Ħsara ta' raġġi radjoattivi fl-inħawi tal-Isptar Boffa fil-Furjana
Question
Jista' l-Ministru jgħid meta saru spezzjonijiet biex isir magħruf hemmx raġġi radjoattivi ta' ħsara f'diversi postijiet tax-xogħol f'pajjiżna? Fejn saru u meta? X'irriżulta f'kull każ, b'mod partikolari fl-inħawi tal-Isptar Boffa fil-Furjana?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Ninsab infurmat li matul is-sena 2009 l-Awtorità għas-Saħħa u Sigurtà fuq il-Post tax-xogħol għamlet 143 spezzjoni relatati ma' raġġi radjoattivi fuq postijiet tax-xogħol. Minn dan l-ammont kien hemm 3 li saru ġewwa l-Isptar Sir Paul Boffa.
Minn dawn l-ispezzjonijiet ma kien hemm l-ebda każ fejn il-livelli jeċċeddu l-livelli stabbiliti mill-liġi.
F’każ li jiġu magħrufa każijiet fejn l-ammont jeċċeddu l-livelli stabbiliti jitieħdu passi kontra min iħaddem skont ir-regolamenti u ċioe l-Avviż legali 44 tas-sena 2003.
Jista' l-Ministru jgħid sarux spezzjonijiet biex isir magħruf hemmx raġġi elettromagnetiċi ta' ħsara f'diversi postijiet tax-xogħol f'pajjiżna? Fejn saru u meta? X'irriżulta f'kull każ, b'mod partikolari fl-inħawi tal-Port Ħieles?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Peress li jeżistu diversi forom ta' raġġi elettromanjetici li joħorġu minn sorsi differenti, u li jinstabu fi spettrum sħiħ li mhux kollu jista’ jkun ta' periklu għal min ikun espost għalih, l-Onor. Interpellant hu mitlub jispeċifika għal-liema forma ta' radjazzjoni elettromanjetika qed jirreferi. Irid jingħad ukoll li skond l-Att Numru XXVII tal-2000, l-obbligu ta' kejl ta' kull agent (fiżiku, kimiku u bioloġiku) li jista’ jwassal għal dannu f'min ikun espost għalih, huwa ta' min iħaddem - l-obbligu tal-Awtorità hu li din tara li dan jitwettaq minn min għandu dan l-obbligu.
Tajjeb jingħad li sa llum ma teżistix leġislazzjoni speċifika li tirrigwarda din il-forma ta' radjazzjoni, iżda hu mistenni li tiġi ppubblikata Direttiva tal-Unjoni Ewropea f'xi żmien fl-2012. Dan jekk ma jitwalx iż-żmien tal-konsultazzjoni mal-pajjiżi membri u mal-esperti li s'issa diġà wasslu li jkun irtirat abbozz ta' Direttiva wara li nstab li l-annessi tekniċi kienu żbaljati.
Jekk id-Direttiva msemmija tiġi ppubblikata fis-sena msemmija, hu maħsub li Malta ssegwi d-
deadline
għat-traspożizzjoni li jkun stipulat fl-istess Direttiva.
Sptar Mater Dei — Ħsara fis-sistema tal-IT tad-Dentisti
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm ilha bil-ħsara s-sistema tal-IT tad-dentisti fl-Isptar Mater Dei? Kemm ġew proposti interventi u/jew appuntamenti minħabba f'hekk f'dawn l-aħħar ġimgħat?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Ninsab infurmat li m'hemm l-ebda ħsara fis-sistema tal-IT tad-dentisti fl-Isptar Mater Dei. S’issa ma ġewx prosposti interventi jew appuntamenti.
Japprezza l-Ministru li mediċini għoljin bħal Efexor mhumiex affordable minn persuni fuq assistenza soċjali? Kemm ilha out of stockdin il-mediċina? Għaliex is-sistema tal-IT tad-dipartiment konċernat mhix tiffunzjona biex tevita din it-tbatija lill-persuni b'mard mentali kroniku?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Il-fatt li l-Efexor hija out of stock mhuwiex dovut għaliex is-sistema tal-IT tad-Dipartiment mhix tiffunzjona iżda huwa riżultat tal-proċess ta’ aġġudikazzjoni tat-tender. Peress li hemm domanda qawwija għal din il-mediċina, kien jinħtieġ li biex tinġab konsenja ta’ 3 snin, it-tender kellha tiġi pubblikata fil-ġurnal tal-U.E. u tiġi aġġudikata permezz tal-proċess ta’ 3 envelopes. Meta saret l-ewwel rakkmandazzjoni teknika sabiex jinfetaħ it-tielet envelope (offerta finanzjarja), żewġ bidders għamlu oġġezzjoni li tawwal il-proċess. Ir-rapport finali bħalissa qiegħed għand il-Kumitat tal-Kuntratti.
