B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 13551 tat-13-il Leġiżlatura, li ngħatat fl-20 ta' April 2020, rigward Triq iż-Żewwieqa fil-Qala Għawdex, fejn kien ġie mwieġeb “il-Ministeru għal Għawdex qed jevalwa jistax isir Belvedere fuq art pubblika li tista’ tintuża għal dan l-iskop” u li “matul din it-triq se jitħawlu ammont sostanzjali ta’ siġar u arbuxelli fil-ġimgħat li ġejjin kif ukoll ser jiġu restawrati l-ħitan tas-sejjieħ”, jista’ l-Ministru jgħid jekk ġiex evalwat jekk jistax isir Belvedere fuq art pubblika u jekk iva x' kien l-eżitu? Jista jgħid ukoll jekk tħawlux ammont sostanzjali ta' siġar u arbuxelli u jekk ġewx restawrati il-ħitan tas-sejjieħ f’din l-imsemmija triq?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għal Għawdex irrestawra diversi ħitan tas-sejjieħ fi Triq iż-Żewwieqa. Rigward l-art pubblika, idderiġejt lid-dipartiment sabiex tiġi identifikata liema hi art tal-Gvern u liema hi tal-privat.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet li Triq il-Pitkalija, fix-Xewkija Għawdex, ilha għal aktar minn sentejn u nofs b'kisja waħda ta' asfalt? Meta hi ppjanata li tingħata l-aħħar kisja ta' asfalt lil din it-triq u b'hekk tkun lesta minn kollox?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li tlabt lid-dipartiment ikkonċernat sabiex tali kisja tingħata.
Ministeru għal Għawdex – Intervention Unit — ħaddiema
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 7704 kollha kemm hi (intera) u jgħid x’inhu l-grad ta' kull ħaddiem fl-Intervention Unit fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-gradi tal-ħaddiema fi ħdan l-Intervention Unit ivarjaw minn Chief Scientific Officer sa Motor Transport Driver III, kif muri fit-tabella ta’ hawn taħt.
Numru ta’ Ħaddiema
Grad
1
Chief Scientific Officer
1
Senior Principal
1
Senior Economics Officer
1
Scientific Officer
2
Senior Foreman
1
Assistant Foreman
1
Senior Tradesman
5
Supervisor
2
Tradesman
1
Motor Transport Driver III
Peress li dan l-aħħar kien spjegat li l-istatwa taż-żiemel fix-Xwejni tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament ġiet wara open call, jista’ l-Ministru jgħid min kienu l-membri tal-ġurija li ħadu d-deċiżjoni u min kienu l-artisti l-oħrajn li ġew shortlisted?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-bord tal-ġurija kien iffurmat minn Chairperson, segretarja u ħames membri li l-ismijiet tagħhom jidhru hawn taħt:
Rwol
Isem u Kunjom
Chairperson
Mr Joseph Cutajar
Segretarja
Ms Margaret Zammit
Membru
Mr John Xuereb
Membru
Mr Stephen Cini
Membru
Mr George Camilleri
Membru
Mr Albert Marshall
Membru
Mr Joe Borg
B’kollox kien hemm erba' artisti li ikkonkorrew f’din is-sejħa pubblika u l-opri tagħhom kollha ġew ikkumissjonati. Dawn kienu:
Artist Mario Agius
Artist Christopher Saliba
Artist Austin Camilleri
Artist Vincent Caruana
Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-proġett tal-Għar ta' Calypso ġewwa x-Xagħra Għawdex, liema għar issa ilu magħluq għall-pubbliku għal diversi snin peress li kienet ċediet parti minnu? In vista tal-fatt li ż-żewġ Ministri ta' qablu ddikjaraw kemm-il darba li x-xogħol kien wasal biex jibda u li dalwaqt jerġa’ jinfetaħ, jista’ l-Ministru jagħti break down tal-flus li ntefqu s’issa fuq dan il-proġett? Jista’ jgħid ukoll meta hu ppjanat li jinbeda x-xogħol u meta se jitlesta u jerġa’ jinfetaħ għall-pubbliku?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-pjanti tal-proġett ġew riveduti biex il-binja proposta tokkupa spazju li kien diġà kompromess minn żvilupp preċedenti. Ingħalqu l-konsultazzjonijiet mal-entitajiet konċernati u hu mistenni li l-proċess jitkompla mal-Awtorità tal-Ippjanar. Hu ppjanat li s-sejħiet għall-offerti biex ikun jista' jinbeda x-xogħol jiġu ppubblikati hekk kif jinħarġu l-permessi neċessarji.
