Jista’ l-Ministru jagħti summary tal-proposti ta’ Malta lill-Kummissjoni Ewropea u/jew l-Unjoni Ewropea, jekk kien hemm tali proposti, b’rabta mas-sapport finanzjarju lil-Libja taħt l-artikolu 5 tal-MOU? X’kien ir-riżultat ta’ dawn il-proposti?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. nterpellant li ma nistax inkun f’qagħda nwieġeb din id-domanda diment li ma jkunx speċifikat għal liema MOU mal-Libja qed issir referenza.
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ Annex A mill-MOU li ġie ffirmat mal-Libja? Jista’ l-Ministru jippreżenta rapport b’riżultat, inkluż dawk finanzjarji, tal-MOU ffirmat mal-Libja?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma nistax inkun f’qagħda nwieġeb din id-domanda diment li ma jkunx speċifikat għal-liema MOU mal-Libja qed issir referenza.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3834, jista’ l-Ministru jgħid meta l-Ministeru tiegħu se jimxi u jibda juża Palazzo Spinola f’San Ġiljan?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed isiru xogħlijiet neċessariji biex il-bini jkun jista’ jintuża bħala uffiċini għall-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ, liema xogħlijiet mistennija li jitlestew sal-aħħar ta’ Jannar 2023.
Siġġiewi – xogħol ta’ restawr taz-zuntier tal-Knisja Parrokkjali
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4168, li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali u li issa ġiet riferuta lilu, u jgħid meta se jibda x-xogħol ta’ riġenerazzjoni u restawr taz-zuntier tal-Knisja Parrokkjali tas-Siġġiewi li tħabbar f’Ġunju tas-sena l-oħra?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.
Siġġiewi – xogħol ta’ restawr taz-zuntier tal-Knisja Parrokkjali – allokazzjoni ta’ fondi
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4169, li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali u li issa ġiet riferuta lilu, u jgħid kemm hemm fondi allokati għall-proġett ta’ riġenerazzjoni u restawr taz-zuntier tal-Knisja Parrokkjali tas-Siġġiewi?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.
Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ – benefiċċji u għajnuna finanzjarja għall-produzzjoni tal-films lokali
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4711 u jsemmi kull benefiċċju, għotja jew kull tip ta’ għajnuna oħra finanzjarja jew taħt xi forma oħra, li ngħataw fil-produzzjoni tal-films lokali u/jew produzzjonijiet oħrajn, jew kull tip ta' għajnuna oħra għal skop ieħor li għalihom applikaw il-persuni jew il-kumpaniji msemmija separatament, inkluż l-entitajiet u l-awtoritajiet kollha relattivi taħt id-dekasteru tiegħu, mill-2013 'il hawn?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin, Ewropej u l-Kummerċ b’xi mod kien involut f’għajnuna jew f’iffinanzjar ta’ dawn il-produzzjonijiet segwenti:
1. It-trailer tal-film ‘Simshar’ intwera waqt il-Malta Short Film Festival li kien organizzat f’Pariġi fl-2013. Dan kien parti minn proġett li ġie ffinanzjat mill-Fond għad-Diplomazija Kulturali flimkien mal-Malta Film Commission. L-ammont totali ta’ dan il-proġett, li kien jinkludi elementi oħra apparti l-wiri ta’ dan il-film, kien ta’ €6,000.
2. Fil-15 ta’ Mejju tal-2017, l-Ambaxxata Maltija fil-Greċja wriet il-film Malti ‘Simshar’ fiċ-ċinema open air ġewwa Palaoi Faliro. Din saret bħala parti minn avvenimenti oħra organizzati mill-Ambaxxata fil-ġimgħa dedikata għall-migrazzjoni waqt il-Presidenza Maltija fil-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Dan l-avveniment sewa €325 li ttieħdu mill-fond li l-Ministeru kellu allokat għall-Presidenza.
3. Fit-8 ta’ Novembru 2017, l-Ambaxxata ta’ Malta f’Berlin uriet il-films Maltin ‘Sħab’ u ‘Laqgħa ma’ Mara Morbi’ bħala parti minn proġett għad-Diplomazija Kulturali, iffinanzjat mill-Ministeru. Il-proġett kien jammonta għal madwar €4,000.
