Legislature:
Category:
Reset
Active:

MCAST — ilmentu fuq Facebook

Question

Tista’ l-Ministru tara li l-amministrazzjoni tal-MCAST tinvestiga l-ilmenti mqajma minn dan il-Facebook group, (A group on Facebook entitled “We want a proper and working examination system in MCAST!” has already attracted 490 members in just a week and is still growing. http://www.dive.com/Default.aspx?ID=72&Action=1&NewsId=70135&newscategory=36 ) Tista' l-istess amministrazzjoni tara liema huma validi minnhom u tieħu l-passi meħtieġa biex tindirizzahom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Fl-istituti kollha tal-Malta College for Arts, Science and Technology (MCAST) hemm policy u proċeduri ċari ħafna dwar is-sistema tal-assessjar u tal-eżamijiet kollha f’kull livell. Minbarra dan, is-sistema u l-proċeduri huma standardizzati u jiġu mgħarrfa lill-istudenti kollha fl-istitut magħżul minnhom sa minn meta jingħaqdu ma’ sħabhom fil-bidu tal-istudji tagħhom f’kull sena waqt l’ hekk imsejjaħ Induction Week. Kull student li jkollu bżonn xi kjarifika dwar din il-materja jista’ dejjem ifittex l-għajnuna tal-istitut tiegħu inkella jirreferi l-mistoqsijiet tiegħu lill-counselling unit tal-istess MCAST.

Awtorità tad-Djar — applikazzjoni

Question

Tista' l-Ministru tgħid fiex waslet l-applikazzjoni li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, mal-Awtorità tad-Djar?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jinforma lill-persuna ndikata minnu tikkomunika mal-Customer Care Service tal-Awtorita’ tad-Djar u titlob ‘status report’ tal-applikazzjoni tagħha.

persuni li nqatgħu minn fuq il-lista tar-reġistrar

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien in-numru ta' persuni li nqatgħu minn fuq il-lista tar-reġistrar fl-ewwel xahrejn tas-sena u x'kienet ir-raġuni?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Tabella A hawn taħt turi n-numru ta' persuni li nqagħtu minn fuq il-lista tar-reġistrar fl-ewwel xahrejn tas-sena u x'kienet ir-raġuni. Tabella A

pjanijiet biex titfassal National Policy on Environment Education

Question

Tista’ l-Ministru tgħid fiex waslu l-pjanijiet iddikjarati tal-gvern biex titfassal National Policy on Environment Education sa din is-sena biex tiġi introdotta s-sena d-dieħla bħala parti integrali mill-kurrikulu nazzjonali?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja ilu li għaraf l-importanza ta’ dan l-aspett fl-edukazzjoni sħiħa tal-istudenti, u ippromwova l-edukazzjoni ambjentali billi: · Għal dawn l-aħħar snin iffaċilità l-implementazzjoni tal-programm EkoSkola (ikkordinat min-Nature Trust) billi appunta ħames għalliema li jgħinu lill-iskejjel fl-implimentazzjoni tal-programm. Illum il-ġurnata hemm 102 skola (tal-istat, tal-Knisja u privati) – 59% tal-iskejjel kollha – li qed jipparteċipaw fil-programm. · Poġġa l-inkluzjoni tal-Edukazzjoni għall-Iżvilupp Sostenibbli bħala waħda mill-prijoritajiet li għandha tidher fid-dokument il-ġdid tal-Kurrikulu Nazzjonali - li l-abbozz tiegħu jinsab f’fażi avvanzata biex ikun ippreżentat għall-konsultazzjoni.