Minħabba dan id-dewmien, id-Dipartiment kien qiegħed jixtri konsenji limitati iżda jista’ jkun li mhux il-pazjenti kollha kienu qegħdin jinqdew.
Sadanitattant id-Dipartiment tal-Procurement ħareġ sejħa Dipartimentali biex jixtri stokk ta’ Efexor sakemm jiġi konkluż il-proċess tat-
tender
tal-Kuntratti. Dan it-
tender
ħareġ fit-22 ta’ Frar 2010 u fl-10 ta’ Marzu 2010 inħarġet ordni għal stokk ta’ madwar 5 xhur, b’
delivery period
ta’ 6-8 ġimgħat. Fit-22 ta’ Marzu waslet konsenja limitata li qiegħda titqassam bejn l-ispiżeriji taċ-Ċentri tas-Saħħa, Sptar Mater Dei, Sptar Monte Carmeli u POYC.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kellna każijiet ġodda matul is-sena 2009 ta' persuni li kellhom sexually transmitted diseases? Jista' jgħid x'kienu dawn id-diseases u jekk hemmx xi sinjali li ċertu tip ta' mard trasmess sesswalment qiegħed jiżdied?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Nixtieq ninforma lil-Onorevoli Interpellant li matul is-sena 2009 ġew irraportati 143 każ ta’ sexually transmitted diseases. Dawn kienu 61 każ ta’ Chlamydia, 63 każ ta’ Gonorrhoea u 19 il-każ ta’ Syphilis.
Meta wieħed iħares lejn il-figuri ta’ dawn l-aħħar ħames snin, jinnota li kien hemm żieda fil-każijiet ta’
Chlamydia, Gonorrhoea u Syphilis
.
Health Promotion Unit — kampanja edukattiva dwar mard transmess sesswalment
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex il-ħsieb tal-Health Promotion Unit li jkompli bil-kampanja edukattiva biex teduka lill-pubbliku in ġenerali dwar il-mard transmess sesswalment? Jekk iva, kemm għandhom flus dedikati biex jagħmlu dan matul is-sena 2010? Kemm hemm personnel dedikat u mħarreġ biex jagħmel dan fid-dipartiment konċernat?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Ninsab infurmat li l-Health Promotion Unit għandu ppjanat li jkompli bil-kampanji edukattivi tiegħu dwar is-saħħa sesswali li jinkludi ukoll edukazzjoni dwar il-mard trasmess sesswalment. Il-budget allokat għal dan il-għan huwa total ta’ €42 000 li parti minnhom ġew minn proġett tal-Unjoni Ewropea li jiffoka speċifikament fuq l-HIV, il-Hepatitis B u l-Hepatitis C.
Id-Dipartiment tal-Promozzjoni tas-Saħħa u Prevenzjoni ta’ Mard li fi ħdanu hemm il-Health Promotion Unit għandu ppjanat li jimpiega numru ta’ Health Promotion Officers li wieħed minnhom se jkun iddedikat biex jaħdem speċifikament fuq is-saħħa sesswali.
survey sabiex jiġi stabilit jekk is-servizz offrut lill-amputees hux sodisfaċjenti
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk tul dawn l-aħħar għaxar snin qatt sarx xi survey sabiex jiġi stabbilit jekk is-servizz offrut lill-amputees hux sodisfaċenti?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Ninsab infurmat li qatt ma saru surveys dwar servizzi li jiġu offruti lill-amputees.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' persuni li jattendu regolarment fil-bereġ li l-Ministeru għandu mifruxa madwar Malta? B'mod ġenerali kemm hu n-numru ta' sigħat li fihom ikunu miftuħa dawn il-bereġ? Hemm xi ħinijiet li fihom ikun hemm tobba preżenti f'dawn il-bereġ?
Response (CASSAR, JOSEPH)
In-numru ta' bereġ f'Malta huwa 43. Id-dettalji dwar il-ħinijiet tal-ftuħ u lokalitajiet huma kif jidher fit-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari 12344. In-numru ta' persuni li attendew fil-bereġ matul l-2009 kienu 207, 669. Fil-ħinijiet tal-ftuħ tal-bereġ dejjem ikun hemm tabib u infermiera preżenti. Aktar informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jara li terġa' tiġi reveduta talba ta' anzjana, li dettalji tagħha qed jingħataw separatament, għal home help li din, fl-età li tinsab fiha, tixtieq li jkollha dan is-servizz?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Nixtieq ninforma lil-Onor Interpellant li l-informazzjoni mitluba qiegħda tinġabar u t-tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għalfejn qed jiġu użati ambulanzi ta' sidien privati fl-Isptar Mater Dei? Kemm huwa n-numru ta' ambulanzi privati li qed ikunu użati fl-Isptar Mater Dei? Kemm qed jitħallas il-kuntratturi privat għal kull ambulanza ta' kull jum? Kif ġie magħżul il-kuntrattur li mingħandu qed jinkrew dawn l-ambulanzi?
