San Ġwann - Triq Mensija - Użu mhux konformi ta’ garaxx
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità tal-Ippjanar irċevitx rapporti minn residenti f’San Ġwann, dwar garaxx li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, li allegatament qed jintuża bħala car wash li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, u li saħansitra jidher ukoll reklamizzat fuq is-sit elettroniku li d-dettalji wkoll qegħdin jingħataw separatament? Jekk iva, jista’ jgħid jekk dan l-użu huwiex konformi mal-permessi kurrenti ta’ dan il-fond?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, fi Frar 2025, l-Awtorità tal-Ippjanar kienet ħarġet Avviż ta’ Waqfien u ta’ Twettiq EC/0023/25 fuq dan il-post peress li kien sar “
żvilupp mingħajr permess, u dan billi: 1) inbidel l-użu tal-garaxx fil-pjan terran, minn post b’liċenzja ta’ mekkanik għal post fejn jingħata servizz ta’ ħasil ta’ karozzi; 2) twaħħlet tabella b’reklam fuq il-faċċata (mal-ġenb tal-entratura); 3) inbidel il-bieb tal-garaxx minn wieħed tal-metal għal wieħed mekkanizzat (roller shutter)
.” Dan l-Avviż kien maħruġ bil-multa għal kull ġurnata skont il-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 552.24. Peress li l-użu illegali kien waqaf u l-iżvilupp illegali kien tneħħa f’Mejju 2025, l-Awtorità tal-Ippjanar għalqet l-Avviż għax ma kienx baqagħlu effett. Mill-informazzjoni maħżuna fis-sistema elettronika tal-Awtorità tal-Ippjanar, ma jidhirx li l-Awtorità rċeviet xi lmenti oħra rigward dan il-post wara Mejju 2025. Minħabba din il-mistoqsija parlamentari, uffiċjali tal-Awtorità tal-Ippjanar reġgħu spezzjonaw il-post fl-10 ta’ Ottubru 2025, u ġie kkonfermat li fuq il-post ma hemmx użu illegali. Ma nstab ebda apparat li jista’ jindika li qiegħed isir ħasil ta’ karozzi fuq bażi kummerċjali, jew qiegħda issir xi attività kummerċjali oħra mingħajr permess. Fuq il-faċċata ma hemmx reklami jew tabelli mwaħħlin. Rigward ir-reklam/avviż
online
, irid jingħad li s-sit elettroniku msemmi mhux funzjonabbli tant li ma jistgħux isiru bookings minnu (bħalma kien isir meta l-attività kienet għaddejja illegalment), u n-numru tal-mobile ma jaħdimx.
Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar - Sindki u Kunsilliera
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 30122, jista’ l-Ministru jgħid ma’ liema partit jappertjenu s-sindki u l-kunsilliera li jaħdmu mal-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Filwaqt li ninsab infurmat li l-Ministeru ma jiġborx tali informazzjoni kif mitluba mill-Interpellanta, insaqsi x’differenza għandha taghmel jekk kunsillier ikunx ma’ partit jew ma’ ieħor.
Jidher li l-Oppozizzjoni trid tibqa tittimbra lin-nies li jaħdmu mal-Gvern, anke dawk eletti mill-poplu fi ħdan il-kunsilli lokali, jekk humiex Laburisti jew Nazzjonalisti.
Inżid illi ma’ dan il-Gvern jaħdem kulħadd, irrispettivament mit-twemmin politiku li l-persuna tħaddan.
Ta’ Sannat Għawdex – Triq it-Tabib Anton Tabone – Storm water culvert
Question
Peress li min-naħa Taċ-Ċawla fir-Rabat, Għawdex jinżel ħafna ilma kull meta tagħmel ix-xita, jista’ l-Ministru jgħid għaliex il-water culvert li sar fi Triq it-Tabib Anton Tabone (li minn taċ-Ċawla twassal għad-daħla tar-raħal Ta’ Sannat), sar sa nofs ‘il-Qasam’ biss, minflok mat-tul tal-Qasam kollu?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħol rikjest f’dan it-tender kien ikopri sa nofs Triq it-Tabib Anton Tabone. L-imsemmi culvert huwa biss l-ewwel fazi minn proġett li se jinkludi
storm water culvert
matul it-triq kollha Anton Tabone.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 27683 li ngħatat fit-13 ta’ Mejju 2025 dwar fiex waslet is-sejħa għall-vapur ROPAX (ref. CT2379/2024) li għalqet fit-2 ta’ April 2025, fejn intqal li “l-Gozo Channel se terġa’ toħroġ sejħa ġdida fil-ġimgħat li ġejjin. Infurmat li l-Gozo Channel ħadet nota tal-kritika u qed jiġu kkunsidrati xi bidliet fir-rekwiżiti tas-sejħa l-ġdida”, jista’ l-Ministru jgħid jekk din is-sejħa ħarġitx u jekk kienx hemm tibdiliet fir-rekwiżiti?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li infurmat li t-tender għandu joħroġ fiż-żmien li ġej hekk kif ikun komplut.
