni fil-format hekk kif indikat separatament?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f’xi seduta oħra.
Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli – Nefqa fuq fjuri għal funerali
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 12038 u 18970 u jgħid kemm nefaq flus fi fjuri għal funerali matul is-snin 2022 u 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jgħid jekk bagħatx fjuri lil xi ħadd f’okkażjonijiet oħra u kemm kienet l-ispiża? Jista’ jgħid ukoll minn liema parti tal-baġit ittieħdu dawn il-flus?
Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli – Direct Orders ta' inqas minn €5,000
Question
Jista’ l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu mill-1 sat-8 ta’ Jannar 2025?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif weġibt f’diversi istanzi, l-entitajiet u d-dipartimenti li huma fid-dekasteru tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, japplikaw ir-regoli għall-Offerti Dipartimentali u l-Metodi ta’ Akkwist skont il-Valur tal-Kuntratt li joħorġu mill-Public Procurement Regulations.