Jista' l-Ministru jgħid fil-preżent kemm-il persuna tinsab akkużata bir-reat ta' offiża ħafifa fuq il-persuna quddiem il-qrati ta' pajjiżna?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li sad-9 ta’ Frar 2023 quddiem il-Qrati ta’ pajjiżna kien hemm 48 akkużati b’offiża ħafifa fuq il-persuna.
Dawn in-numri jirrigwardaw l-akkużi fil-kumpilazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Maġistrati, peress illi r-reat ta’ offiza ħafifa huwa ta’ kompetenza ordinarja, il-kawżi li huma tad-distrett mhumiex inklużi f’din l-istatistika stante li l-Aġenzija ma żżomx statistika tal-imputazzjonijiet fil-kawżi ta’ kompetenza ordinarja tal-Qorti tal-Maġistrati.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb li l-bullying fl-iskejjel jiġi kkonsidrat bħala reat kriminali bħalma hemm fi Franza?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ser nħarsu lejn il-possibilità li l-bullying fl-iskejjel jigi kkonsidrat bħala reat kriminali, wara li jsiru l-laqgħat mal-istakeholders involuti.
Jista' l-Ministru jgħid fil-preżent kemm hemm inkjesti maġisterjali li għadhom pendenti? Jista' l-Ministru jgħid kemm ilha pendenti kull inkjesta maġisterjali?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor.Interpellant li sal-aħħar ta’ Diċembru 2022 fil-Qrati ta’ pajjiżna kien hemm 1724 inkjesti pendenti. Fir-rigward ta’ kemm ilhom pendenti l-inkjesti, l-Agenzija tagħti risposta iktar tard.
Ministeru għall-Ġustizzja – impjegati ġodda f’awtoritajiet u entitajiet
Question
Jista' l-Ministru jagħti rendikont ta' kemm ġew impjegati persuni ġodda fl-awtoritajiet u l-entitajiet kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu minn Marzu 2022 sal-lum, f'liema awtorità/entità ġew ingaġġati u mil-liema lokalitajiet huma dawn il-ħaddiema?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li tlabt biex l-informazzjoni tinġabar.
Qorti ta’ Għawdex – Impjegati bil-grad ta’ Marixxall
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni impjegati fil-Qorti ta' Għawdex li għandhom il-grad ta' Marixxall?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati hija waħda, u għalhekk tieħu ħsieb kemm il-Qrati ta’ Malta kif ukoll dawk ta’ Għawdex. Kif diġà infurmajt lil din il-Kamra fit-tweġibiet għall-Mistoqsijiet Parlamentari 1501 u 1671, l-Aġenzija għandha biżżejjed Marixxalli biex ikopru dawn id-dmirijiet u n-notifiki qed isiru b’mod iktar effiċjenti.
Qrati – rapporti dwar każijiet ta’ sexual harassment
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm każijiet ta’ sexual harassment fuq il-post tax-xogħol li ġew irrapportati għas-snin 2017, 2018, 2019, 2020, 2021 u 2022, għal kull sena?
Jista’ jindika wkoll f’liema setturi ta’ xogħol dawn il-każijiet ġew irrapportati?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi il-mistoqsija tiegħu lil Ministru kkonċernat.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5145 dwar il-'Preliminary Market Consultation' li ħarġet l-Aġenzija tal-Qrati 'Proposal for Available Property or Land for Outright Acquisition in Victoria (Rabat) Gozo or in the Vicinity of Victoria (Rabat) Gozo to be Converted into Gozo Court' li għalqet fis-6 ta' Jannar 2023, jista’ l-Ministru jgħid min huma t-tmien offerenti (persuni jew kumpaniji) li bejniethom tefgħu numru ta’ proposti għal proprjetà jew art li tista’ tiġi żviluppata?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba dwar l-offerenti għandha tibqa’ kunfidenzjali skont il-prinċipji stabbiliti f’regolament 40 u f’regolament 48(8), tar-Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku (2016). Dan jassigura li l-awtorità kontraenti ma tikkommettix ruħha li tibda proċess t’akkwist f’dan l-istadju, u tassigura li l-kompetizzjoni hija mħarsa, billi tippreveni l-offerenti milli jkunu konxji t’informazzjoni qabel ma din tiġi provduta lil l-awtorità kontraenti.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm subbasti pendenti fil-Qorti ta' Għawdex? Jista' jgħid kemm minnhom huma appuntati u kemm minnhom għad jridu jiġu appuntati? Jista' jgħid f'kull każ kemm ilhom pendenti dawn is-subbasti?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninsab infurmat li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Qrati ta’ Malta u Għawdex – preżenza ta’ uffiċjali/spetturi fi ħdan id-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux lest jikkunsidra li, bħal fil-każ tal-pulizija, uffiċċjali/spetturi fi ħdan id-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali jkunu jistgħu jattendu seduti fil-Qrati ta’ Malta u Għawdex bl-uniformijiet tagħhom, xi ħaġa li sal-lum mhix permessibbli?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li din id-deċiżjoni mhix fid-diskrezzjoni tal-Ministru jew il-Ministeru.
