Legislature:
Category:
Reset
Active:

applikazzjoni għall-faċilità ta' berthing tal-cruiseliners

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk Transport Malta għadhiex tqis l-applikazzjoni għall-faċilità ta' berthing tal-cruiseliners, bħala waħda li għandha tibqa' tiġi pproċessata, f'dik li hi applikazzjoni barra mill-port tal-Imġarr? Liema kienu l-aħħar komunikazzjonijiet li saru mal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar ma' Transport Malta għal din l-applikazzjoni partikolari?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-aħħar korrispondenza bejn Transport Malta u l-MEPA rigward dan il-proġett hija datata Mejju li għadda. Permezz ta’ din il-korrispondenza TM ġiet informata li l-NHAC (Heritage Advisory Committee) ma jirrakkommandax din l-applikazzjoni /proposta. Dawn il-kummenti, magħmula mid-Direttorat tal-Ambjent tal-MEPA ġew mgħoddija lil case officer rispettiv. Għaldaqstant, Transport Malta ma hijiex qed tikkonsidra din l-applikazzjoni għal futur qarib.

Vetturi li kienu jħallsu l-liċenzja biex jidħlu l-Belt Valletta

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta' vetturi li kienu jħallsu l-liċenzja biex jidħlu l-Belt Valletta qabel id-dħul tas-sistema tas-CVA?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-ammont ta' vetturi li bejn l-1 ta' Mejju 2006 u t-30 ta' April 2007 tħallsitilhom il-liċenzja biex jidħlu l-Belt Valletta kien ta' 25,030.

MITA — awditur intern

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk fil-preżent hemmx awditur intern fi ħdan il-MITA? Jekk iva, meta beda jaħdem mal-MITA? Jekk le, jista' jgħid jekk din il-kariga hijiex vakanti u jekk hemmx ħsieb li timtela'?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li fil-preżent fil-MITA il-pożizzjoni ta' awditur intern hija vakanti. Il-proċess biex jintela' dan il-post huwa għaddej bħalissa.

MITA — Data centre ġdid

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux ippjanat li jinfetaħ data centre ġdid tal-MITA? Jista' jgħid fejn se jkun, kemm se tkun l-ispiża u meta se jitlesta x-xogħol? X'se jsir mid-data centre eżistenti?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li minħabba li l-ispazju fiż-żewġ Data Centres preżenti tal-MITA qiegħed jintela, l-MITA qed taħdem fuq proġett biex jinfetaħ ‘Data Centre’ għall-użu tal-Gvern Malti. Il-MITA ġiet allokata proprjeta’ tal-Gvern f’Santa Venera fejn ħa jsir xogħol strutturali għal uffiċini, jiddaħħal l-infrastruttura teknika kif ukoll isir refurbishment sabiex l-operat tan-networks tal-MITA jiġi trasferit f’dan il-bini. Id-‘Data Centre’ il-ġdid huwa imfassal biex jaqdi l-ħtiġijiet ta’ sistemi eżistenti u ġodda ta’ l-ICT, waqt li jassigura faċilitajiet aktar robusti u effiċjenti fl-użu tal-enerġija. Ix-xogħol fuq id-‘Data Centre’ il-ġdid huwa ppjanat li jitlesta sa l-aħħar tal-2010 u l-investiment għal dan il-proġett huwa stmat li se jiswa madwar 8 miljun ewro. Id-Data Centre f’Gattard House ser jibqa’ jintuża sakemm gradwalment l-operat tiegħu jiġi trasferit fid-Data Centre il-ġdid. Id-Data Centre f’Mater Dei ser jibqa’ jintuża kif inhu llum. Din it-tweġiba ġiet ikkoreġuta bid-dokument Nru. 5878 li tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra fis-seduta 287 tat-22 ta' Novembru 2010.

MITA — E-Skills Committee

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta twaqqaf l-e-skills committee fi ħdan il-MITA? Min huwa ċ-chairman u min huma l-membri? Kemm hija r-remunerazzjoni tagħhom? Fuq liema bażi intagħżlu?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-eSkills Alliance Malta twaqqfet fit-13 ta’ Ottubru 2010. Iċ-Chairman ta’ l-Alliance huwa John Ambrogio. Il-Membri tal-Board of Governors huma: 1. Bartolo Ivan 2. Bonello James 3. Cachia Ernest 4. Camilleri Juanito 5. Denaro Victor 6. Farrugia Joe 7. Fearne Keith 8. Grech Claudio 9. Sammut Nicholas 10. Wood John 11. Xuereb Peter Il-Membri tal-Kumitat Eżekuttiv huma: 1. Abela John 2. Camilleri Ray 3. Pace Mario 4. Scerri Roland 5. Xuereb Paul L-uniku membru li ser ikun bi ħlas huwa s-Sur Ambrogio li se jitħallas fuq il-bażi tal-ħin li se jkun qiegħed jagħti din il-ħidma. Il-membri l-oħra kollha huma bla ħlas. Dawn il-membri ntgħażlu minħabba l-pożizzjoni tagħhom u l-esperjenza fl-industrija jew inkella għall-pożizzjoni li għandhom ġewwa l-entità relevanti fil-qasam ta’ l-edukazzjoni u training fit-teknoloġija.

