Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali – komunikazzjonijiet bil-miktub aċċessibbli għall-persuni neqsin mid-dawl
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'miżuri qed jieħu l-Ministeru tiegħu u entitajiet li jaqgħu taħtu sabiex jara li komunikazzjonijiet bil-miktub ta' kull tip li jintbagħtu bil-posta jew mezzi oħra, ikunu f'format aċċessibbli li jinqara minn persuni neqsin mid-dawl?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li waqt li l-ebda Ministeru jew entità fi ħdan il-Gvern m’għandu aċċess għal informazzjoni dwar persuni b’diżabilità u x’tip ta’ diżabilità jsofru minnhom, hu prattikament impossibbli li kull korrispondenza li tintbagħat bil-posta tradizzjonali tkun ukoll f’format aċċessibbli li jinqara minn persuni neqsin mid-dawl.
Minkejja dan, fil-każ ta’ korrispondenza diġitali, nixtieq intenni li l-entità governattiva Fondazzjoni għall-Aċċessibilità tat-Teknoloġika tal-Informatika (FITA) toffri dan is-servizz lil kull individwu jew entitaijet li jitolbu din l-għajnuna biex jaqdu l-klijentela tagħhom bi spiża mħallsa mill-individwu jew l-entità.
Fil-fatt dawk li, minn jeddhom jitolbu l-assistenza tal-istess Fondazzjoni, jiġu ggwidati fl-installazzjoni ta’ programm apposta (software) biex il-kompjuter personali tagħhom ikun jista’ jaqralhom kull imejl li jirċievu, inkluż bl-ilsien Malti. It-taħriġ hu bi ħlas, filwaqt li l-programm hu b’xejn.
Nenfasizza li kull każ jiġi kkunsidrat fuq bażi individwali, inkluż biex tintuża l-aħjar teknoloġija assistiva, li tvarja minn Optical Character Recognition (OCR), Screen Reader, Braille jew anke tipa mkabbra. L-istess assistenza tvarja wkoll skont l-apparat li jkun se jintuża għal dan il-għan, bħal PC/laptop, mobile u/jew tablet, u anke skont il-platform użat, jiġifieri Windows jew MAC, Android jew Apple, eċċ.
Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali – tender/direct orders lil kumpanija/individwu
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru tiegħu jew xi entità li taqa’ taħtu taw xi tender jew direct order lill-kumpanija jew l-individwu li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament mill-2013 sa issa? Jekk iva, jista’ jaqsam din l-informazzjoni sena b’sena?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-individwu jew kumpanija li d-dettalji tagħhom qed jingħataw separatament, ma ngħataw l-ebda tender jew direct order minn kwalsiasi entita’ fil-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali.
B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 15097 u 15702 u l-permessi u l-istandards li jrid ikollhom il-kunsilli lokali biex jagħmlu toroq u pavimentar, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra ċ-ċertifikazzjonijiet kollha għall-pavimentar li sar fi Triq San Bastjan/San Bartilmew (quddiem l-bank HSBC u l-knisja ż-żgħira ta’ San Bastjan)? Peress li waslu diversi ilmenti dwar l-istat perikoluż li jkun fih il-pavimentar ta’ Triq San Bastjan (quddiem il-bank HSBC u l-knisja ż-żgħira ta’ San Bastjan) fix-xita, għaliex isir jiżloq ħafna, u peress li ġew irraportati inċidenti fuq l-istess pavimentar li fortunatament s’issa ma kellhom l-ebda konsegwenzi serji għas-sewwieq u għar-residenti li jkunu mexjin fl-akkwati, jista’ jitlob rapport tekniku minn esperti indipendenti li x-xogħol sar verament skont l-istandards mitluba?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi li peress illi l-Kunsill għandu l-Perit tiegħu, ma jsirx rapport tekniku minn esperti indipendenti li x-xogħol sar verament skont l-istandards mitluba.
Ninsab infurmat wkoll li l-Kunsill ser ikun qed jagħmel ix-xogħlijiet ta’ anti-skid solution malli t-temp jippermetti, bi spiża ta’ € 60,000 sabiex jindirizza l-problema taż-żlieq.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra ċ-ċertifikazzjonijiet kollha għall-pavimentar li sar fi Triq San Bastjan/Triq San Bartolomew.