Fid-dawl tal-ftehim imħabbar aktar kmieni din is-sena bejn l-Awtorità tal-Artijiet u Heritage Malta biex jitneħħew perikli mill-Batterija tal-Qbajjar fiż-Żebbuġ, Għawdex, u peress li m'hemm l-ebda xogħol viżibbli ħlief għal għadd ta' markers fuq l-istruttura li għadha miftuħa għall-pubbliku u tqajjem tħassib dwar il-vandaliżmu u s-sigurtà ta' dawk li jidħlu, jista' l-Ministru jipprovdi dettalji tax-xogħlijiet li saru biex jipprevjenu mwiet traġiċi bħal dik taż-żagħżugħa li mietet minħabba l-kollass tal-istruttura abbandunata tal-Batterija ta’ Riħama? Jista' jippreżenta xi riżultati ta’ surveys li saru f’dan ir-rigward? Jista’ jgħid ukoll jekk hemmx il-ħsieb li l-Batterija tal-Qbajjar tiġi trasferita lil Din l-Art Ħelwa, fil-każ li ma jkunx hemm interess mill-Awtorità tal-Artijiet u Heritage Malta?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta sabiex tirreferi din il-mistoqija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.
Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar - Nefqa fuq Overtime
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 29576, 29989 u 30515 u jgħid kemm kienet in-nefqa globali fuq overtime f’kull diviżjoni, dipartiment, direttorat, awtorità u fil-Ministeru stess mill-1 ta’ Jannar 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b’xahar?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 28220 dwar ix-xogħlijiet fi Triq l-Emigranti, fin-Nadur, jista’ l-Ministru jgħid meta nbeda x-xogħol fuq din it-triq u jekk issa tkompliex? Jekk ma tkompliex, jista’ jgħid għaliex? Jista’ jgħid ukoll meta ser jitkompla (xahar u sena), kemm fiha tul din it-triq, meta x-xogħol ser jitlesta minn kollox u kemm hu stmat li ser jiġi jiswa x-xogħol f’din it-triq?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa għaddej ix-xogħol fuq id-drenaġġ u s-servizz tal-ilma. Wara li jitlestew dawn ix-xogħlijiet se jitkompla ix-xogħol fuq il-bini tat-triq.
Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar – Direct orders ta’ inqas minn €5,000
Question
Jista’ l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Settembru 2025?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jagħmel referenza għall-informazzjoni li ngħatat fil-mistoqsija parlamentari 29482.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 30831 dwar tindif ta’ widien, jista’ l-Ministru jgħid jekk ix-xogħol inbediex, liema widien ġew imnaddfa s’issa u liema widien qed jiġu mnaddfa fil-preżent? Jista’ jgħid ukoll meta hu maħsub li jitlesta x-xogħol kollu relatat ma’ din is-sejħa?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s’issa beda x-xogħol ta’ tindif fil-wied ta’ Marsalforn, fiż-żona mgħarufa bħala ta’ Kittina u fil-Wied ta’ Xħajma. Mill-Wied ta’ Salve Reġina tneħħa skart mormi illegalment. It-tkomplija u t-tlestija tax-xogħlijiet tiddependi fuq it-temp.
Jista’ l-Ministru jgħid x’sar sa issa u x’hemm ippjanat li jsir fix-xhur li ġejjin dwar it-tkabbir tal-Port tal-Imġarr u l-madwar?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kif diġa ħabbart fil-ġimgħat li għaddew, il-Gvern se jwaqqaf task force li l-għan ewlieni tagħha se jkun l-ameljorament tal-Port tal-Imġarr. Speċifikament, l-ameljorament li t-task force se tiffoka fuqu huwa t-tkabbir u titjib fis-servizzi offruti fil-Port tal-Imġarr. Apparti hekk, it-task force se tiffoka ukoll dwar kif għandu jitjieb l-aċċess minn u lejn il-Port tal-Imġarr.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 30831 dwar tindif ta’ widien, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra s-siteplan ta’ fejn qed isir ix-xogħol ta’ tindif f’Wied ta’ Xħajma fin-Nadur, Għawdex kif ukoll ta’ dak li hemm ippjanat li jsir fl-istess wied? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-Commencement Notice u s-Summary Responsibility Form relatati ma’ dawn ix-xogħlijiet?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Awtorità għat-Turiżmu - Permessi relatati ma’ mwejjed u siġġijiet - Uffiċjali ta’ infurzar
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm uffiċjali tal-infurzar fi ħdan l-Awtorità għat-Turiżmu li huma responsabbli għall-permessi relatati ma’ mwejjed u siġġijiet barra l-istabbilimenti tax-xorb u tal-ikel, u kif inhuma mqassmin?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.
