Legislature:
Category:
Reset
Active:

Qrati Kriminali – applikazzjonijiet għal għajnuna legali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm daħlu applikazzjonijiet għal għajnuna legali quddiem il-Qrati Kriminali kemm tal-Appell kif ukoll f’dawk fejn jinstemgħu l-ġurijiet?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninsab infurmat li mill-2018 sas-7 ta’ Mejju 2020 kien hemm 73 applikazzjonijiet għal għajnuna legali quddiem il-Qrati Kriminali tal-Appell u 6 applikazzjonijiet f’dawk fejn jinstemgħu l-ġurijiet.

Qrati tal-Maġistrati ta’ Għawdex – applikazzjonijiet għal għajuna legali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm daħlu applikazzjonijiet għal għajnuna legali quddiem il-Qrati tal-Maġistrati Għawdex sede kriminali?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-Qorti tal Kriminal ma jsirux applikazzjonijiet għall-għajnuna legali peress li dawn l-avukati jiġu maħtura seduta stante mill-istess Qorti. Għalekk, ninforma li matul is-sena 2019 ġew maħtura 14-il avukat tal-għajnuna legali seduta stante waqt li bejn l-1 ta’ Jannar sat-30 t’April 2020 ġew maħtura 3 avukati tal-għajnuna legali seduta stante wkoll.

Għajnuna Legali — Qrati tal-Maġistrati – statistika tal-applikanti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk tinżammx statistika rigward is-sess jew etajiet tal-applikanti li jagħmlu użu mis-servizz ta’ għajnuna legali quddiem il-Qrati tal-Maġistrati?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninsab infurmat li ma tinżammx statistika strettament fuq il-materja mitluba mill-Onor. Interpellant.

Avukat Ġenerali – patteġġjament quddiem il-Qorti tal-Appell

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il patteġġjament għamel l-Avukat Ġenerali fi stadju ta’ appell quddiem il-Qorti tal-Appel Kriminali (Inferjuri) minn Lulju 2017 sal-lum?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Il-patteġġjament huwa permess mill-Kodiċi Kriminali fl-Artikoli 392A (5) sa (8) dwar reati li ma jkunux soġġetti għal- piena ta’ aktar minn tnax il-sena ħabs, fl-Artikolu 392B(5) in kwantu għal-reati soġġetti għal-piena ta’ iżjed minn tnax il-sena ħabs meta jkun hemm ammissjoni bikrija u fl-Artikolu 453A in kwantu għal proċessi quddiem il-Qorti Kriminali. Dak kontemplat fl-imsemmija artikoli huwa l-uniku forma ta’ patteġġjament applikabbli f’ kawżi kriminali fil-gurisdizzjoni tal-Qorti tal-Maġistrati bħala Qorti ta’ Ġudikatura Kriminali jew tal-Qorti Kriminali. Ngħarraf lill-Onorevoli Membru li ninsab informat illi ma sar ebda patteġġjament quddiem il-Qorti tal-Appell Kriminali (Inferjuri) minn Lulju 2017 sa’ llum.

EPPO – shortlisting għal nomini

Question

Jista’ l-Ministru jagħti l-ismijiet ta’ dawk li l-Gvern fl-aħħar sentejn għamel shortlisting tagħhom biex jiġu nominati għal European Public Prosecutor Office (EPPO)?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi tali ismijiet jiġu kkomunikati wara t-terminazzjoni tal-proċess sħiħ tal-għażla fuq livell Ewropew. Wara li l-Gvern bagħat total ta’ ħames (5) kandidati biex ikunu fuq il-Kulleġġ ta’ Prosekuturi tal-Uffiċju tal-Prosekutur Pubbliku Europew, wara li nħarġu ben tlett (3) sejħiet pubbliċi fil-Gazzetta tal-Gvern sabiex timtela tali pożizzjoni, l-Bord ta’ Selezjoni tal-UPPE ħareġ il-klassifika tiegħu, f’dokument ristrett. Madanakollu din il-klassifika għadha m’hijiex determinanti u konklussiva minħabba l-fatt illi skond il-provvedimenti tal-Arikolu 16(2) tar-Regolament UPPE, wara li jkun irċieva l-opinjoni motivata tal-bord tal-għażla msemmi fl-Artikolu 14(3), il-Kunsill għandu jagħżel u jaħtar wieħed mill-kandidati biex ikun il-Prosekutur Ewropew tal-Istat Membru inkwistjoni. Il-Klassifika tal-bord tal-għażla msemmi fl-Artikolu 14(3) tar-Regolament UPPE m’hijiex għalhekk vinkolanti fuq il-Kunsill, u l-Kunsill tal-Ministri tal-Unjoni Ewropea għadu ma għamilx l-għażla tiegħu. Dan ifisser li l-proċess tal-għażla għadu m’huwiex konkluż.

