Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #1480 Sitting 31 2008-07-09 Oral · Final From: CENSU GALEA To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Spiżjar ta' l-għażla tiegħek

Question

Billi issa f'xi lokalitajiet l-iskema ta' l-ispiżjar ta' l-għażla tiegħek ilha li ġiet introdotta numru ta' xhur, jista' l-Ministru jagħti ndikazzjoni dwar jekk il-konsum tal-mediċini f'dawn il-lokalitajiet naqasx jew żdied?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab informat li l-informazzjoni mitluba ma tistax tingħata peress li ma kienet tinżamm l-ebda informazzjoni dwar il-konsum individwali qabel ma ddaħlet l-iskema ta' l-Għażla Tiegħek.

Mobile Unit tal-Bank tad-Demm

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex veru jew le li l-mobile unit tal-Bank tad-Demm huwa bil-ħsara? Għaliex ma jistax jintuża? Kemm huwa ppjanat li jdum ma jerġa' jirritorna fis-servizz għall-komunita'? Kemm-il borża demm inġabret permezz ta' dan il-mobile unit fis-sena 2007? Kemm ilu għat-tiswija u kemm ġejja tiswa din il-manutenzjoni?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab infurmat li l-mobile unit tal-Bank tad-Demm qed issirlu rinnovazzjoni sħiħa biex joffri aktar kumdita, ikun aktar awtonomu u jassigura l-kwalita tal-prodotti li jinġabru fih. Ix-xogħlijiet bdew f’Novembru 2007 u mistennija jitlestew sa l-aħħar ta’ Ottubru 2008. Hu mistenni li l-ispiża titla’ għal madwar 100,000 ewro. Fis-sena 2007 inġabru 3,501 borża demm minn fuq il- mobile unit .
Leg 11 PQ #1591 Sitting 31 2008-07-09 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Pensjoni Nieqsa

Question

Jista' l-Ministru jara każ ta' armla, li d-dettali tagħha qed jintbagħtu separatament, li qiegħda tgħid li qed tieħu pensjoni nieqsa? Tista' tiġi vverifikata din it-talba u l-armla tkun infurmata bl-aħħar żviluppi?

Response (DALLI, JOHN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħti parir lill-persuna konċernata li tmur l-Uffiċċju tad-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali li jkopri l-lokalita' tagħha, jew iċċempel SPIC fuq freephone numru 159, biex tingħata l-informazzjoni u l-għajnuna meħtieġa.
Leg 11 PQ #1593 Sitting 31 2008-07-09 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Home Help

Question

Jista' l-Ministru jara li jitmexxa każ ta' anzjana ta' 73 sena, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li tgħix weħidha u li xahrejn ilu talbet għal home helpu qalulha li sitt ġimgħat oħra se jagħtuha s-servizz, imma din għadha bla risposta minkejja ċ-ċertifikati mediċi kollha li għandha?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab informat li l-applikazzjoni waslet għand id-Dipartiment fit-8 ta' April 2008 iżda kien hemm xi dokumenti nieqsa. Id-dokumenti kollha ġew ippreżentati lid-Dipartiment fit-23 ta' April 2008. Wara li saru il-proċeduri kollha biex tiġi analizzata l-applikazzjoni, il-każ tressaq quddiem il-Bord u ttieħdet deċiżjoni dwar l-għajnuna li ser tingħata lil din l-anzjana.