Port tal-Imġarr Għawdex - Proġett għal triq ġdida bejn il-Port u Triq il-Madonna ta’ Lourdes
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6678 dwar il-proġett propost fil-Baġit 2019 għal triq ġdida bejn il-Port tal-Imġarr, Għawdex u Triq il-Madonna ta’ Lourdes f’Għajnsielem (triq alternattiva għall-Port tal-Imġarr), u b’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22730 tat-XIII-il Leġiżlatura fejn kien ġie mwieġeb li “qabel ma tittieħed deċiżjoni fuq dan il-proġett, il-Ministeru hu tal-fehma li ssir ukoll konsultazzjoni pubblika mill-GRDA sabiex jiġu wkoll diskussi l-effetti ambjentali li tali proġett jista’ jikkawża”, jista’ l-Ministru jgħid jekk saritx, fiex waslu u meta bdew il-konsultazzjonijiet pubbliċi mill-Awtorità Reġjonali għall-Iżvilupp ta’ Għawdex (GRDA) sabiex jiġu diskussi l-effetti ambjentali ta’ dan l-imsemmi proġett u x’kien l-eżitu? X’inhu jsir bħalissa fuq dan il-proġett u x’inhu l-pass li jmiss?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Jista’ l-Ministru:
a. jgħid kemm-il laqgħa tal-Awtorità Reġjonali għall-Iżvilupp ta’ Għawdex (GRDA) inżammet matul is-snin 2023, 2024 u 2025;
b. iqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-Minuti ta’ dawn il-laqgħat;
ċ. jgħid min huma l-membri preżenti;
d. jgħid x’deċiżjonijiet eżekuttivi ttieħdu mill-istess Awtorità matul is-snin 2023, 2024 u 2025; u
e. jgħid fil-preżent liema infurzar huwa delegat lill-Awtorità skont il-liġi li waqqfet lill-istess Awtorità?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li matul is-snin 2023, 2024 u 2025 l-Awtorità Reġjonali għall-Iżvilupp ta’ Għawdex (GRDA) laqqgħet il-Bord tagħha b’mod regolari, skont ir-rekwiżiti tal-Att li waqqafha. Ir-Rapporti Annwali tal-Awtorità diġa’ ġew impoġġija fuq il-Mejda tal-Kamra. Il-kompożizzjoni tal-Bord tal-GRDA hija dik prevista fl-Att tal-Awtorità (Kap. 600), u tinkludi rappreżentanti minn diversi entitajiet pubbliċi u reġjonali. Id-dettalji dwar il-membri preżenti huma disponibbli fuq il-link uffiċjali tal-Awtorità:
https://grda.mt/about/
. Fir-rigward tal-infurzar, l-Awtorità Reġjonali għall-Iżvilupp ta’ Għawdex taġixxi strettament skont il-funzjonijiet u l-kompetenzi stabbiliti fl-Att li waqqafha (Kap. 600). Barra minn hekk, ma jeżistux delegazzjonijiet oħra ta’ infurzar li ‘l hinn minn dawk imsemmija fil-liġi.
Jista’ l-Ministru jgħid fuq liema master plans u inizjattivi qed taħdem bħalissa l-Awtorità Reġjonali għall-Iżvilupp ta’ Għawdex (GRDA)? Jista’ jgħid kemm ilhom li nbdew dawn l-inizjattivi u l-master plans, kemm ilu jsir xogħol fuqhom, għal liema raġuni kienu meħtieġa u għal xiex se jintużaw? Jista’ jgħid ukoll kemm ġew jiswew s’issa dawn l-inizjattivi u master plans u jekk ix-xogħol hux qiegħed isir kollu mill-ħaddiema tal-GRDA jew jekk tqabbdux persuni oħrajn?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-“master plan” li qed isir referenza għalih ġie ppubblikat bħala Strateġija ta’ Għaxar Snin għall-Gżira ta’ Għawdex fl-2023.