Response (CASSAR, JOSEPH)
1. ninsab infurmat li l-ambulanzi ta' sidien privati jiġu użati meta l-ambulanzi tal-Isptar Mater Dei ikollhom bżonn manutenzjoni jew tiswija.
2. l-ambulanzi privati li qed ikunu użati fl-Isptar Mater Dei ivarja bejn waħda jew tnejn kuljum, skont il bżonn
3. Il-kuntrattur privat preżenti qed jitħallas €135.70 kuljum għal kull ambulanza.
4. il-kuntrattur preżenti ġie magħżul wara sejħa miftuħa għall-offerti skont il-contracts financial regulations tal-gvern.
Jista' l-Ministru jgħid sena b'sena kemm fl-aħħar sentejn kien hemm studenti li temmew b'suċċess il-kors ta' care workers? Kemm minn dawn ġew offruti impjieg?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Nixtieq ninforma lil-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qiegħda tinġabar u t-tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġiet tiswa s-sistema ta' CPR li hemm ġewwa l-Isptar Mater Dei? Meta din is-sistema ġiet imwaħħla u meta se tkun tajba biex intuża?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Il-kuntratt għall-bini tal-Isptar Mater Dei kien ingħata mill-Gvern lill-Konsorzju SMJV (Skanska-Malta Joint Venture). Eventwalment il-kuntratt inbidel f’wieħed ta’ Design and Build għal somma fissa (lump sum). Mill-istess natura tagħha din is-somma mhix maqsuma f’dipartimenti jew kmamar individwali. Għalhekk l-informazzjoni dwar kemm ġiet tiswa s-sistema tas-CPR ma tistax tingħata.
Is-sistema tas-CPR hija stallata fl-Isptar Mater Dei. Biex is-sistema tas-CPR tkun effettiva qed jiġi evalwat jekk għandhiex tintrabat mas-sistema tal-paging nazzjonali jew inkella ma’ forom alternattivi ta’ teknoloġija tal-kommunikazzjoni.
Jista' l-Ministru jispjega jekk meta bħalma ġara din is-sena li l-ITU tal-Isptar Mater Dei tingħata Ġieħ ir-Repubblika, il-ħaddiema li f'dak iż-żmien kienu jagħtu s-servizz tagħhom f'din is-sala jistgħux u għandhomx dritt jibdew iniżżlu wara isimhom il-kliem M.O.M. u dan għax l-ITU mhuwiex il-bini u l-magni, imma huma l-impjegati li jagħmlu s-servizz effiċjenti u tajjeb?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Peress li din hija materja li taqa’ taħt il-kompetenza tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, nitlob lill-Onor Interpellant biex jagħmel din id-domanda lill-Prim Ministru.
Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità — programm ta' laqgħat/konferenzi fi Brussell
Question
Jista' l-Ministru jaġġorna bi breakdown tal-programm ta' laqgħat/konferenzi eċċ. li l-Ministeru u d-dekasteru kellhom fi Brussell u/jew f'xi stati membri oħra tal-Unjoni Ewropea mill-ewwel tas-sena 'l quddiem kif ukoll min attenda? Jista' jinforma x'konklużjonijiet kien hemm? Jista' ukoll jinforma min attenda u għal kemm żmien?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Nixtieq ninforma l-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qiegħda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. It-tabella tagħti rendikont tal-ivvjaġġar li sar minn uffiċjali tal-Ministeru għas-Saħħa, Anzjani u Kura fil-Komunità lejn Brussel u lejn stati membri tal-UE oħra mill-1 sa l-31 ta’ Jannar 2010 (tagħrif dwar vjaġġar li sar wara l-31 ta’ Jannar għadu qed jiġi mħejji).
Għall-numru sinifikattiv ta’ dawn il-laqgħat, l-ispejjeż tal-ivvajjġar u l-akkomodazzjoni huma rimborsabbli lill-Gvern Malti mill-entitajiet organiżżaturi tal-UE
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 15288 li saret lill-Prim Ministru, u mistoqsija parlamentari 14361 li saret lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali, li oriġinarjament saret lill-Politika Soċjali u jgħid jekk qattx kien hemm xi pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea li talbu kjarifiki jew tagħrif dwar l-operat tal-inċineratur tal-Marsa?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Nixtieq ninforma l-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija parlamentari lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' persuni li attendew fl-emerġenza matul l-ewwel xahrejn ta' din is-sena, xahar b'xahar? Kif jitqabbel dan in-numru mal-istess xhur tas-sena li għaddiet?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Nixtieq ninforma l-Onor Interpellant li d-dettalji mitluba huma kif jidher hawn taħt:
Attendenzi fl-Emerġenza, MDH
2009
Total Reġistrati
Attendenzi fl-Emerġenza, MDH
2010
Total Reġistrati
Differenza
January 2009
8671
January 2010
8351
- 320
February 2009
7652
February 2010
7578
- 74