B’referenza għall-kawża ARB/21/36 fl-International Centre for Settlement of Investment Disputes (ICSID), jista’ l-Ministru jgħid kemm swiet lill-Gvern Malti fi spejjeż totali mill-bidu tal-kawża fl-2021 sa Jannar 2023?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Minħabb r-raġuni li dan l-arbitraġġ għadu mhux magħluq kull dettall relatat miegħu qed jiġi meqjus kunfidenzjali; b’dan illi fi tmiem l-arbitraġġ, il-Ministeru ser jimpenja ruħu jabiex jagħti rendikont sħiħ tal-informazzjoni mitluba skont il-liġi u r-regolamenti applikabbli.
Kawża – avukati tal-Istat u avukati privati Maltin
Question
B’referenza għall-kawża ARB/21/36 fl-International Centre for Settlement of Investment Disputes (ICSID), jista’ l-Ministru jgħid fuq liema bażi ġew selezzjonati avukati bħala konsulenti tal-iState Advocate, l-avukati privati Maltin? Jista’ jgħid kemm swew is-servizzi tagħhom tul l-2021 u l-2022, individwalment?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Minħabba r-raġuni li dan l-arbitraġġ għadu mhux magħluq kull dettall relatat miegħu qed jiġi meqjus kunfidenzjali; b’dan illi fi tmiem l-arbitraġġ, il-Ministeru ser jimpenja ruħu sabiex jagħti rendikont sħiħ tal-informazzjoni mitluba skont il-liġi u r-regolamenti applikabbli.
B’referenza għall-kawża ARB/21/36 fl-International Centre for Settlement of Investment Disputes (ICSID), jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx avukati barranin oħrajn imqabbdin bħala konsulenti fuq din il-kawża, u x’inhuma l-ispejjeż tagħhom?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ir-Repubblika ta’ Malta, kif jirriżulta minn informazzjoni pubblika, hija rappreżentata mid-ditta legali Alston & Bird. Minħabba r-raġuni li dan l-arbitraġġ għadu mhux magħluq kull dettall relatat miegħu qed jiġi meqjus kunfidenzjali; b’dan illi fi tmiem l-arbitraġġ, il-Ministeru ser jimpenja ruħu jabiex jagħti rendikont sħiħ tal-informazzjoni mitluba skont il-liġi u r-regolamenti applikabbli.
B’referenza għall-kawża ARB/21/36 fl-International Centre for Settlement of Investment Disputes (ICSID), jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-osservazzjonijiet li saru mill-Gvern Malti fil-kawża nhar il-21 Novembru, 2022; is-7 u d-9 Diċembru, 2022; kif ukoll l-aħħar osservazzjonijiet li saru fis-6 ta’ Jannar, 2023 mill-claimants fil-kawża?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Kull detall relatat mal-arbitraġġ qed jiġi meqjus kunfidenzjali u ma jistax jiġi ppublikat kif mitlub.
Jista’ l-Ministru jgħid x’tip ta’ “Anti-Harassment Policy” (għal fuq il-post tax-xogħol) teżisti fi ħdan il-Ministeru kif ukoll fi ħdan kull aġenzija u/jew dipartiment li jaqa’ taħt il-Ministeru tiegħu?
Jista’ l-Ministru jgħid kemm intefqu flus fuq esperti tal-Qorti għas-snin 2021 u 2022? Jista’ jgħid kemm minn dawn il-flus intefqu fuq esperti fil-qasam tal-psikoloġija fl-istess perjodu?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi n-nefqa fuq l-esperti tal-Qorti għas-sena 2021 kienet ta’ €9,316,651 li €47,144 minnhom intefqu fuq esperti fil-qasam tal-Psikoloġija. Fis-sena 2022 in-nefqa kienet ta’ €8,142,082 li €90,260 minnhom intefqu fuq esperti fil-qasam tal-Psikoloġija.