Informazzjoni dwar l-ħidma tal-GRDA u t-twettieq tax-xogħol tagħha huma elenkati f’rapport annwali li diga’ ġie impoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm nefqet f’reklamar, billboards, reklami fuq il-midja soċjali u fuq kull tip ta’ reklamar ieħor l-Awtorità Reġjonali għall-Iżvilupp ta’ Għawdex (GRDA), minn Jannar 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll kemm nefqet l-istess Awtorità fuq printing minn meta twaqqfet sal-lum? Għal kull każ ta’ reklamar u printing, jista’ jgħid fejn sar ix-xogħol u jekk dan ingħatax b’direct order, wara talba għal kwotazzjonijiet jew inkella wara ħruġ ta’ tender?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Fid-dawl tat-30 proposta u aktar li kienu saru mis-Sindki kollha Għawdxin f’rapport li ppreżentaw lill-predeċessur tiegħu dwar l-iżvilupp f’Għawdex fil-bidu ta’ April 2021, jista’ l-Ministru jgħid kemm minnhom fil-fatt ġew attwati sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll fiex wasal ix-xogħol f’kull każ u fuq kull waħda minn dawn il-proposti, u meta hu mistenni li jitwettqu? Jekk hemm minn dawn il-proposti li ma ġewx aċċettati mill-Gvern, jista’ jgħid liema huma u x’inhi r-raġuni li ma ġewx aċċettati?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel referenza għall-informazzjoni li ngħatat fil-mistoqsija parlamentari 28087.
Jista’ l-Ministru jispjega fid-dettall fiex jikkonsistu x-xogħlijiet li qed isiru bħalissa u li għad baqa’ jsiru ġewwa l-Għolja ta’ Għammar ġewwa l-Għasri? Jista’ jgħid ukoll meta nbdew ix-xogħlijiet u meta huma maħsuba li jitlestew kollha? Kemm huma stmati li ser jiġu jiswew u kemm hu l-persentaġġ ta’ flus li ġejjin minn fondi Ewropej u minn liema fond? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra site plan tal-area li fuqha qed isir u ser isir dan il-proġett?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ix-xogħlijiet li qed isiru fiż-żona speċifikata bħalissa jinvolvu primarjament ir-rikostruzzjoni ta’ numru ta’ ħitan tas-sejjieħ li matul is-snin iġġarrfu minħabba l-effett tal-elementi tat-temp. Ix-xogħlijiet li fadal isiru jinkludu provvista ta’ ħamrija, taħwil ta’ numru ta’ siġar u arbuxelli endemiċi, sistema ta’ tisqija, u sistema ta’ CCTV.
Ix-xogħlijiet inbdew fil-bidu ta’ Awwissu u l-pjan hu li jitlestew sal-aħħar tas-sena u qed ikun parzjalment iffinazjat minn fondi Ewropej mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali 2014-2022.
Site plan tal-area qed titpoġġa fuq il-mejda tal-kamra kif mitlub.
Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-proġetti li għad irid jinbeda x-xogħol fuqhom minn issa sal-aħħar tas-sena ġewwa Għawdex u Kemmuna, u li għalihom ser jiġu użati fondi Ewropej? Kemm hu l-persentaġġ ta’ fondi Ewropej li ser jiġu użati u minn liema fond?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li nħarġu s-sejħiet għall-offerti – li għadhom fi stadju ta’ evalwazzjoni – biex jinbdew il-proġetti ta’ restawr ta’ ħitan tas-sejjieħ fit-Triq ta’ Xurdin, Triq ir-Ramla il-Ħamra u Triq l-Inżul tal-Franċiżi fin-Nadur. Apparti dawn hemm ix-xogħlijiet fi Ulysses Grove. Min-naħa l-oħra, il-fondi għar-restawr tal-ħitan tas-sejjieħ huma mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali. Il-persentaġġ huwa ta’ 80% minn fondi Ewropej u 20% minn fondi nazzjonali. Il-fondi għall-proġett ta’ Ulysses Grove ġejjin parti mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali flimkien ma iparti oħra li ser tkun imħallsa mill-Fond Nazzjonali għall-Izvilupp Socjali (NDSF) u minn fondi Nazzjonali. Għal dik il-parti li ser tkun qed tinħareġ mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, Iil-persentaġġ hawnhekk huwa ta’ 100%.