Uffiċjali Maltin tal-Unjoni Ewropea — dritt tat-trasferiment tal-pensjoni

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhi l-pożizzjoni tal-Gvern rigward l-applikazzjoni tad-dritt li Maltin li jkunu ħadmu bħala uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jitrasferixxu l-valur tad-drittijiet għal pensjoni li jkunu akkwistaw f'Malta? Hemm ħsieb li l-Gvern jikkonsidra l-pensjoni tal-irtirar li għaliha saru kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali Nazzjonali taqa' taħt dan id-dritt tat-trasferiment? Jekk fl-affermattiv, x'miżuri ttieħdu s'issa biex dan id-dritt ta' trasferiment ikun jista' jiġi applikat? X'fadal xi jsir? Bejn wieħed u ieħor, meta hu mistenni li l-miżuri kollha jkunu ittieħdu biex jippermettu t-trasferiment? Tista' tgħid jekk s'issa d-Dipartiment għas-Sigurtà Soċjali irċeviex applikazzjonijiet biex isir dan it-trasferiment?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Gvern Malti diġà beda t-tħejjijiet tiegħu biex ikunu jistgħu jsiru tali trasferimenti. F’dan il-kuntest, huwa importanti li ngħid li dan il-proċess huwa wieħed kumplikat ħafna li jinvolvi materji ta’ natura teknika, attwarjali u legali li jeħtieġu studju profond dwar kif l-aħjar li jsiru dawn it-trasferimenti. Dan anke minħabba l-fatt li l-iskema tas-Sigurtà Soċjali Maltija sal-lum ma taħsibx biex ikun jistgħu isiru trasferimenti ta’ dan it-tip. Kien għalhekk li l-Gvern Malti fittex għajnuna teknika biex ikun jista’ jeżamina fil-fond din il-materja. Fil-fatt, fil-preżent għaddej bi studju attwarjali li qed isir mill-Government Actuaries Department (GAD) tar-Renju Unit. Skont it-termini tal-kuntratt, il-GAD huwa marbut li fi żmien sena, salve xi kumplikazzjonijiet li jistgħu itawwlu bi ftit dan it-terminu ta’ żmien, iħejji rapport li jispeċifika kif il-valur tal-ammonti tat-trasferiment għandu jiġi kkalkulat u kif jista’ jibda jsir dan it-trasferiment. Wara li jitħejja dan ir-rapport, l-awtoritajiet Maltin huma kommessi li fi żmien sena, isiru d-diskussjonijiet interni u jittieħdu d-deċiżjonijiet kollha meħtieġa li jwasslu biex jitħejja abbozz ta’ liġi li jimplimenta t-tibdil legali meħtieġ li allura jwitti t-triq biex sal-aħħar tal-2011 jibdew isiru dawn it-trasferimenti fil-prattika. Ninforma lill-Onor. Interpellant ukoll li d-Diviżjoni tas-Sigurtà Soċjali sa issa irċeviet tmienja u erbgħin (48) talba għal trasferimenti ta’ dan it-tip. Minn dawn, erbgħa u erbgħin (44) talba huma għal trasferimenti mill-iskema tas-Sigurtà Soċjali Maltija għal skemi ta’ istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea u erbgħa (4) talbiet oħra għal trasferimenti minn skemi ta’ istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea għall-iskema tas-Sigurtà Soċjali Maltija.

tagħlim tal-agrikultura — kordinazzjoni bejn il-Ministeru tal-Edukazzjoni u dak tar-Riżorsi u affarijiet Rurali