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk il-pitturi tal-pittur Mattia Preti li huma fil-kollezzjoni nazzjonali humiex kollha esposti jew hemmx uħud li ma humiex?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-kwadri kollha ta’ Mattia Preti huma esebiti, filwaqt li ftit oħrajn li huma attribwiti lilu jew lill-bottega tiegħu qed jintużaw għal rotazzjoni. Iż-żewg kwadri tal-istess pittur li nxtraw speċifikament għall-Mużew ta’ Għawdex u għall-Palazz tal-Gran Mastru eventwalment se jiġu esebiti fil-postijiet imsemmija.
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra bit-titoli ta’ liema kotba ġew restawrati tul is-sena li għaddiet?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li matul l-2020 ġew irrestawrati żewġ kotba:
· George F. Angas,
A Ramble in Malta and Sicily
, 1841.
· Abbe de Vertot,
The History of the Knights of Malta Vol 1
, 1728
Naturalment gew ikkonservati u rrestawrati wkoll għexieren ta’ xogħlijiet oħra fuq karta, li ma jikklassifikawx bħala kotba.
Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali – tender jew direct order lil kumpanija
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru tiegħu jew xi entità li taqa’ taħtu, tawx tender jew direct order lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament? Meta ngħataw, ta’ kemm kienu u abbażi ta’ xiex?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jispeċifika t-talba tiegħu
Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali — Bordijiet - attendenza ta' membri
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 17521 u jagħti rendikont tal-attendenzi tal-membri fil-laqgħat ta' kull bord li huwa taħt ir-responsabilità tiegħu matul din il-leġiżlatura?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar u tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Parlament kemm għandu ħaddiema impjegati jew assenjati miegħu l-Kunsill Lokali tax-Xagħra Għawdex? Jista' jgħid ukoll kemm minn dawn il-ħaddiema jitħallsu direttament mill-Kunsill? F'każ li hemm ħaddiema li ma jitħallsux mill-Kunsill, jista' jgħid min iħallashom?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tax-Xagħra li l-Kunsill għandu tmien (8) ħaddiema assenjati miegħu mill-Community Workers Scheme Enterprise Foundation. Dawn il-ħaddiema jitħallsu mill-imsemmija fondazzjoni.
Kunsill Lokali tax-Xagħra Għawdex – implimentazzjoni ta’ deċiżjonijiet
Question
Jista' l-Ministru jinforma lill-Parlament meta l-Kunsill Lokali tax-Xagħra Għawdex ser iwettaq u jimplimenta dawn id-deċiżjonijiet:
1) Master Plan għaż-żona ta' Pjazza l-Vittorja u t-toroq tal-madwar kif ilu mwiegħed snin;
2) Binja ġdida għall-Kunsill, moderna u aċċessibbli, li tinkorpora fiha għassa, berġa u toilets pubbliċi kif ilu mwiegħed snin;
3) Isewwi jew jinstalla mill-ġdid il-funtana fil-ġnien tal-mitħna fi Triq il-Mitħna u li ilha snin ma taħdimx?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tax-Xagħra illi:-
1) Il-kumpanija EMDP li ġiet
awarded
l-offerta (
tender
) għal dan il-
masterplan
qed tagħmel konsultazzjonijiet mal-entitajiet konċernati u ser isiru żewġ sezzjonijiet ta' konsultazzjoni pubbliċi mar-residenti nhar is-Sibt 30 ta' Jannar 2021.
2) Il-Kunsill Lokali tax-Xagħra applika għall-permessi neċessarji mal-Awtorità tal-Ippjanar. Skont
policies
tal-Awtorità, id-deċiżjoni dwar tali permess għandha tingħata sat-8 ta' Marzu 2021. Sadanittant, il-Kunsill Lokali tax-Xagħra qiegħed f'diskussjonijiet mal-Ministeru għal Għawdex dwar il-possibilità li dan il-proġett jiġi ffinanzjat mill-istess Ministeru.