Food Poison

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm rapporti ta' food poison matul is-sena 2008? X'jiġri f'każijiet bħal dawn? Jittieħdu passi kontra l-istabiliment li tkun saret il-food poison minnu? Kemm kien hemm rapporti ta' food poison matul is-sena 2007 kollha? Kien hemm xi kawża komuni li kkawżat dan l-avvelinament? Kien hemm xi stabilimenti li ngħalqu minħabba f'hekk?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab infurmat li mill-1 ta’ Jannar 2008 sa l-aħħar ta’ Ġunju 2008 it-Taqsima tal Kontrol u Prevenzjoni tal-Mard fi ħdan id-Dipartiment ta’ Promozzjoni tas-Saħħa u Prevenzjoni tal-Mard irċeviet 139 il-rapport ta’ avvelenament ta’ l-ikel. F’kull każ jimtela kwestjonarju f’kollaborazzjoni mal-persuni koncernati. Tali każi jiġu nvestigati n’ kollaborazzjoni mad-Dipartiment għal Saħħa Ambjentali, billi uffiċċjali ta’ dan id-Dipartiment jagħmlu spezzjonijiet fuq il-post, isir rapport dwar l-iġiene u jekk ikun possibbli jittieħdu kampjuni ta’ fdalijiet ta’ l-ikel, swabs ta’ ħaddiema u makkinarju. Il-pazjenti jintalbu kampjun ta’ l-ippurgar u fejn ikun il-każ, jiġu eżentati mix-xogħol jekk dawn ikunu jaħdmu fil-maniġġ ta’ l-ikel. Fejn jinstabu nuqqasijiet, jinħarġu avviżi biex isir ix-xogħol immedjatament waqt li f’ċertu ċirkostanżi jittieħdu passi legali dwar kundiżżjonijiet partikulari. Kull każ jibqa jiġi segwit sakemm in-nuqqasijiet jiġu kollha rremedjati. Il-liġi f’każijiet fejn hemm riskju imminenti għas-saħħa tal-bniedem, tippermetti wkoll li l-post jingħalaq sakemm jitneħħa r-riskju, kif rikjest, skond il-liġi. Mhux faċli li tipprova li avvelenament ta’ l-ikel kien minħabba tali stabbiliment. Ħafna drabi jista’ jkollok indikazzjonijiet fondati għalkemm mhux biżżejjed biex tieħu azzjoni legali, peress li ‘l-Att dwar is-Sigurta’ fl-ikel’ hija legislazzjoni Kriminali fejn irid ikollok provi bla ebda dubju biex tipprova l-każ. Ikun għalhekk li stabbilimenti jitresqu il-Qorti fuq nuqqasijiet li jinstabu waqt l-investigazzjoni jew fuq rizultati tal-kampjuni li jkunu ttieħdu w mhux speċifikament fuq avvelenament ta’ l-ikel. Matul is-sena 2007 kien hemm 317-il rapport fuq avvelenament ta’ l-ikel. Ma kien hemm l-ebda kawża komuni, għalkemm f’ħafna mill-każi wara l-investigazzjoni, ġie stabbilit li l-kawża seta’ kien riżultat ta’ negligenza fid-dar u mhux minn stabbiliment speċifiku. F’każ partikolari kien ingħalaq l-istabbiliment u ġie mressaq il-persuna responsabbli il-Qorti fuq riskju ta’ kontaminazzjoni minħabba l-kundiżżjoni ta’ l-istabbiliment u ngħatat xhieda kif seta kien konness ma’ avvelenament ta’ l-ikel. Il-każ għadu subjudiċe għalkemm il-post reġa’, infetaħ wara li ttieħdu il-miżuri u prekawzjonijiet neċessarji.

Kampjuni ta' Ilma Baħar

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm attwalment ittieħdu kampjuni ta' ilma baħar matul is-sajf tas-sena 2007 sabiex jiġi verifikat li bajja tkun tajba għall-għawm? Minn liema postijiet ittieħdu dawn il-kampjuni? Kemm kienu fil-volum il-kampjuni li ttieħdu?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab infurmat illi d-Dipartiment għal Saħħa Ambjentali f’ħdan id-Diviżjoni tas-Saħħa jesegwixxi programm ta’ monitoraġġ għal kwalita’ ta’ ilma baħar tul l-istaġun uffiċċjali ta’ l-għawm jiġifieri bejn it-tielet ġimgħa ta’ Mejju sat-tielet ġimgħa ta’ Ottubru skond il-providimenti tad-direttiva ta’ l-Unjoni Ewropea 76/160/KEE. Kampjuni ta’ l-ilma baħar jinġabru kull ġimgħa tul it-23 ġimgħa ta’ l-istaġun uffiċjali minn 87 sit madwar Malta, Għawdex u Kemmuna li lista tagħhom ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Din il-frekwenża hija d-doppju ta’ dik rikjesta’ mill-istess direttiva. Matul is-sajf tas-sena 2007 ittieħdu 1,924 kampjun u saru 4,439 analisi għal tlett parametri mikrobioloġiċi. Barra minn hekk matul l-istess perjodu ttieħdu 176 kampjun ieħor meta dan id-dipartiment ħareġ xi avviż biex ma’ isirx għawm f’ xi bajja partikolari jew biex jivverifika jekk kienx hemm possibilita’ ta’ nuqqas fil-kwalita’ ta’ l-ilma baħar li fuqhom saru 422 analisi. Rendikont ta’ dawn il-kampjuni ġimgħa b’ġimgħa tista’ tinstab fuq is-sit eletroniku tat-Taqsima tas-Saħħa Ambjentali fuq http://www.sahha.gov.mt/pages.aspx?page=1077 Kull kampjun jittieħed f’kontenitur sterilizzat b’volum ta’ 250 millilitru.
Leg 11 PQ #1831 Sitting 31 2008-07-09 Oral · Interim From: KARL CHIRCOP To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Chronic Labyrintitis — Terapisti