EPPO – nomina ta’ avukat

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li l-Avukat li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament waqt li kien trainee lawyer fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali kien nominat mill-Gvern Malti għal EPPO (European Public Prosecutor Office)? Jista’ jagħti d-data meta saret tali nomina u fuq liema bażi saret meta s-sejħa kienet tgħid li l-Gvern jinnomina dawk "with proven and extensive experience in prosecution and mutual legal assistance"? Kemm kien ilu xhur li ġab il-warrant ta’ avukat meta l-Ministru tal-Ġustizzja kien innominah lil EPPO?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Avukat in kwistjoni, li irċieva l-warrant fil-11 ta’ Marzu tal-2018, kien innominat mill-Gvern Malti sabiex jikkontesta għall-pożpizzjoni ta’ Prosekutur Ewropew fi ħdan l-Uffiċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) flimkien ma’ żewġ nominati oħrajn, liema nomini saru skond id-detti u r-regolamenti tar-Regolament Ewropew numru (UE) 2017/1939, partikolarment skond il-kriterji msemmija fl-Artikolu 16(1) ta’ tali Regolament, wara li ħarget sejħa pubblika għall-applikazzjonijiet li kienet ippublikata fil-Gazzetta tal-Gvern numru 20,245 tas-6 ta’ Awwissu 2019. Tali nomini gew ikkomunikati lis-Sedja tal-Kumitat tas-Selezzjoni maħtur skond l-Artikolu 14(3) tar-Regolament UPPE fit-30 ta’ Ottubru tal-2019. Dan kollu sar wara li diġa’ kienu inħarġu żewġ sejħiet pubbliċi oħra fil-Gazzatta tal-Gvern – l-ewwel waħda fit-22 ta’ Marzu tal-2019 fuq Gazzetta numru 20,145 u t-tieni waħda fl-14 ta’ Mejju tal-2019 fuq Gazzetta numru 20,187 – minn liema sejħiet applika applikant wieħed biss.

Ministeru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza – konsulent

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament huwa konsulent fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza u/jew is-Segretarjat għall-Ugwaljanza u r-Riformi? Jekk iva, ta’ xiex huwa konsulent? Jekk le, x’inhu xogħolu? Jista’ jgħid ukoll kemm hi l-paga tiegħu u x’perkaċċi għandu?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-individwu msemmi huwa ngaġġat bħala konsulent mas- Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi fejn jipprovdi konsulenza fuq strateġija, implimentazzjoni u loġistika. Huwa ġie ngaġġat f’Marzu tal-2020 fuq kuntratt ta’ tlett snin fuq bażi part time (12 -il siegħa fil-ġimgħa) u jitħallas €10,804 fis-sena, mingħajr perkaċċi oħra.

Lawyers' Act — pubblikazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jkun ippubblikat il-Lawyers' Act li ilu mwiegħed mill-Gvern is-snin?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi saru diversi konsultazzjonijiet dwar il-pubblikazzjoni ta’ Lawyers’ Act inklu¿ konsultazzjoni mal-Kamra tal-Avukati li għamlet ħafna xogħol importanti f’dan ir-rigward. Il-Ministeru qiegħed fi stadju li jeżamina l-eżitu ta’ din l-konsultazzjoni però jagħmilha ċara li din il-liġi hija prijorità għall-Gvern.