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar liema tip ta' kordinazzjoni ssir bejn il-Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja u dak tar-Riżorsi u Affarijiet Rurali f'dak li hu l-programm ta' studju fl-istitut responsabbli mit-tagħlim ta' suġġetti marbuta mal-agrikultura?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Universita’ ta’ Malta Minn meta twaqqaf l-Istitut tal-Agrikultura, kien hemm l-għarfien li r-rabta mal-Ministeru risponsabbli għall-agrikultura u l-affarijiet rurali hija mill-aktar importanti u sservi ta’ ħolqa fir-rigward tal-bżonnijiet tal-pajjiż, f’dak li għandu x’jaqsam mal-Ministeru, u kif ukoll is-settur rurali. Għal dan il-għan il-kostituzzjoni tal-Bord tal-Istitut tal-Agrikultura tiddetermina li żewġ membri għandhom ikunu nominati mill-Ministru risponsabbli għall-agrikultura u l-affarijiet rurali. Fuq livell ta’ bord, jiġu diskussi u approvati programmi ta’ studju, u hemm, ir-rappreżentanti tal-Ministeru jkollhom l-opportunità jsemmgħu leħinhom. Barra minn dan, memorandum ta’ ftehim fil-fatt jinkoraġġixxi kollaborazzjoni mill-qrib f’dak li hu t-tkabbir tar-riżorsi. Fl-2004 il-Ministeru, permezz tal-Onor. Dr Francis Agius, kien attiv ferm fit-talba għas-sapport fuq l-iżvilupp tal-kurikulu ta’ lawrja konġunta mill-Universita’ ta’ Malta u l-Universita’ ta’ Perugia fil- Mediterranean Agro-Ecosystems. Fl-2006 l-Istitut tal-Agrikultura, b’kollaborazzjoni mal-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent, organizza kors ta’ ċertifikat fl-apicultura. L-Istitut u l-Ministeru dejjem jikkollaboraw sabiex iħajjru l-istudenti jagħżlu suġġetti għar-riċerka li jkunu fl-interess tal-agrikultura Maltija. Malta College of Arts, Science and Technology (MCAST) Hemm kollaborazzjoni sħiħa bejn il-Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja u dak tar-Riżorsi u Affarijiet Rurali u jsiru bosta laqgħat dwar bżonnijiet f’dan is-settur. Mhux l-ewwel darba li l-MCAST fetaħ korsijiet anke għal numru zgħir ta’ studenti biex b’hekk jinqdew il-bżonnijiet tas-settur. Barra minn hekk hemm kollaborazzjoni bejn l-MCAST u l-Għammieri. Huwa propju għalhekk li dan l-Istitut huwa llokat fis-sit fejn qiegħed.

konvenju

Question

Tista' l-Ministru tgħid x’qed tistenna l-Awtorità tad-Djar biex tiffirma il-konvenju/kuntratt b’referenza numru H175/10?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħti parir lill-applikant/i indikati minnu biex jersqu lejl l-Uffiċċju tal-Customer Care tal-Awtorità tad-Djar għall-informazzjoni meħtieġa.

Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità — persuni rreġistrati

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hawn persuni b’diżabilità reġistrati llum mal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità u x’tip ta’ dizabilità ghandhom? Kemm hemm persuni b’mard mentali jew għandhom din il-marda u għandhom diżabilità oħra?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata hekk: Persuni reġistrati mall-Kunsill Nazzjonali Għal Persuni b’Diżabilita’ (KNPD) 17,027 Persuni b’dizabilita’ fiżika 8,190 Persuni b’dizabilita’ intellettwali 2,234 Persuni b’dizabilita’ psikoloġika 1,182 Persuni b’nuqqas ta’ smigħ 1,060 Persuni b’nuqqas ta’ vista 1,166 Aktar minn-nuqqas wieħed 2,292 Nuqqas mhux magħruf 903

servizz ta' facilitator

Question

Tista' l-Ministru tara li jittieħdu l-passi neċessarji fir-rigward tat-tifla, li dettalji tagħha qed jinbagħtu separatament, li skond l-għalliema għandha bżonn facilitator u peress li din hija single parent ma tistax tħallas għall-għajnuna privata?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-iStatementing Board ma rċieva l-ebda applikazzjoni għan-nom ta’ din it-tifla msemmija.

sussidju għall-kontijiet tad-dawl

Question

Tista' l-Ministru tara li l-persuna, li dettalji dwarha qed jingħataw separatament, li għandha problema kronika fil-dawl t'għajnejha u tuża dejjem id-dawl matul il-ġurnata? Din għandha dritt għas-sussidu? Tkun idea tajba jekk xi ħadd immur u jara b'għajnejh il-ġustizzja ta' din it-talba.