Question

Peress li hawn ħafna pazjenti jbatu minn chronic labyrintitis, jista' l-Ministru jiżgura li jiddaħħal biżżejjed staff biex id-dipartiment jkun jista' jlaħħaq ma' din id-domanda? Kemm hemm terapisti joffru dan is-servizz u x'tul ta' żmien hemm f'din il-waiting list bħalissa?

Response (DALLI, JOHN)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Leg 11 PQ #1832 Sitting 31 2008-07-09 Oral · Final From: KARL CHIRCOP To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Alzheimer's Disease

Question

Jista' l-Ministru jiżgura li jiddaħħlu l-mediċini li jaqgħu fil-klassi ta' Acetyl Co-A inhibitors fl-iskema tax-Schedule Five, biex pazjenti li jbatu minn Alzheimer's Disease ikunu jistgħu jgawdu/jibbenefikaw minn din il-kura? Jaf li minn fost il-pajjiżi membri fl-UE ċ-ċittadini li jgħixu Malta, Bulgaria u Latvia biss m'għandhomx dritt għal dan l-aċċess? Ta' min jinnota li dawn iċ-ċittadini anzjani huma fost l-aktar nies batuti u dipendenti fuq ħaddieħor.

Response (DALLI, JOHN)

Alzheimer's Disease m'hijiex inkluża fil-lista ta' kundizzjonijiet kroniċi li jaqgħu taħt l-iskeda V tal-Att tas-Sigurta' Soċjali jew kif inhi aħjar magħrufa bħala l-kartuna s-safra u għalhekk acetylcholinesterase inhibitors m'humiex inklużi fil-formularju tal-gvern. Bħalissa qed isir studju biex naraw kif jista’ jiġi rivedut il-formularju ħalli jirrifletti s-sitwazzjoni tal-lum, ikun aktar ekwu u jelimina d-diskrepanzi u l-ħela.
Leg 11 PQ #1833 Sitting 31 2008-07-09 Oral · Final From: KARL CHIRCOP To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Post alternattiv

Question

Jista' l-Ministru jara li l-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, tingħata l-attenzjoni meħtieġa għal post alternattiv, peress li hija marida u fl-istess waqt il-fond li bħalissa qed tabita fih huwa substandard?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab infurmat li mill-applikazzjoni li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant la jirriżulta li l-persuna hi marida u lanqas li tgħix f’post substandard. Madankollu, l-applikazzjoni qed tingħata l-attenzjoni li tixirqilha.

Boroż tad-Demm

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il borża demm intużat fl-isptarijiet Maltin u Għawdxin matul is-sena 2007? Kemm-il borża demm inġabret mill-bank tad-demm matul l-istess sena? Kien hemm xi perijodi fejn kellu jinxtara demm minn barra l-pajjiż minħabba n-nuqqas tiegħu f'Malta?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab infurmat li matul is-sena 2007 tqassmu 13,518 borza demm lill-isptarijiet pubblici u privati f’Malta u f’Għawdex. Matul l-istess perjodu inġabru 14,125 boroż tad-demm. Qatt ma kien hemm il-ħtieġa li jinġieb demm minn barra.

Trapjanti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il trapjant ta' organi saru matul is-sena 2007? Fuq liema organi saru t-trapjanti? Kemm hemm nies li qed jistennew trapjant organu b'organu? Matul is-sena 2007 ġew impurtati organi minn barra ħalli jintużaw fuq pażjenti Maltin? Kemm minn dawn it-trapjanti kienu donaturi Maltin li tawhom l-organi?