Persuni mressqa l-Qorti fuq traffikar ta' persuni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, sena b’sena, minn Jannar 2014 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija, kemm tressqu l-qorti persuni fuq traffikar tal-persuni?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fir-rigward ta’ kemm tressqu l-qorti persuni fuq traffikar tal-persuni, quddiem il-Qorti ta’ Malta hija kif muri fit-tabella ta hawn taħt: 2014 – 4 każijiet 2015 – 2 każijiet 2016 – 1 kawża 2017 – 3 kawżi 2018 – 5 kawżi 2019 – 1 kawża 2020 sat -8 ta’ Ġunju – nil. Fil-Qorti ta’ Għawdex ma kien hemm l-ebda persuna li tressqu l-Qorti fuq traffikar tal-persuni.

Sistema tas-Sentencing Guidance

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 12812, jista’ l-Ministru jgħid x’kienu r-reazzjonijiet tal-Kummissjoni Għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja dwar l-introduzzjoni tas-sistema aktar effiċjenti tas-Sentencing Guidance?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ngħarraf lill-Onorevoli Membru li f' dan l- istadju ma għandix x' nirrapporta fuq is-suġġett imqanqal fl-interpellanza.

Qorti ta’ Għawdex – Perspex fir-Reġistru

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex fil-Qorti ta' Għawdex għadu ma sarx il-perspex fir-Reġistru meta dan issa ilu miftuħ għall-pubbliku numru ta' ġimgħat? Jista' jgħid għaliex fil-Qorti ta' Għawdex wieħed ma jistax iħallas bil-cards meta jippreżenta l-atti fir-Reġistru, meta dan huwa possibbli f'Malta?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninsab ifurmat li l-perspex fir-Reġistru huwa ordnat u ser ikun qed jitwaħħal fil-ġranet li ġejjin, filwaqt li Electronic Point of Sale (EPOS) biex jista’ jsir il-ħlas bil-cards ġiet installata fl-10 ta’ Ġunju 2020.

Ministeru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza — impjegati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati persuni f’kull entità/dipartiment/aġenzija/korporazzjoni/kumpanija li jaqgħu taħtu, xahar b’xahar, minn Jannar 2017 ‘il hawn u jaqsam l-informazzjoni skont l-entità u jagħti l-informazzjoni grad bi grad (mingħajr ma jagħti l-ismijiet tal-persuni)?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninsab infurmat li fl-2017 il-Ministeru impjega 41 persuna, waqt li l-Legal Aid impjegat żewġ (2) persuni, l-NCPE impjegat tlett (3) persuni, ċ-Ċentru tal-Arbitraġġ impjega persuna waħda (1) u l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali impjega seba’ (7) persuni. Fl-2018 il-Ministeru impjega 29 persuna, waqt li l-Legal Aid u iċ-Ċentru għal Medjazzjoni impjegaw persuna waħda (1) kull wieħed, l-Asset Recovery Bureau impjegat erba’ (4) persuni, l-NCPE impjegat tlett (3) persuni, u l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali impjega ħdax (11) -il persuni. Fl-2019 il-Ministeru impjega 17-il persuna, waqt li l-Asset Recovery Bureau u l-NCPE impjegaw tlett (3) persuni kull wieħed, ċ-Ċentru tal-Arbitraġġ impjega persuna waħda (1) u l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali impjega erba’(4) persuni. Fl-2020, sat-30 ta’ Mejju, il-Ministeru impjega żewġ (2) persuni, waqt li l-Asset Recovery Bureau impjegat tlett (3) persuni, l-Kummissjoni dwar il-Vjolenza abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika u l-NCPE impjegaw persuna waħda (1) kull wieħed, l-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati impjegat 12-il persuna u l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali impjega erba’(4) persuni.

Att dwar il-Kummissarju għall-Ġustizzja – petizzjonijiet imressqa

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 14259, jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra, dejjem jekk hemm raġuni dipartimentali, għala mill-2017 sal-2019 kien hemm 40% inqas petizzjonijiet?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninsab infurmat li m’hemm l-ebda raġuni dipartimentali dwar dan. Naturalment, il-petizzjonijiet huma l-prerogattiva tal-persuna li tirċievi avviż ta’ kontravvenzjoni.