4. F’Diċembru 2018, bħala parti mill-programm u l-attivitajiet tal-għeluq ta’ Valletta 18 - il-Belt Ewropea tal-Kultura, il-Ministeru ffinanzja l-proġett imsejjaħ ‘Sempreviva’ mill-artist Charlie Cauchi. Dan il-proġett huwa estenzjoni tal-proġett ‘Latitude 36’ u ġie jiswa €56,700. ‘Sempreviva’ hija proġezzjoni ta’ tliet skrins li jittrattaw materjal mill-arkivji u filmati ta’ dokumentarji fid-djar, każini, postijiet tax-xoghol u postijiet residenzjali fejn jinstabu id-dijaspori Maltin fl-Ingilterra, fl-Istati Uniti u fil-Kanada. ‘Sempreviva’ tiġbor u tirrakonta stejjer ta’ identità u emigrazzjoni, u tappartjeni għal soċjetà partikolari permezz ta’ prattika artistika u kollaborattiva.
5. Fis-26 ta’ Novembru 2019, l-Ambaxxata ta’ Malta f’Berlin uriet il-film Malti ‘Limestone Cowboy’ bħala parti minn proġett għad-Diplomazija Kulturali. L-ammont ta’ dan il-proġett kien ta’ madwar €3,000.
6. Fl-2021, l-Ambaxxata ta’ Malta ġewwa Accra, il-Gana, uriet il-film Malti ‘Luzzu’ waqt il-Festival tal-Film organizzat mill-Unjoni Ewropea. Il-ħlas kien ta’ €200 u tħallas mill-Ministeru bħala parti mill-Malta Day.
7. F’April 2021, il-Konsolat ta’ Malta ġewwa Istanbul wera l-film ‘Luzzu’. L-ispejjeż ġew koperti minn sponsor fit-Turkija.
8. F’Novembru tal-2021, il-film ‘Simshar’ intwera fil-Festival Ewropew tal-Film ġewwa l-Alġier. Il-Ministeru ma ħareġ l-ebda fondi f’din l-inizjattiva, stante illi l-ispejjeż ġew koperti mil-Unjoni Ewropea. L-involviment tal-Ambaxxata ta’ Malta ġewwa l-Alġerija kien li ffaċilita l-kuntatti bejn id-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea u l-Malta Film Commission.
9. F’Marzu li għadda l-film Luzzu ntwera ġewwa Madrid. L-Ambaxxata ta’ Malta ġewwa Madrid għenet fl-organizzazzjoni sabiex grupp żgħir ta’ nies attendew il-premier, però l-Ministeru ma kopra ebda spejjeż għal dan l-avveniment.
10. F’Mejju li għadda, l-Ambaxxata Maltija fl-Etjopja wriet il-film ‘Luzzu’ bħala parti mill-Festival tal-Film tal-Unjoni Ewropea. Il-ħlas ta’ parteċipazzjoni kien ta’ €500 li tħallsu mill-Ministeru, imma mhux mill-Fond għad-Diplomazija Kulturali.
11. F’Ġunju li għadda, l-Ambaxxata wriet il-film ‘Luzzu’ ġewwa VOX Esplanade Cinemas fir-Renju tal-Arabja Sawdita. Ebda ħlasijiet ma ġew koperti mill-Ministeru.
12. Fit-23 ta’ Settembru ta’ din is-sena, il-film Malti ‘Carmen’ intwera ġewwa Cine Brasilia bħala parti mill-Festival Internazzjonali tal-Film ta’ Brasilia. L-Ambaxxatur ta’ Malta ġewwa l-Brasilia attenda għal dan l-avveniment. Madanakollu, il-Ministeru ma kopra ebda spejjeż f’dan ir-rigward.
13. F’Novembru li għadda, il-Ministeru ffinanzja madwar €700 għall-kiri ta’ sala u għal ħlas ta’ streaming sabiex jintwera l-film ‘Luzzu’ fi Vjenna bħala parti mill-proġett tad-Diplomazija Kulturali implimentat mill-Ambaxxata Maltija.
14. Fl-istess xahar, id-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea ġewwa New Delhi, l-Indja, uriet il-film ‘Luzzu’ waqt il-Festival Ewropew tal-Film 2022. L-Ambaxxata ma kopriet ebda spejjeż għal dan l-avveniment.
Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ — benefiċċji u għajnuna finanzjarja li ngħatat għall-produzzjoni ta’ films lokali
Question
Jista’ l-Ministru jsemmi kull benefiċċju, għotja jew kull tip ta’ għajnuna oħra finanzjarja jew taħt xi forma oħra, li ngħataw fil-produzzjoni tal-films lokali u/jew produzzjonijiet oħrajn, jew kull tip ta' għajnuna oħra għal skop ieħor li għalihom applikaw il-persuni jew il-kumpaniji msemmija separatament, inkluż l-entitajiet u l-awtoritajiet kollha relattivi taħt id-dekasteru tiegħu, mill-2013 'il hawn?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li Malta la hawn Konslu u lanqas Ambaxxata tal-Brażil?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-deċiżjoni u r-raġuni dwar x’livell ta’ rappreżentanza li pajjiż ikollu jew ma jkollux f’Malta hija għad-diskrezzjoni tal-pajjiż barrani u mhux ta’ Malta. Madankollu, il-Brażil huwa akkreditat għal Malta minn ġewwa Ruma u reċentement il-Brażil ressaq talba lill-Gvern Malti sabiex jaħtar Konslu Onorarju f’pajjiżna liema talba qiegħda tiġi pproċessata.
Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ – ex ħaddiema tal-Air Malta li qed jaħdmu fis-settur pubbliku
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3394, jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx ħaddiema li kienu jaħdmu mal-Air Malta li issa qed jaħdmu fil-Ministeru jew entità li taqa' taħt id-dekasteru tiegħu?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant biex tirreferi għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari 3391 ta' din il-Leġiżlatura.
Jista’ l-Ministru jgħid fl-2020, 2021 u sal-aħħar ta' Ġunju 2022, kemm kienu l-barranin li kellhom il-permess jaħdmu f'Malta, f’liema setturi ta' xogħol kienu u qegħdin jaħdmu?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru/i kkonċernat/i.
Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ – ex ħaddiema tal-Air Malta li qed jaħdmu fis-settur pubbliku
Question
Jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta’ kemm ġew trasferiti impjegati li kienu jaħdmu mal-Air Malta u li issa qed jaħdmu mal-gvern/fis-settur pubbliku, f’entità jew dipartiment li jaqa’ taħt id-dekasteru tiegħu? Jista’ jindika x’salarju għandhom dawn l-impjegati? Jista’ jindika wkoll il-livell ta’ edukazzjoni ta’ dawn l-impjegati?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant biex tirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3391 tal-istess Seduta.
Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ — ħaddiema mqabbda ma' kuntratturi
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 375, jista' l-Ministru jagħti din l-informazzjoni fir-rigward tal-ħaddiema li qegħdin jagħtu servizz lill-Gvern u li huma impjegati mal-kuntrattur u mhux fir-rigward tal-ħaddiema kollha tal-kumpanija privata?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ għamel użu minn dawn is-servizzi ta’ hawn taħt. Ir-rata li l-Ministeru jħallas lill-kuntrattur hija skont dik kif inkluża fl-offerta tal-kuntrattur/i fis-sejħa tal-offerti.
Pożizzjoni
Numru ta’ Impjegati sa l-aħħar ta’ Settembru 2022
Ħlas kull siegħa li l-Ministeru iħallas lill-Kuntrattur
Ħlas minimu li il-Kuntrattur obligat jagħti lil Impjegat skont Ċirkulari tal-Kuntratti 21/2021
Gwardjan tas-Sigurtà
5
€9.99
€7.08
Assistent Skrivan
4
€8.63
€6.09
Skrivan
2
€9.99
€7.08
Skrivan Ogħla
3
€11.41
€8.11
Cleaners (Uffiċċji)
6
€ 7.37
€ 5.17
Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ – persuni impjegati relatati mas-CEO jew Chairperson ta’ xi Awtorità
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk fl-entitajiet u fl-awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, hemmx persuni impjegati li huma relatati b’affinità, jew konsangwinament mas-CEO jew Chairperson tal-istess entità/awtorità? X’inhu l-job designation tagħhom? Jekk it-tweġiba hi fil-pożittiv, jista’ l-Ministru jgħid kif dawn l-istess persuni ġew impjegati ma’ dik l-entità/awtorità?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-entità li taqa’ taħt il-Ministeru, m’hemmx persuni impjegati li huma relatati b’affinità, jew konsangwinament mas-CEO jew Chairperson tal-istess entità.
Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ – Advisors fuq kuntratti/direct orders
Question
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista minn kull entità li taqa’ taħtu ta’ kemm ġew impjegati advisors fuq kuntratti/direct orders u kemm hu l-valur tal-kuntratt mill-2018 sal-2022?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma ġew impjegati l-ebda Advisors fuq kuntratti/direct orders mal-entità li taqa’ taħt dan il-Ministeru.