Response (DALLI, JOHN)

Informat li matul l-2007 saru 7 trapjanti tal-kliewi, 10 trapjanti tal-cornea u trapjanti tal-qalb. Bħalissa hemm 80 persuna jistennew trapjanti tal-kliewi. 3 persuni jistennew trapjanti tal-qalb u 25 persuna jistennew trapjanti tal-cornea. Id-donaturi kienu kollha Maltin u ma ġew l-ebda organi minn barra minn Malta.
Leg 11 PQ #1456 Sitting 30 2008-07-08 Oral · Final From: CENSU GALEA To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Persuni jirreġistraw għax-xogħol

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' persuni, skond il-kategorija ta' l-ETC li qegħdin jirreġistraw għax-xogħol f'kull waħda mill-ibliet/rħula tas-7,11 u 12-il distrett elettorali?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub hu kif jidher fit-Tabella li ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #1546 Sitting 30 2008-07-08 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Dipartiment tas-Saħħa — Ħsarat fl-apparat

Question

Jista' l-Ministru jagħti breakdown tal-ħsarat fl-apparat reġistrat lid-Dipartiment tas-Saħħa miċ-ċentri tas-saħħa f'Malta? Kemm minn dan l-apparat ġie rranġat u kemm minnu huwa maħsub li jinxtara ġdid fix-xhur li ġejjin?

Response (DALLI, JOHN)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Leg 11 PQ #1589 Sitting 30 2008-07-08 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Sussidju

Question

Jista' l-Ministru jara li jitmexxa l-każ mal-Housing Authority tal-persuna, li isimha qed jidher separatament, biex tieħu sussidju biex tirranġa dar li tinsab fi stat perikoluż? Is-sinjura qiegħda tistenna risposta mal-Housing Authority biex fis-sajf tibda x-xogħol.

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab infurmat li l-Awtorita’ tad-Djar ipproċessat l-applikazzjoni tal-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant u li din ġiet infurmata bl-ammont ta’ sussidju li se tkun intitolata għalih.

Immigranti Illegali — Open centres

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn immigranti llegali jgħixu ġo open centres illum? Kemm nefaq id-dipartiment is-sena l-oħra għaż-żamma tagħhom? Kif intnefqu l-flus?

Response (DALLI, JOHN)

Nitlob l-Onor. Interpellant biex jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministeru konċernat.
Leg 11 PQ #1686 Sitting 30 2008-07-08 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Drugs Control Unit

Question

Jista' l-Ministru jippreżenta organisation chart tad-Drugs Control Unit, bl-iskali rispettivi? X'inhu x-xogħol ta' dan il-unit? Jista' jgħid jekk huwiex kuntent bil-ħidma ta' dan il-unit u jekk hux se jkun hemm tibdil fl-istruttura u l-mansjonijiet ta' l-istess unit?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab infurmat illi d-Drug Control Unit tifforma parti mid-Dipartiment għas-Saħħa Ambjentali li jaqa taħt id-Divizjoni tar-Regulazzjoni tas-Sahha Pubblika. Il-Unit huwa mmexxi minn Spettur Prinċipali għas-Saħħa. L-istaff l-ieħor jinkludi skrivani, assistenti principali, kif ukoll numru ta’ ‘Ward Clerical Assistants’. Dwar l-iskali, l-Ispettur Prinċipal għas-Saħħa huwa fi skala 8. Warajh hemm skrivan fi skala 9 (ex Maltapost), żewġ assistenti prinċipal fi skala 11 u tliet ‘Ward Clerical Assistants’ fi skala 17. Hemm ukoll skilled labourer. Ser inpoġġi Organistaion Chart fuq il-Mejda tal-Kamra. Il-funzjoni ta’ dan il-Unit joħrog mill-Avviz Legal 22 ta’ l-1985 li huwa li jinħargu Control Cards lil dawk il-persuni li jieħu mediċini narkotiċi jew psikotropiċi. Isiru madwar 24,000 Control Card fis-sena. Issir l-awtoriżżazzjoni għal min ikun ser isiefer u jkun ser iġorr mediċini narkotiċi jew psikotropiċi fiż-żona Schengen. Barra minn hekk, jingħataw guramenti lil min jitlef jew aċċidentalment jiddistruġġi l- Control Card li jkollu. Jinħarġu wkoll avvizi lit-tobba u spiżeriji meta jinqabad xi ħadd jabbuża bil- Control Card . Xogħol relatat ma’ dawn il-funzjonijiet huwa li tinżamm informazzjoni ta’ min jieħu overdose biex jiġi żgurat mat-tobba tagħhom li tista’ tinħarġilhom il- Control Card . Il-ħidma ta’ din il-Unit hija regolata minn ‘Quality Service Charter’ biex jiġi aċċertat li l-pubbliku jinqeda tajjeb. Dawn l-aħħar xhur id-Dipartiment ħass il-ħtieġa li jżid in-numru ta’ ħaddiema biex ilaħħqu aktar mad-domanda tal-pubbliku, kemm għal Control Cards ġodda kif ukoll biex dawk qodma jigu mibdula kull sena. Huwa ukoll maħsub li f’qasir żmien il-Unit tiċċaqlaq għal post aktar akkoljenti kemm għall-pubbliku kif ukoll għall-istaff. Preżentament ma’ hemm l-ebda intenzjoni li jsir l-ebda tibdil fl-istruttura u l-mansjonijiet ta’ l-istess Unit.
Leg 11 PQ #1697 Sitting 30 2008-07-08 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għall-Politika Soċjali