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Onor. Interpellant huwa mitlub jinforma l-persuna ndikata minnu biex tavviċina l-Uffiċjal inkarigat mill-Uffiċċju Distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali tal-Belt jew raħal tagħha.

Post sub-standard

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'possibiltà hemm li, l-persuna li dettalji tagħha qed jingħataw separatament, li tgħix f'post ikkundanat u sub-standard tieħu post tal-Gvern?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-persuna li qiegħda issir riferenza għaliha applikat għal post alternattiv fi Frar 2008. Intbagħtu diversi ittri fejn is-sinjur gie mħeġġeġ jibgħat id-dokumenti neċċessarji sabiex l-applikazzjoni tkun tista' tiġi pproċessata iżda dan għadu ma bagħatx dawn id-dokumenti u għaldaqstant l-applikazzjoni għadha pendenti.

Tagħlim tal-arti u l-mużika fl-iskejjel

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm skejjel li għad m'għandhomx post adegwat sabiex jgħallmu kemm l-arti kif ukoll il-muzika?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Fl-iskejjel primarji tal-Istat t-tagħlim tal-arti jista’ jsir fil-klassi jew fi kmamar speċjali. Hemm tmienja u sittin (68) skola primarja u dawn kollha għandhom kmamar speċjali għat-tagħlim tal-arti. Fl-iskejjel sekondarji kollha hemm kmamar speċjali jew art rooms. Hemm sebgħa u għoxrin (27) skola tal-Knisja u 13-il skola Indipendenti li għandhom kamra apposta għat-tagħlim tal-Arti. Fl-iskejjel primarji tal-Knisja u Indipendenti, t-tagħlim tal-Arti jista’ jsir fil-klassi jew fi klassi adatta għat-tagħlim ta’ dan is-suġġett. Fl-iskejjel sekondarji hemm kmamar apposta għat-tagħlim tal-Arti. Rigward mużika l-iskejjel kollha tal-Istat għandhom ir-riżorsi fiżiċi fejn jistgħu jinżammu l-lezzjonijiet tal-mużika. Hemm 19-il skola tal-Knisja u 10 skejjel Indipendenti li għandhom kamra adegwata għat-tagħlim tal-mużika. L-iskejjel kollha għandhom riżorsi għat-tagħlim tal-Mużika. Skejjel Sekondarji Ogħla Post Adegwat għall-Arti Post Adegwat għall-Mużika Sir M’Ang Refalo (Għawdex) Iva Iva Giovanni Curmi HSS Iva Le

Università ta' Malta — eżamijiet u teżijiet bil-Malti

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex fis-snin li għaddew kien hemm diversi drabi fejn studenti tħallew iwieġbu bil-Malti fl-eżamijiet tal-Università ta’ Malta, f’korsijiet li ma kellhomx x’jaqsmu mal-Malti jew l-użu tiegħu, fejn dawn tħallew jiktbu assenjamenti u saħansitra long essays u teżijiet bil-Malti u issa mhux se jitħallew iżjed?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nirreferi għat-tweġiba li ngħatat għal Mistoqsija Parlamentari numru 15427. Meta sar hekk, dan ma sarx bil-permess tas-Senat. L-istudenti huma meħtieġa jiktbu t-teżijiet tagħhom għall-gradi kollha ta’ Bachelor, Master u tad-Dottorat bl-Ingliż, ħlief li teżijiet f’oqsma ta’ studju li jinvolvu lingwa jistgħu jinkitbu f’dik il-lingwa. Iżda, Bord ta’ Fakultà jista’ jagħti permess lill-istudenti jiktbu t-teżi tagħhom fi kwalunkwe lingwa oħra, sakemm il-Bord ikun aċċerta, għas-sodisfazzjon tas-Senat, li l-Università għandha l-istaff akkademiku u l-eżaminaturi tagħha u minn universitajiet barranin neċessarji biex jissorveljaw u jeżaminaw ix-xogħol b’dik il-lingwa.