Ministeru għal Għawdex – fondi tal-UE għall-bini jew irranġar ta' toroq
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru għal Għawdex hux mistenni li jitlob finanzjament għall-bini jew irranġar ta' toroq minn fondi tal-Unjoni Ewropea għal dak li jirrigwarda toroq li jgħaqqdu rħula ma' xulxin, minkejja li dawn mhumiex toroq arterjali jew distributorji? Jekk iva, liema talbiet saru s'issa għal tali finanzjament?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Ministeru qiegħed isegwi mill-qrib is-sejħiet li joħorġu minn programmi diversi tal-Unjoni Ewropea biex jkun jista' jesplora l-possibbilità li japplika għal tali fondi fejn ikun possibbli u rilevanti kif ġara fil-programm li għadda fejn ibbenifika minn madwar 10 miljun ewro għal 30 km ta’ ħitan.
Għawdex — Triq ir-Rabat u Triq Ta' Xħajma – miżuri kontra sewqan eċċessiv
Question
Fid-dawl tal-inċidenti riċenti u ta' dawn l-aħħar xhur li seħħew kemm fi Triq ir-Rabat kif ukoll Triq Ta' Xħajma, it-triq prinċipali li twassal għar-raħal tan-Nadur, jista’ l-Ministru jgħid x'miżuri qed jieħu jew beħsiebu jieħu l-Gvern jew l-entitajiet tiegħu biex tiġi indirizzata l-problema ta' sewqan eċċessiv jew abbużiv f'din it-triq?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministru kkonċernat.
Xagħra, Għawdex – triq li twassal ir-Ramla l-Ħamra – xogħol
Question
Jista’ l-Ministru jgħid liema miżuri ta' sigurtà qed jittieħdu biex jiġi assigurat li jitneħħa l-periklu li hemm matul it-triq li twassal mir-Ramla l-Ħamra sax-Xagħra, Għawdex? Meta hu mistenni li jitlesta x-xogħol marbut mas-sigurtà f'din it-triq?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onir. Interpellant li l-Ministeru ħa l-passi meħtieġa sabiex jitneħħa kull periklu. Ix-xogħol relatat mal-bini taċ-ċint mistenni jkompli fil-ġimgħat li ġejjin.
Ministeru għal Għawdex — tenders dwar xogħol ta’ tindif, xogħol klerikali u xogħol ta’ sigurtà
Question
Jista' l-Ministru jipprovdi l-offerti tenders pubbliċi kollha aġġudikati u mirbuħa għax-xogħol ta' tindif, xogħol klerikali, xogħol ta' sigurtà, jew kwalunkwe xogħol estern ieħor li jsir minn aġenziji li ngħataw matul is-snin 2018, 2019, 2020, 2021, 2022 u 2023?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid f'dawn l-aħħar għaxar snin kemm saru picnic areas ġodda ġewwa Għawdex, fejn saru u kemm kienet l-ispiża? Jista’ jgħid ukoll jekk f'din il-leġiżlatura hemmx ippjanati li jsiru picnic areas ġodda ġewwa Għawdex u jekk iva, fejn u kemm hi maħsuba li se tkun l-ispiża?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li għalkemm ma sarux proġetti bħala picnic areas per se, sar xogħol ta’ tisbiħ u titjib f’numru ta’ ġonna kemm mill-gvern kif ukoll mill-kunsilli, sabiex ikunu jistew jintużaw mill-pubbliku anke bħala picnic areas. Eżempju ta’ dan hu l-proġett ta’ rijabilitazzjoni tal-eks miżbla tax-Xagħra fejn illum sar spazju u ġnien pubbliku li jista' jintuża ukoll għal dan il-għan.