3) Il-Kunsill Lokali tax-Xagħra talab stima għal xogħol ta’ tiswija tal-funtana, liema stima ser tiġi diskussa fil-laqgħa tax-xahar ta' Frar.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Parlament kemm hemm kenniesa jaħdmu fi ħdan il-Kunsill Lokali tax-Xagħra Għawdex u kif wkoll ipoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-iskeda tal-knis u t-tindif li din il-lokalità ssegwi?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tax-Xagħra li x-xogħol ta' knis fit-toroq fil-lokalità jsir minn sitt (6) ħaddiema assenjati mal-Kunsill mill-Community Workers Scheme Enterprise Foundation u minn żewġ kuntratturi mqabbda mill-istess Kunsill, wieħed biex jieħu ħsieb l-area ta' Pjazza l-Vitorja u l-ieħor biex jieħu ħsieb l-areas ta' Triq Sant' Anton, Triq Sruġ u Triq Kortoll.
Kunsilli Lokali f’Għawdex – bankini skond l-Access For All Guidelines
Question
Jista' l-Ministru jinforma lill-Parlament kemm-il-bankina għamel kull Kunsill Lokali f'Għawdex tul is-sena 2020? Kemm minn dawn il-bankini saru skont l-Access For All Guidelines? Jekk hemm bankini li ma sarux skont dawn il-guidelines, jista' l-Ministru jgħid x'kienu r-raġunijiet?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar u tingħata f’seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid għal liema reġjuni qed jipprovdu żebgħa għal marki tat-toroq lill-kunsilli lokali tar-reġjuni tagħhom? Kemm qed jingħata kwantità kull kunsill? Mingħand min qed tinxtara din iż-żebgħa? Kif intgħażel il-fornitur? Kemm hija l-ispiża li se jidħol jew daħal għaliha kull reġjun? Jista’ jagħti din l-ispiża fornitur b'fornitur dejjem jekk l-istess reġjun għandu iktar minn fornitur wieħed? B'liema mod inġabru l-prezzijiet? Intużat is-sistema tal-EPPS? Jekk le, x'sistema ntużat?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar u tingħata f’seduta oħra.
Peress li l-festi f'pajjiżna huma kkunsidrati li jsostnu l-identità Maltija u d-diversi għaqdiet li jorganizzaw dawn il-festi huma għaqdiet volontarji, u għalkemm f'Ġunju kienu ngħataw diġà xi forma ta' għajnuna mill-Gvern, peress li minħabba l-pandemija tal-COVID-19 l-attivitajiet kollha li kienu jiġu organizzati bħala 'fund raisers' kellhom jiġu kkanċellati barra l-fatt li l-bottegini ta' dawn l-għaqdiet kellhom jingħalqu għal diversi xhur, jista’ l-Ministru jgħid jekk dawn l-għaqdiet humiex ser jiġu kkumpensati għal dan it-telf ta' flus? Jekk fil-fatt il-Gvern ser jikkumpensa lil dawn l-għaqdiet, f'liema forma ser tkun din l-għajnuna u kemm ser ikun l-ammont?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’ seduta oħra.
Kunsilli Lokali – konċessjoni ta’ spazju fi proprjetà tal-kunsill lokali
Question
Jista' l-Ministru jgħid xi proċedura għandha tiġi segwita minn Kunsill Lokali meta dan jintalab u jaċċetta li jikkonċedi spazju fi proprjetà tiegħu biex minnu għaqda volontarja toffri servizz lill-pubbliku fuq bażi temporanja bi jew bla ħlas? F'każ li hemm proċedura, jista' jispjega l-bażi legali għal tali proċedura?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għada qed tinġabar u tingħata f’ seduta oħra.
Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali — Ħaddiema li huma minn skala 6 ’l fuq
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 16876 u jgħid, fil-mument li tiġi mwieġba din il-mistoqsija, kemm hemm ħaddiema tas-settur pubbliku li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu li huma minn skala 6 ’l fuq? Kemm minnhom huma nisa u kemm irġiel?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fuq informazzjoni illi ġbarna mill-entitajiet tas-Settur Pubbliku li jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, jirri¿ulta li hemm total ta’ mija tlieta u erbgħin (143) b’salarju ekwivalenti minn skala 6 ‘l fuq.