Jista' l-Ministru jindika liema atti ta' liema snin u ta' liema nutara għadhom ma ġewx invistati u arkivjati mis-sena 1970 ’il quddiem u x'passi qed jittieħdu biex dawn l-atti jinġabru?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li permezz tal-artikolu 94Ċ (4) tal-Kapitlu 55 tal-Liġijiet ta’ Malta, hemm stabbilit li sa mhux aktar tard mill-1/10/2024 iridu jinġabru l-volumi kollha ta’ Atti Nutarili tan-Nutara kollha sabiex jiġu viżitati mill-Uffiċjali Reviżuri u li sussegwentament jiġu depożitati fl-Arkivju Nutarili Ewlieni. Sa issa l-provedimenti tal-artikolu 94Ċ (4) (i), (ii), (iii) u (iv) ġew pjenament osservati u l-volumi jinsabu fl-Arkivju Nutarili fl-Uffiċċju tan-Nutar tal-Gvern. Mis-sena 1970 ħafna Nutara ddepożitaw l-Atti tagħhom fl-Arkivju Nutarili, iżda hemm oħrajn li għal xi raġuni ma ġewx iddepożitati. Kien għalhekk li ġiet emendata l-liġi li permezz tal-artikolu 94Ċ tal-Kapitlu 55 tal-Liġijiet ta’ Malta jiġi aċċertat li l-volumi kollha jinġabru sas-sena 2024. Hemm ukoll lista onlajn (https://justice.gov.mt/mt/ntg/Pages/Notaries-Volumes-in-Archives.aspx) tal-Atti kollha tan-Nutara li jinsabu depożitati fl-Arkivju Nutarili.
Qrati – tħassir ta’ liċenzji f’każ ta’ reati fil-prostituzzjoni
Question
Jista' l-Ministru jgħid, sena b'sena, mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, f'kemm-il każ il-Qorti ħassret liċenzja dwar xi lukanda, alloġġ, ħanut jew fond ieħor jew ta' liċenzja tas-sewqan tal-ħati jew liċenzji oħra f'każ ta' kundanna għal reati taħt l-Ordinanza dwar il-Qirda tal-Kummerċ fil-Prostituzzjoni (Kap. 63 tal-Liġijiet ta' Malta)?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati ma żżommx din it-tip ta' statistika.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu ppreżentati każi sa issa quddiem il-Bord tar-Regolamenti tal-Kera minn meta daħal fis-seħħ l-Att dwar ir-Riforma tal-Kirjiet Residenzjali Kontrollati, Att XXIV tal-2021? Kemm minn dawn kienu solvuti?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi n-numru ta' każi preżentati quddiem il-Bord li Jirregola l-Kera minn meta ġie fis-seħħ l-Att XXIV tal-2021 sas-27 ta’ Jannar 2023 fil-Qorti ta’ Malta kienu ta' 2,099 li minnhom ġew terminati 704. Filwaqt li fil-Qorti ta' Għawdex ġew preżentati 63li minnhom ġew terimanti 24.
Każi rapportati lill-Avukat Ġenerali dwar prostituzzjoni ta’ minuri
Question
Jista' l-Ministru jgħid, sena b'sena, mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm-il każ ġie rrappurtat lill-Avukat Ġenerali mill-Kummissarju tal-Pulizija li tkun qed tiġi inkuraġġita u megħjuna l-prostituzzjoni ta' minuri f'burdell jew f'lokal ieħor użat għal skop ta' prostituzzjoni skont dak li jipprovdi l-artikolu 6(2) tal-Ordinanza dwar il-Qirda tal-Kummerċ fil-Prostituzzjoni (Kap. 63 tal-Liġijiet ta' Malta)? Jista' jgħid x'azzjoni ħa l-Avukat Ġenerali dwar kull wieħed mill-imsemmija każijiet li ġew irrappurtati lilu mill-Kummissarju tal-Pulizija?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fl-aħħar għaxar snin ma kien hemm ebda każ li ġie rrappurtat lill-Avukat Ġenerali mill-Kummissarju tal-Pulizija dwar inkuraġġjament u għajnuna għall-prostituzzjoni ta’ minuri f’burdell jew f’lokal ieħor użat għal skop ta’ prostituzzjoni skont dak li jipprovdi l-artikolu 6 (2) tal-Ordinanza dwar il-Qirda tal-Kummerċ fil-Prostituzzjoni (Kapitolu 63 tal-Ligijiet ta’ Malta).
Jista' l-Ministru jgħid, sena b'sena, mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, f'kemm-il każ il-Qrati ta' pajjiżna ordnaw li minuri jiġi kkunsinnat lill-ġenituri jew axxendenti oħra tiegħu jew lit-tutur tiegħu b'ordni biex jieħdu ħsieb l-edukazzjoni tiegħu u joqogħdu attenti għall-kondotta tiegħu skont dak li jipprovdi l-artikolu 6(3) tal-Ordinanza dwar il-Qirda tal-Kummerċ fil-Prostituzzjoni (Kap. 63 tal-Liġijiet ta' Malta)? Jista' jindika s-sess u l-età tal-minuri li dwaru saret l-ordni mill-Qrati ta' pajjiżna? Jista' jgħid f'kemm il-każ ġew imposti l-penali msemmija fl-artikolu 35(3) tal-Kodiċi Kriminali? Jista' jgħid f'kemm-il każ il-Qorti ordnat li l-minuri għandu jiġi miżmum f'istitut ta' edukazzjoni jew post ieħor minħabba li l-istess minuri ma kellux ġenituri, axxendenti jew tutur?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor.Interpellant li l-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati ma żżomx din it-tip ta’ statistika.