Tender għall-provvediment ta’ oġġetti użati minn anzjani u persuni b’diżabilità
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3714 li ngħatat fil-21 ta' Novembru 2022 dwar it-tender 'Framework agreement for the provision of incontinence diapers, pull-ups, pads and inco-sheet for senior citizens and persons with special needs for the Ministry for Gozo' CfT ID:SPD3/2022/045’ li ġiet ippubblikata fis-7 ta' Lulju 2022 fejn kien ġie mwieġeb li "dwar dan it-tender qiegħda tinstema' kawża ta’ Appell quddiem il-Qorti", jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra dwar l-aħħar żviluppi dwar din is-sejħa u jekk din is-sejħa ġietx awarded?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tender għalqet nhar is-17 ta’ Marzu 2023 u ġiet awarded fil-5 ta’ Ġunju 2023. Madankollu, ġiet sottomessa oġġezzjoni oħra u għaldaqstant il-proċess reġa' ġie sospiż.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien it-total ta' ħaddiema fi ħdan il-Ministeru mmexxi minnu fl-aħħar ta' Mejju 2023 u kemm minnhom kienu ċittadini Maltin?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Filwaqt li nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9611, ninformah li fis-Segretarjat hemm 24 persuni li huma ċittadini Maltin.
Jista' l-Ministru jagħti l-lista ta’ kuntratti, direct orders, kummissjonijiet u/jew ingaġġi oħra mogħtija mill-Ministeru tiegħu mis-26 ta’ Marzu 2022 sal-ġurnata ta’ meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija? Għal kull każ jista’ jagħti:
a. id-data meta ngħata;
b. l-iscope of supply u/jew ix-xogħol u/jew il-provista li jkopri;
ċ. il-valur tiegħu;
d. it-termini li fih iridu jsiru x-xogħlijiet;
e. il-metodu ta’ proċedura ta’ xiri li ntuża; u
f. x’kariga kellu l-uffiċjal pubbliku li awtorizza x-xiri?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Filwaqt li ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Contracting Authority tippubblika din l-informazzjoni fuq il-Gazzetta tal-Gvern għal kull procurement li jsir għal kull perjodu ta’ sitt xhur, skont ir-Regolament 111(2) tal-Public Procurement Regulations, biex tinġabar il-bqija tal-informazzjoni kif mitluba jinqabeż l-Advisory Cost Limit kif stabbilit minn rulings diġà mogħtija preċedentement.
Jista’ l-Ministru jgħid liema huma t-toroq (isem tat-triq u r-raħal) ġewwa Għawdex li l-Ministeru għal Għawdex applika jew qed jaħdem biex japplika fuqhom biex jinbnew mill-ġdid jew jitranġaw ħitan tas-sejjieħ mir-Rural Development Programme 2021-2027 - European Agricultural Fund for Rural Development u kemm hu previst li l-Ministeru għal Għawdex jieħu flus minn dan il-programm għal dan il-għan? Jista’ jgħid kemm minnhom huma maħsubin li jsiru matul din is-sena u fis-sena 2024?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru talab lill-Kunsilli Lokali sabiex jindikawlu liema sezzjonijiet ta’ toroq fil-lokalitajiet tagħhom jixtiequ li jaraw li jitranġaw il-ħitan tas-sejjieħ. Għaxar Kunsilli Lokali wieġbu l-informazzjoni li ntalbet bin-numru ta’ toroq indikati jitla’ għal tmintax-il triq. B’konjizzjoni ta’ informazzjoni li għandu dwar il-fondi li bħalissa hemm allokati fuq il-miżura 4.4, il-Ministeru ser ikun qiegħed japplika għal fondi għar-restawr ta’ ħitan tas-sejjieħ ta’ Triq San Niklaw li tagħmel mal-Kunsill ta’ Kerċem għal ammont li jaqbeż il-575 elf ewro. Jekk jinkisbu dawn il-fondi, il-ħitan tas-sejjieħ f’din it-triq ikunu lesti sal-aħħar tas-sena 2024.