Università ta' Malta — eżamijiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex studenti tal-Università ta’ Malta mhux se jitħallew jużaw il-Malti iżjed f’każi fejn m’aħniex nitkellmu fuq eżamijiet finali jew assenjamenti li fihom ikunu mdaħħla eżaminaturi esterni li ma jkunux jifhmu bil-Malti u s-sens komun jgħidilna li f’dak il-każ għandu jintuża l-Ingliż, sakemm min se jikkoreġi l-karta huwa Malti u li ghandu l-ħila jaqra l-Malti, il-Malti jista’ jintuża jew le?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nirreferi l-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari numru 15428.

Università ta' Malta — lingwa Maltija

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex qed jintuża l-argument mill-Ministru tal-Edukazzjoni li l-istudenti għandhom iwieġbu bl-Ingliż għax ħafna mill-kotba huma bl-Ingliż? Għaliex jintuża dan l-argument, biex jitfa’ lill-Malti f’lingwa sekondarja, qagħda li ma tixraqx lill-ilsien tagħna anke fid-dawl ta’ ħafna pubblikazzjonijiet ta’ livell għoli bil-Malta? X’jiġri fil-każ meta l-istess katalgu li jkun offrut lill-istudenti mill-istess Università qabel dawn japplikaw għal kors partikulari, saħansitra jirreferi hu stess għal kotba bil-Malti?

Response (CRISTINA, DOLORES)

l-Università tapprezza ħafna l-ħtieġa li jiġi żviluppat l-użu tal-Malti. Hija dejjem appoġġat bis-sħiħ il-lingwa Maltija u għal snin sħaħ għenet biex l-istudju tal-Malti jissaħħaħ u jitqiegħed fuq sisien sodi. Dan l-aħħar kompliet saħħet id-Dipartiment tal-Malti billi aktar minn irdoppjat in-numru ta’ staff akkademiku full time. Dan jirrifletti n-numru sinifikattiv ta’ studenti li qed isegwu studji fil-lingwa Maltija, iżda jirrifletti wkoll kemm l-Università hija, bil-fatti, favur l-iżvilupp u t-tisħiħ tal-Malti Il-Baċellerat tal-Arti u anke il-Master of Arts fil-Malti qegħdin hemm appuntu għal min jixtieq jistudja l-Malti u jagħmel l-eżamijiet u l-assenjamenti kollha bil-Malti. L-Università tinkoraġġixxi bis-sħiħ l-istudju tal-letteratura ta’ livell għoli li hawn bil-Malti. Huwa importanti wkoll li jinqraw kotba miktuba b’lingwi oħra sabiex l-istudji Maltin ikomplu jimirħu u ma jaqgħux fin-nassa tal-iżolament. Il-Malti dejjem kompla jikber anki bis-saħħa tal-kontribut tal-gradwati tal-Università li taw kontribuzzjoni kruċjali biex kibret il-letteratura Maltija, il-pubblikazzjonijiet ta’ kull xorta bil-Malti, studji fil-lingwistika Maltija u ħafna oħrajn.