Intersex Genital Mutilation – persuni mressqa l-Qorti

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 15085, jista’ l-Ministru jgħid, bejn Jannar 2015 u Diċembru 2019, kemm tressqu persuni l-qorti marbuta ma’ Intersex Genital Mutilation?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

B’referenza għall-mistoqsija tal-Onor Membru Parlamentari ma kien hemm l-ebda persuni li tressqu l-qorti marbuta ma’ Intersex Genital Mutilation, bejn Jannar 2015 u Dicembru 2019

Rapport GREVIO

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 15082, jista’ l-Ministru jikkonferma li f’dan l-istadju l-Gvern ta’ Malta suppost li għandu f’idejh l-ewwel rapport tal-GREVIO sabiex jagħti feedback lill-istess GREVIO imma dan wara li jinqaleb għall-Malti, jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra u jiġi diskuss fil-Parlament?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika ħejjiet l-ewwel rapport tagħha lill-GREVIO is-sena l-oħra u fi Frar ta’ din is-sena Malta kellha żjara fejn sar l-eżerċizzju tal-moniteraġġ. Intant infurmat li r-rapport tal-GREVIO għad irid jiġi ppublikat u għalhekk dan ir-rapport għadu mhux f’idejn il-Gvern.

Female Genital Mutilation – persuni mressqa l-Qorti

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 15084, jista’ l-Ministru jgħid, bejn Jannar 2015 u Diċembru 2019 kemm tressqu persuni l-qorti marbuta ma’ Female Genital Mutilation?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor Interpellant li ma kien hemm l-ebda persuna li tressqu l-qorti marbuta ma’ Female Genital Mutilation, bejn Jannar 2015 u Dicembru 2019.

Kap. 520 — Direttiva dwar Representative Action for Collective Redress

Question

B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 8217 fis-seduta tal-15 ta’ Jannar 2019, jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li d-dritt għall-proċedimenti kollettivi skont il-Kap. 520 jiġi estiż għal oqsma oħra apparti dawk li jikkonċernaw il-ħarsien tal-konsumatur u l-kompetizzjoni?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Membru illi f’ dan l-istadju l-iżvilupp previst fid-domanda ma jiffurmax is-suġġett ta’ xi proġett ta’ liġi kurrenti. S’ intendi l-estensjoni tal-hekk imsejjħa ‘class action’ għal setturi oħra apparti dawk tal-protezzjoni tal-konsumatur u tal-kompetizzjoni ġiusta tkun tirrikjedi evalwazzjoni u studju dwar’impatt.

Abbozz ta’ liġi dwar tniġġis tal-madwar bi storbju

Question

Billi l-mużika f’żoni rurali fil-konfini ta’ lokalitajiet ma hijiex kontrollata mil-liġi skont il-ħtiġijiet u x-xjenza tal-lum u l-istess jiġri minn parties privati f’żoni residenzjali fejn l- inkonvenjent u d-disturb matul il-lejl b’mod regolari lir-residenti partikolarment minn diskoteki hu wieħed li qed jaffettwa s-saħħa tal-familji u peress li dan hu tniġġis li jaffettwa s-saħħa fiżika, mentali u soċjali tal-bniedem, jista’ l-Ministru jgħid meta ser jitressaq l-abbozz ta’ liġi dwar tniġġis tal-madwar bi storbju li ilu fuq l-ixkaffa sentejn minkejja li ġie diskuss fil-Kabinett? Dan se jkun ifisser li ġej sajf ieħor ta’ inkonvenjent?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Ministeru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza — ħaddiema li rriżenjaw

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm persuni li kienu impjegati fis-Segretarjat tal-Ministru/Segretarju Parlamentari u li wara l-25 ta’ Jannar 2020 u sal-jum li fih tkun imwieġba din l-interpellanza, telqu/irriżenjaw minn dan l-impjieg? Jekk iva, kemm?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kien hemm 4 persuni li kienu impjegati fis-segreterjat tiegħi li irriżenjaw għax għażlu li jkomplu jaħdmu fil-karrieri rispettivi tagħhom.