Għawdex – zebra crossing, pelican lights, belisha lights u traffic lights
Question
Jista’ l-Ministru jipprovdi lista ta’ zebra crossings, pelican lights, belisha lights u traffic lights, raħal b'raħal u triq triq, ġewwa Għawdex li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà diretta tal-Ministeru għal Għawdex? Jista’ jgħid ukoll fil-preżent u f'dawn l-aħħar ġimgħat kemm kien hemm pelican lights, belisha lights u traffic lights u fejn huma, ġewwa Għawdex, li ma humiex jiffunzjonaw kif suppost jew mhux jaħdmu u x' inhu jagħmel il-Ministeru tiegħu biex dawn jissewwew mil-aktar fis u b'hekk jiġu evitati inċidenti tat-traffiku?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 8732 li ngħatat fit-23 ta' Mejju 2023 fejn kien ġie mwieġeb li "sabiex il-Ministeru ma jerġax jinqabad f’sitwazzjoni li ma jkollux tender/kuntratt biex jaħdem xogħol ta’ urġenża, fil-ġimgħat li ġejjin mistennija toħroġ ukoll Sejħa għal Offerti", jista’ l-Ministru jgħid jekk din is-sejħa ħarġitx u jekk iva, meta ħarġet u kemm hu l-valur ta’ din is-sejħa u għal kemm hu t-tul ta' żmien (eżekuzzjoni) ta’ din is-sejħa?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tender qed jiġi abbozzat.
Deroga għar-Riċerka fuq l-għasafar tal-għana – liċenzja u kundizzjonijiet
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9630, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja intera tal-liċenzja u l-kundizzjonijiet permessibbli għad-deroga tar-riċerka tal-għasafar tal-għana tal-2022 peress li ma jirriżultax li dan id-dokument huwa wieħed privileġġat ġaladarba rċevewh ftit inqas minn 3,000 nassab qabel ma fetaħ l-istaġun fl-20 ta’ Ottubru 2022 u kieku tali dokument kien ta’ materjal privileġġat, kieku ma kienx se jintbagħat lil tant nies bil-mezzi tal-posta u għaldaqstant għandu jkun għad-dispożizzjoni wkoll tal-Kamra?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Attachments:SAMPLE - Special Licence for 2022 Finches Research Derogation.pdf
Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista tat-toroq ġewwa Għawdex, maqsuma skont il-lokalità, li saru mill-ġdid taħt il-wegħda tal-Gvern li jsir l-asfaltar tat-toroq kollha f'seba’ snin u flimkien mal-isem tat-triq rispettiva, iniżżel id-data ta' meta tlesta x-xogħol?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Ir-Rabat, Għawdex – Triq Ġuże Ellul Mercer — xogħlijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet għala f'dawn l-aħħar xhur saret parti biss minn Triq Ġuże Ellul Mercer, fir-Rabat Għawdex, u ma saritx it-triq kollha kemm hi peress li tinsab fi stat ħażin ħafna? Jista’ jgħid meta bejn wieħed u ieħor hu ppjanat li ssir il-parti tat-triq li għadha ma saritx?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol li sar ma jinkorporax ix-xogħol tat-triq kollha imma biex jindirizza żona partikolari fl-istess triq.
Jista' l-Ministru jgħid min huma l-konsulenti legali li jagħtu konsulenza lill-Ministeru tiegħu? Jista' jgħid ukoll min huma l-konsulenti legali ta' kull bord u entità li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Għal kull każ, jista’ jgħid minn meta ilhom jagħtu din il-konsulenza legali u kemm jitħallsu għaliha?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.