Universitàta' ta' Malta — Kors tal-Maltese Studies

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk is-Senat tal-Università ta’ Malta jistax jwieġeb direttament għaliex ħass li ma għandux jagħti l-approvazzjoni li jkun jista’ jwieġeb bil-Malti lill-grupp li qed isegwi kors ta’ M.A. (Maltese Studies), li wieħed sempliċiment ikollu l-għażla li jkun jista’ jikteb bil-Malti jew bl-Ingliż fl-eżamijiet tiegħu, meta dawn mhumiex eżamijiet finali u m’hemm l-ebda eżaminatur estern involut, u meta min se jikkoreġi l-karti jaf jaqra u jifhem bil-Malti sew u saħansitra hemm minn dawn l-eżaminaturi stess li anke huma kitbu fuq l-istess suġġetti bil-Malti?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-kors ta’ Master offrut mill-Istitut tal-Istudji Maltin huwa magħmul minn suġġetti diversi li jmorru lil hinn mill-lingwa Maltija. Dawn jinkludu per eżempju : Early Modern, Modern and Contemporary Art; Law and Medicine, eċċ. Is-Senat qabel li fil-valutazzjoni taż-żewġ oqsma ta’ studju li jinvolvu direttament il-lingwa u l-letteratura (The Maltese Language & Ethnic History u Maltese Literature) il-mistoqsijiet ikunu kemm bl-Ingliż u kif ukoll bil-Malti, u l-istudenti jkollhom l-għażla jirrispondu f’waħda minn dawn il-lingwi, basta tintuża lingwa waħda biss fil-karta tal-eżami. L-għan ewlieni wara l-iżvilupp ta’ dan il-kors ta’ Master kien li jippromwovi lil Malta u lill-kultura Maltija fost l-istudjużi Maltin u dawk internazzjonali. Il-gradwati ta’ dan il-kors għandhom ikollhom l-abiltà li jippubblikaw xogħolhom f’ġurnali akkademiċi internazzjonali sabiex b’hekk xogħolhom ikun aċċessibbli għal udjenza mill-aktar wiesgħa. Dan għandu jgħin ukoll sabiex dawn il-gradwati jkunu jistgħu jkomplu l-istudji tagħhom fi kwalunkwe università, anke barra minn Malta. Għalhekk huwa ta’ siwi għall-istudenti li jkunu mħarrġa u mdorrijin jirrispondu bil-lingwa internazzjonali Ingliża.

Università ta' Malta — kors tal-Lingwa Maltija

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk is-Senat tal-Università ta’ Malta jistax jispjegalna għaliex qed iħoss li fl-istess kors il-lingwa Maltija għandha tiġi ristretta għal żewġ taqsimiet biss li jikkonċernaw il-lingwa u l-letteratura Maltija? Peress li l-Ministru qed tgħidilna li ma nbidel xejn, jista’ s-Senat jgħidilna x’inbidel mis-sena l-oħra ’l hawn, meta dawn l-istess studenti kitbu bil-Malti fl-eżamijiet tagħhom is-sena l-oħra, u mhux talli ma nqalgħux kwistjonijiet iżda talli wrew kif bil-Malti kienu kapaċi jiktbu anki fuq suġġetti li jmorru ’l hemm mill-istudju tal-lingwa u l-letteratura, u din is-sena qed jiġu mċaħħda milli jagħmlu dan? Jista’ s-Senat jgħidilna jekk jarax ironija li ċċaħħad wieħed li juża l-ilsien Malti f’kors li qed idur kollu kemm hu mal-identità Maltija, ma’ dak kollu li jagħmilna Maltin? Jew forsi l-ilsien Malti m’għandux x’jaqsam mal-identità Maltija, ma’ dak li jiddistingwina minn popli oħra? Jew forsi s-Senat ma jarax li l-Malti huwa ta’ livell biex wieħed jikteb bih fuq suġġetti bħall-arkeoloġija Maltija, l-ambjent naturali ta’ Malta, il-mużika Maltija, il-familja Maltija, u temi oħrajn li lkoll flimkien jagħmlu parti mill-istorja u l-identità ta’ pajjiżna? Ma jħossx li hemm kuntradizzjoni meta fl-ewwel sena tal-istess kors dawn l-istess studenti tant semgħu fuq il-kwistjoni tal-lingwa tal-1880 u fuq nies bħal Mikiel Anton Vassalli, Manwel Dimech u Dun Karm Psaila fost oħrajn, imbagħad fl-istess ħin tgħidilhom li ma jistgħux jużaw l-ilsien Malti?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Wara li l-Istitut għall-Istudji Maltin intalab spjegazzjoni, ħareġ li s-sena l-oħra kien hemm xi studenti li rrispondew bil-Malti u x-xogħol tagħhom ġie kkoreġut. Qabel Ottubru 2009, ma kienx hemm regolament li jispeċifika l-lingwa li biha kellhom jingħataw it-tweġibiet fl-eżamijiet, għalkemm kienet il-prassi li l-evalwazzjonijiet kellhom ikunu bl-Ingliż. Minn Ottubru 2009 daħlu fis-seħħ ir-regolamenti tal-Avviż Legali 274 u l-Avviż Legali 277, li fil-fatt jirregolaw il-lingwa li għandha tintuża għall-valutazzjoni, u għalhekk saret it-talba lis-Senat mill-Istitut tal-Istudji Maltin. Kien għalhekk li dan l-Istitut kellu jagħmel it-talba tiegħu lis-Senat. M’għandux ikun hemm l-ebda dubju dwar ir-rieda tas-Senat li jissaħħaħ u jinfirex it-tagħlim tal-Malti. Is-Senat dejjem inkoraġġixxa kull inizjattiva li ppropona d-Dipartiment tal-Malti. Nirreferi wkoll għat-tweġibiet l-oħra li tajt lill-Onor. Interpellant għall-Mistoqsijiet Parlamentari numru 15428, 15431, 15432 u 15433.

