Legislature:
Category:
Reset
Active:

Raħal Ġdid – xogħlijiet fil-pjazza

Question

B’referenza għax-xogħlijiet li qegħdin isiru fil-pjazza ta’ Raħal Ġdid, tista’ l-Ministru tgħid kemm intefqu spejjeż sal-ġurnata tal-lum kif ukoll kif inhu għaddej l-andament tax-xogħol u meta hu previst li se jiġi tterminat?

Response (DALLI, HELENA)

Nitlob l-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru konċernat.

Raħal Ġdid – xogħlijiet fil-pjazza – kumpens lin-negozji

Question

B’referenza għax-xogħlijiet li qed isiru fil-pjazza ta’ Raħal Ġdid, tista’ l-Ministru tgħid x’kumpens u għajnuna qed tingħata lid-diversi operaturi u sidien tal-ħwienet li qegħdin kull jum jitilfu min-negozji tagħhom?

Response (DALLI, HELENA)

Nitlob l-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru konċernat.

Fondi Ewropej — Proġetti li ser isiru f’Malta

Question

Tista’ l-Ministru tgħid u tagħti lista ta’ proġetti illi hemm proġettati illi ser jsiru bil-Fondi Ewropej allokati għal Malta għall-perijodu 2014-2020?

Response (DALLI, HELENA)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta’ proġetti approvati f’Malta u Għawdex għall-perjodu 2014-2020. Sejħiet oħrajn ser jinħarġu fil-futur skont il-parametri stabiliti fid-diversi Programmi Operattivi tal-Fondi Ewropej 2014-2020. Din l-informazzjoni tinsab fuq is-sit elottroniku www.eufunds.gov.mt li jiġi aġġornat minn żmien għal żmien.

Fondi Ewropej — Ammont allokat għal proġetti f’Għawdex

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hu l-ammont illi se jiġi allokat għal proġetti f’Għawdex mill-Fondi Ewropej allokati għal Malta għall-perijodu 2014-2020?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan il-Gvern ikkommetta li jonfoq 10% tal-Fondi Ewropej għal Għawdex kif kien sar għall-perjodu 2007-2013.

Fondi Ewropej — Proġetti maħsuba li se jsiru f’Għawdex

Question

Tista’ l-Ministru tgħid, xi proġetti hemm maħsuba illi se jsiru f’Għawdex mill-Fondi Ewropej allokati għal pajjiżna għall-perijodu 2014-2020?

Response (DALLI, HELENA)

Nirreferi l-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 2463.

Fondi Ewropej — Ammont allokat għall-proġetti li se jsiru mill-Kunsilli Lokali

Question

Tista’ l-Ministru tgħid, kemm hu l-ammont illi se jiġi allokat għall-proġetti li se jsiru mill-Kunsilli Lokali mill-Fondi Ewropej allokati għal Malta għall-perijodu 2014-2020?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li jiddependi mill-Programm u mis-sejħa għall-Proġetti, l-Kunsilli Lokali jistgħu jikkompetu għall-fondi skont il-qasam u l-prijorità tas-sejħa.

Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u Ugwaljanza — sistema tal-informatika mhux aċċessibbli għall-persuni b'diżabilità

Question

Tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista sħiħa ta’ dawk l-entitajiet/dipartimenti fid-deskasteru tiegħu/tagħha li għad għandhom l-użu tas-sistema tal-informatika tagħhom mhux kompletament aċċessibbli għall-persuni b’diżabilità? Għal kull każ tista’ tgħid liema huma d-dipartimenti/entitajiet u x’qed isir biex din issir aċċessibbli?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern ilu jsegwi l-linja-gwida tal-Fondazzjoni għall-Aċċessibilità fit-Teknoloġija tal-Informatika (FITA) mindu din twaqqfet fis-sena 2000.

Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u Ugwaljanza — konsulenzi minn individwu

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk xi entità fid-dekasteru tagħha tatx xogħol legali jew talbitx konsulenzi mill-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament jew mid-ditta legali tiegħu, wara Marzu 2013? Jekk iva, meta? Liema entità kienet/hija, u kemm kien/hu l-valur/ħlas tax-xogħol imsemmi, sena b’sena?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma l-Onor. Interpellant li ma’ ntalab l-ebda xogħol legali jew konsulenza mingħand l-individwu msemmi jew id-ditta legali tiegħu fil-perjodu msemmi.

Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u Ugwaljanza — Segretarjat Parlamentari għall-Fondi Ewropej u Djalogu Soċjali - konsulenzi minn individwu

Question

Tista’ l-Ministru, permezz tas-Segretarjat Parlamentari għall-Fondi Ewropej u Djalogu Soċjali tgħid jekk xi entità fid-dekasteru tiegħu tatx xogħol legali jew talbitx konsulenzi mill-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament jew mid-ditta legali tiegħu, wara Marzu 2013? Jekk iva, meta? Liema entità kienet/hija, u kemm kien/hu l-valur/ħlas tax-xogħol imsemmi, sena b’sena?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma l-Onor. Interpellant li ma ntalab l-ebda xogħol legali jew konsulenza mingħand l-individwu msemmi jew id-ditta legali tiegħu fil-perjodu msemmi.

Unjonijiet Ċivili

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm ġew reġistrati unjonijiet ċivili u kemm minnhom kienu ta’ koppji ta’ sess differenti maqsuma skont il-perjodi kif ġejjin: mill-15 ta’ April 2014 sat-30 ta’ April 2015, mill-1 ta’ Mejju 2015 sat-30 ta’ April 2016 u mill-1 ta’ Mejju 2016 sat-30 ta’ April 2017?

Response (DALLI, HELENA)

Qed inpoggi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza — ħaddiema li kellhom il-kuntratt tax-xogħol tagħhom mibdul

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 93 u tagħti informazzjoni ta’ kemm ħaddiema li jaħdmu fid-dipartimenti u fl-entitajiet li jifformaw parti mill-Ministeru li jmexxi, kellhom il-kuntratt tax-xogħol tagħhom mibdul? Partikularment kemm-il ħaddiem kien fuq kuntratt definit li nbidel għal kuntratt indefinit u kemm-il ħaddiem kien impjegat fuq bażi part-time li nbidel għal wieħed full-time fil-perjodu bejn l-1 ta' Mejju 2017 u t-2 ta' Ġunju 2017?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma kien hemm l-ebda persuna li l-kuntratt tagħha ġie maqlub minn wieħed definit għal ieħor indefinit fi żmien indikat. L-istess ma kienx hemm individwi li minn partimers saru fulltimers fil-perjodu inkwistjoni.

Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u Ugwaljanza — postijiet mhux aċċessibbli għall-persuni b'diżabilità

Question

Tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista sħiħa ta’ dawk il-postijiet fl-entitajiet/dipartimenti fid-dekasteru tagħha li għadhom mhumiex kompletament aċċessibbli għall-persuni b’diżabilità? Għal kull każ, tista’ tgħid fejn hu l-post u x’qed isir biex dan isir aċċessibbli?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li fi ħdan id-dekasteru tiegħi hemm xi numru ta’ postijiet li għadhom mhux kompletament aċċessibbli għall-persuni b’diżabilità, li jinkludu l-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza, l-EU Secretariat – l-iStrategy and Implimentation Division, il-Managing Authority (EU Funds) u waħda miż-żewġ binjiet tad-DIER. Il-kumplament tal-binjiet li jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħi huma aċċessibbli għall-persuni b’diżabilità. Tajjeb nirrimarka l-fatt li ċertu postijiet mhumiex aċċessibbli minħabba n-natura storika tagħhom. Madanakollu hemm ippjanati inizjattivi sabiex fejn hu possibbli tiżdied l-aċċessibilità.

Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u Ugwaljanza — ħaddiema b'diżabilità - ilmenti

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk matul din is-sena kienx hemm ilmenti (kemm jekk huma ilmenti ġodda jew fis-seħħ mis-snin preċedenti) minn ħaddiema b’diżabilità li ma jkunux jistgħu jwettqu x-xogħol mogħti lilhom minħabba l-limitazzjoni imposti mid-diżabilità tagħhom? Jekk iva, tista’ tagħti n-numri għal kull dipartiment/entità (mingħajr ma jsemmi l-ismijiet tal-persuni)?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li matul din is-sena ma kien hemm ebda ilment minn ħaddiema b’diżabilità li ma jkunux jistgħu jwettqu x-xogħol mogħti lilhom minħabba l-limitazzjoni imposti mid-diżabilità tagħhom.

Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u Ugwaljanza – konsulenzi minn individwu

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk xi entità fid-dekasteru tagħha tatx xogħol legali jew talbitx konsulenzi mill-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament jew id-ditta legali tiegħu, minn Mejju 2003 sa Frar 2008 u minn Marzu 2008 sa Frar 2013? Jekk iva, meta? Liema entità kienet/hija, u kemm kien/hu l-valur/ħlas tax-xogħol imsemmi sena b’sena? Ix-xogħol ingħata b’tender jew inkella b’direct order?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li l-persuna konċernata tqabbdet f’żewġ istanzi mill-MCESD (f’Lulju 2010 u f’Jannar 2013) permezz ta’ direct order. Il-persuna konċernta kienet mqabbda biex tagħmel xogħol legali marbut mal-operat ta’ din l-entità.

Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza — direct orders

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 63 u tagħti lista tad-direct orders li ngħataw mid-dipartimenti u l-entitajiet li jiffurmaw parti mill-Ministeru li tmexxi u dan għall-perjodu l-1 ta’ Mejju 2017 sat-2 ta’ Ġunju 2017?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li għall-perjodu mill-1 ta’ Mejju 2017 sat-2 ta’ Ġunju 2017, ingħataw 7 direct orders mid-Dipartimenti u l-entitajiet li jifformaw parti mill-Ministeru li mmexxi. Qed inpoġġi l-lista konċernata fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u Ugwaljanza — ħaddiema - xogħol

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il ħaddiem hemm fl-entitajiet li jaqgħu taħtha li għandhom xogħol li jsir minn ħaddiema b'kuntratt definit ta' xogħol, inkluż cleaners?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li fl-entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabiltà tal-Ministeru tiegħi, ma hemm ebda ħaddiem b’kuntratt definit.

Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza – ħaddiema li ħadu promozzjoni

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 48 u tagħti lista tal-ħaddiema fid-dipartimenti u l-entitajiet li jifformaw parti mill-ministeru li tmexxi li ħadu promozzjoni fil-perjodu mill-1 ta' Mejju 2017 sat-2 ta' Ġunju 2017? Tista’ tagħti l-istess informazzjoni għall-perjodu 7 ta' Jannar 2013 sat-8 ta' Mejju 2013?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li għall-perjodu mill-1 ta’ Mejju 2017 sat-2 ta’ Ġunju 2017, in-numru ta’ mpjegati li ħadu promozzjoni jammonta għal 3 filwaqt li għall-perjodu 7 ta’ Jannar 2013 sa 8 ta’ Mejju 2013, ma kien ebda ħaddiem li ħa promozzjoni. Ninforma lill-Onor. Interpellant li fit-tliet każijiet il-proċessi nbdew qabel t-2 ta’ Mejju 2017 skont iċ-ċirkulari UPM 8/2017. Filfatt it-tliet sejħiet in kwisjoni ġew ppublikati f’dawn id-dati. (1) 7 ta’ Diċembru 2016 – Manager (Accounting and Finance – Ċirkulari PSD Numru 4/2016); (2) 3 ta’ Frar 2017 – Procurement Manager (Operations – Ċirkulari MEAIM 2/2017); (3) 24 ta’ Marzu 2017 – Assistant Director (Human Resources – Corporate Services Directorate, MSDC – Ċirkulari MSDC 7/2017).

Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u Ugwaljanza — first aiders

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm first aiders ċertifikati fid-dekasteru tagħha u jagħti l-informazzjoni skont id-dipartiment/entità rispettiva?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li hemm sitt first aiders ċertifikati fi ħdan id-dekasteru tiegħi. Tlieta minn dawn il-first aiders qegħdin jaħdmu fl-Occupational Health and Safety Authority (OHSA), tnejn minnhom qegħdin jaħdmu fil-MEUSAC filwaqt li ħaddiem minnhom qed jaħdem ġewwa l-EU Secretariat.

Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza – impjegati ġodda

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 7 u tgħid kemm daħlu impjegati ġodda jaħdmu fid-dipartimenti u entitajiet li jifformaw parti mill-ministeru li tmexxi u dan għall-perjodu mill-1 ta' Mejju 2017 sat-2 ta' Ġunju 2017? Tista’ tagħti l-istess informazzjoni għall-perjodu 7 ta' Jannar 2013 sat-8 ta' Mejju 2013?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.

Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u Ugwaljanza — nefqa fuq promotions fuq mezzi tal-media soċjali

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm nefaq flus l-Uffiċċju tagħha, inkluż kull entità taħtu, għall-promotions fuq Twitter, Faceboook u social media oħra, minn Marzu 2013 sal-lum, xahar b'xahar?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-nefqa tal-Ministeru għall-promotions fuq Twitter, Facebook u social media oħra tul il-perjodu kkonċernat kienet tammonta għal €59,163.41 Niġbed l-attenzjoni tal-Onor. Interpellant li €57,616.92 minnhom huma marbuta man-nefqa li għamel il-Gvern ċentrali f’dak li jikkonċerna l-Presidenza Maltija għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropeja 2017.