Disgħa u tmenin (89) huma rġiel u erbgħa u ħamsin (54) huma nisa.
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk jaqbilx mad-deċiżjoni tas-Sindku tas-Siġġiewi li fi skeda ta' laqgħat mar-residenti fil-binja tal-Kunsill Lokali, liema skeda (li qed tingħata separatament) is-Sindku ppubblikaha fuq is-social media (li qed tingħata separatament), inkluda biss kunsilliera tal-grupp politiku tiegħu waqt li b'intenzjoni partiġġjana, ħalla barra tliet kunsilliera (ta' fehma politika differenti minn tiegħu) minn din l-iskeda; u peress li s-Sindku vvotta wkoll kontra mozzjoni li talbet li tiġi rranġata l-iskeda u ppubblikata bl-ismijiet tal-kunsilliera kollha, sabiex ir-residenti jkollhom l-lista sħiħa ta' kunsilliera mxandra fuq il-mezzi ta' kommunikazzjoni tal-Kunsill Lokali, jista’ l-Ministru jgħid x'inhi l-pożizzjoni tiegħu fuq dan il-każ bħal dan fejn Sindku wera b'mod ċar li qed juża riżorsi tal-Kunsill Lokali biex jaġevola interessi politiċi qabel dawk tal-lokalitá?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li din il-materja hi waħda ta’ natura suġġettiva fi ħdan il-Gvern Lokali rispettiv u għaldaqstant kemm il-Ministeru kif ukoll id-Diviżjoni tal-Gvern Lokali ma jarawx il-ħtieġa li jittieħdu xi passi jew azzjonijiet partrikolari rigward il-każ imsemmi.
1970 UNESCO Convention on the Illict Import, Export and Transfer of Ownership of Cultural Property — firmatarji
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk Malta hijiex firmatarja tal-1970 UNESCO Convention on the Illicit Import, Export and Transfer of Ownership of Cultural Property? Jekk iva, meta saret firmatarja u jekk le, jista’ jgħid jekk jaqbilx li Malta ssir firmatarja?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi Malta mhix firmatarja tal-1970 UNESCO Convention on the Illicit Import, Export and Transfer of Ownership of Cultural Property. Madankollu dak rikjest mill-Konvenzjoni diġa jinsab fil-Liġijiet ta Malta Kap 445.
Jista’ l-Ministru jgħid liema entità hija responsabbli sabiex twettaq is-sorveljanza, kontrol u infurzar fuq l-istat nadif u skont ir-regoli tal-iġene tal-bring in-sites li għandna f’pajjiżna?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Iż-Żebbuġ – Belveder – Triq Santa Marija – tender għal xogħlijiet
Question
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 16591 li ngħatat fl-10 ta' Ottubru 2020 rigward 'ix-xogħlijiet li qed jagħmel il-Kunsill taż-Żebbuġ fil-Belveder li jinsab fi Triq Santa Marija gewwa Marsalforn' fejn intqal fit-tweġiba li 'x-xogħol beda iżda minħabba raġunijiet oħra ta’ urġenza l-kuntrattur ma kompliex ix-xogħol b’mod regolari. Hu ppjanat li x-xogħol se jitkompla fil-ġimgħat li ġejjin' u li 'x-xogħlijiet għandhom jitlestew sal-aħħar ta' Diċembru 2020', jista’ l-Ministru jgħid x’kienu r-raġunijiet oħra ta' emerġenza li l-kuntrattur ma komplix ix-xogħlijiet b'mod regolari? Jista’ jgħid jekk tkomplewx ix-xogħlijiet infrastrutturali f'dawn l-aħħar ġimgħat u x'sar fil-konkret? Jista’ jgħid jekk ix-xogħljiet humiex ħa jitlestew sal-aħħar ta' Diċembru 2020?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm inxtraw kotba jew ingħataw b’donazzjoni lil-librerija pubblika ta’ Marsaxlokk tul din is-sena? Jista’ jgħid kemm ġew mislufa kotba?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat illi il-librerija ta’ Marsaxlokk akkwistat 316 ktieb din is-sena f’xiri u donazzjonijiet. 3,159 ktieb ġew mislufa minn din il-librerija.