British Pharmaceuticals

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont dovut mill-Gvern Malti lill-kumpanniji u suppliers ta' British Pharmaceuticals mir-Renju Unit sa tmiem Frar 2008?

Response (DALLI, JOHN)

Nitlob l-Onor. Interpellant biex ikun iktar speċifiku fil-Mistoqsija tiegħu u jgħid għal liema kumpaniji qiegħed jirreferi.
Leg 11 PQ #1767 Sitting 30 2008-07-08 Oral · Final From: DAVID AGIUS To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Complement ta' l-infermiera

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu l-complement ta' l-infermiera fl-isptarijiet tal-Gvern Mater Dei, San Vinċenz de Paule u Mount Carmel u fiċ-Ċentri tas-Saħħa bil-bereġ li jaqgħu taħthom u kemm fil-fatt hu n-numru ta' l-infermiera f'dawn il-postijiet? Kemm-il darba n-numru ta' l-infermiera hu inqas mill-complement x'qed isir mill-Gvern biex dawn il-postijiet jimtlew u b'hekk la jkun hemm ilmenti min-naħa ta' min jirċievi s-servizz u lanqas min-naħa ta' min qed jagħti s-servizz?

Response (DALLI, JOHN)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Leg 11 PQ #1768 Sitting 30 2008-07-08 Oral · Final From: DAVID AGIUS To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Bereġ tal-Gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid sena b'sena, lokalita' b'lokalita', berġa berġa mill-1998 'l hawn kemm kien in-numru ta' persuni li b'xi mod jew ieħor għamlu użu mis-servizzi tat-tobba u l-infermiera eċċ fil-bereġ kollha tal-Gvern f'Malta u Għawdex? Jista' jgħid x'inhu l-ħsieb tal-Gvern dwar l-bereġ u cioe' jekk dawn humiex se jibqgħu miftuħa? X'servizzi se jagħtu ladarba tidħol ma' Malta u Għawdex kollha l-iskema ta' Ispiżerija ta' l-Għażla Tiegħek, eċċ?

Response (DALLI, JOHN)

L-informazzjoni mitluba fl-ewwel parti tal-Mistoqsija ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Informat li ma tinżammx statistika dwar il-bereġ ta' Għawdex peress li dawn jaqgħu taħt il-Ministeru konċernat. Ninsab informat ukoll li minbarra t-tqassim tal-mediċini mill-ispiżeriji, iċ-ċentri tas-saħħa u l-bereġ joffru diversi servizzi oħra. Għalhekk m'hemm l-beda ħsieb li jingħalqu dawn iċ-ċentri meta tidħol fis-seħħ l-iskema ta' l-iSpiżerija ta' l-Għażla Tiegħek ma' Malta u Għawdex kollha.
Leg 11 PQ #1804 Sitting 30 2008-07-08 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Ilma minn spieri privati

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 1482 li oriġinarjament saret lill-Ministru Għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid liema awtorita' hi responsabbli li tara li l-kwalita' ta' l-ilma mtella' mill-ispieri privati għall-konsum tal-bniedem hi tajba għas-saħħa ta' l-istess bniedem? X'inhi l-proċedura li tintuża biex titkejjel il-kwalita' ta' l-ilma tax-xorb ta' l-ispieri privati? Kemm-il darba fis-sena din l-entita' tkejjel il-kwalita' ta' l-ilma tax-xorb li ġej minn spieri privati? Jista' in oltre jgħid liema awtorita' hi responsabbli li tara li l-kwalita' ta' l-ilma mtella' mill-bjar fid-djar privati għall-konsum tal-bniedem hi tajba għas-saħħa ta' l-istess bniedem? X'inhi l-proċedura li tintuża biex titkejjel il-kwalita' ta' l-ilma tax-xorb tal-bjar tad-djar privati? Kemm-il darba fis-sena din l-entita' tkejjel il-kwalita' ta' l-ilma tax-xorb li ġej mill-bjar tad-djar privati?

Response (DALLI, JOHN)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.