Senat tal-Università — użu tal-ilsien Malti

Question

Tista' l-Ministru tgħid fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi u ta’ dak li saħansitra jsostni l-Att dwar l-Ilsien Malti (Kapitolu 470, pġ 3) meta jgħid li, “L-Istat Malti għandu jkun minn ta’ quddiem biex joħloq l-opportunitajiet kollha possibbli għall-iżvilupp tal-Ilsien Nazzjonali u jara li jkollu d-dinjità li tixraqlu bħala tali”, li s-Senat tal-Università jċaħħad l-użu tal-ilsien Malti lil min ikun jixtieq jużah, meta dan ma jkun qed joħloq l-ebda detriment jew żvantaġġ għal ħaddieħor, dan ma jidhirx att li qed joħnoq opportunità għall-iżvilupp tal-istess ilsien? Jew forsi l-Malti ma tixraqlux id-dinjità li jkun użat fl-Università ta’ Malta?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet li ngħataw għall-Mistoqsijiet Parlamentri numru 15428, 15431, 15432, 15433 u 15434. L-Università tapprezza ħafna l-ħtieġa li jiġi żviluppat l-użu tal-Malti. Hija tappoġġa bis-sħiħ il-lingwa Maltija u dan l-aħħar kompliet saħħet id-Dipartiment tal-Malti b’żieda fin-numru ta’ staff akkademiku full time. Dan jirrifletti n-numru sinifikattiv ta’ studenti li qed isegwu studji fil-lingwa Maltija. Dawn il-korsijiet tad-Dipartiment tal-Malti qegħdin hemm appuntu għal min jixtieq jistudja l-Malti u jagħmel l-eżamijiet u l-assenjamenti kollha bil-Malti. L-Università tinkoraġġixxi bis-sħiħ l-istudju tal-lingwa u tal-letteratura ta’ livell għoli li hawn bil-Malti. Huwa importanti wkoll li jinqraw kotba miktuba b’lingwi oħra sabiex l-istudji Maltin ikomplu jimirħu u ma jaqgħux fin-nassa tal-iżolament.

Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja — programm ta' laqgħat/konferenzi fi Brussell

Question

Tista' l-Ministru taġġorna bi breakdown tal-programm ta' laqgħat/konferenzi eċċ. li l-Ministeru u d-dekasteru kellhom fi Brussell u/jew f'xi stati membri oħra tal-Unjoni Ewropea mill-ewwel tas-sena 'l quddiem kif ukoll min attenda? Tista' tinforma x'konklużjonijiet kien hemm? Tista' ukoll tinforma min attenda u għal kemm żmien?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Karti tal-eżamijiet tal-istudenti — arkivji

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar jekk il-karti tal-eżamijiet li jiktbu l-istudenti waqt l-eżamijiet, kemm fl-Università kif ukoll f'istutuzzjonijiet oħra jinżammux f'xi forma ta' arkivji? Jekk iva, fejn qed jinżammu? Jekk le, jistgħu dawn il-karti jibdew jinżammu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.