Għawdex — Cruisliners

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm daħlu cruise liners f’Għawdex din is-sena sal-lum? Jista’ jgħid kemm minnhom rabtu mal-baga li tqiegħdet ix-Xlendi? Jista’ jgħid kemm passiġġieri niżlu l-art f’Għawdex mill-cruise liners li daħlu Għawdex?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li matul din is-sena sal-lum 6 cruise liners, b'2962 passiġġieri abbord żaru Għawdex. L-ebda wieħed minn dawn il-vapuri ma uża l-baga li hemm ix-Xlendi għax lkoll ankraw 'il barra mill-port ta' l-Imġarr.

għażla ta' toroq li għandhom jingħataw it-tarmak

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-proċeduri biex jintagħżlu t-toroq li għandhom jingħataw it-tarmak mill-gvern ċentrali? X'jittieħdu inkonsiderazzjoni meta jsir dan? Jittieħdu in konsiderazzjoni kemm fil-lokalità partikolari jkun hemm persentaġġ ta' toroq imfarrkin u kemm hemm toroq ta' livell u stat ħażin qabel ma tintgħażel triq biex tingħata wiċċ ġdid?

Response (GATT, AUSTIN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 19277.

studji dwar toroq mfarrkin

Question

Jista' l-Ministru jippubblika l-istudji li l-Transport Malta għandhom fuq il-livell u persentaġġ tat-toroq li huma mfarrkin f'kull lokal f'Malta u Għawdex?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li Transport Malta għandha lista ta’ toroq li għandhom ħsarat kbar jew għadhom qatt ma’ saru u għalhekk jaqaw taħt responsabbiltà tal-Gvern Ċentrali. Dawn it-toroq qegħdin imsemmija fil-lista mogħtija fir-risposta ta’ PQ 19277 u l-persentaġġ ta’ tkissir f’dawn it-toroq huwa wieħed għoli. Wara li dawn it-toroq jinbnew, jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-kunsill lokali rispettiv u għalhekk aktar informazzjoni fuq toroq li ma jagħmlux parti minn din il-lista għandha tingħata mill-Ministeru kkonċernat.

Dħul mis-CVA

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien id-dħul mis-CVA sena b'sena sa Ottubru 2010? Kemm tħallas il-kuntrattur sena b'sena u kemm baqgħalu jitħallas sa Ottubru 2010?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li d-dħul mis-CVA sa’ Ottubru 2010 huwa kif ġej: · €504,015 – 2007 · €1,096,545 – 2008 · €1,244,589 – 2009 · €1,030,453 – 2010 Il-kuntrattur tħallas kif ġej: · €1,682,396 – 2007 · €1,603,559 – 2008 · €1,376,914 – 2009 · €798,543 – 2010 S’Ottubru 2010 il-kuntrattur kien baqgħalu jitħallas €687,544.42

Imtarfa by-pass — tarmac cracks

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga għaliex reġgħu rriżultaw aktar tarmac cracks fl-Imtarfa by-pass meta suppost skont il-pjan tal-gvern, dawn it-toroq kellhom iservu għal għoxrin sena bla manutenzjoni?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Mosta — Santa Margerita - rotta tal-karozza tal-linja

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex possibbli li l-karozzi tal-linja jibdew jgħaddu iktar ta' spiss miż-żona Santa Margerita fil-Mosta, bħal ngħidu aħna darba kull nofs siegħa u mhux kull siegħa kif inhuma llum? Jaf li f'din iż-żona l-karozza tal-linja tgħaddi biss darba kull siegħa u dan is-servizz jieqaf sas-6.30 ta' fil-għaxija, is-Sibt sa nofs inhar u l-Ħadd ma tmur l-ebda karozza tal-linja, liema rotta u servizz qed joħloq ħafna inkonvinjent lir-residenti meta wieħed għandu jżomm f'moħħu li hemm ħafna bogħod għaċ-Ċentru tal-Mosta jew għal fuq stage fil-qrib?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li bl-introduzzjoni tar-Riforma tat-Trasport Pubbliku fix-xhur li ġejjin, iż-żona ta’ Santa Margerita se tingħata servizz permezz tar-Rotot tal-Mosta, liema servizz se jingħata bi frekwenza ta’ 30 minuta fil-ħinijiet peak. Dan is-servizz se jkun operat kuljum bejn il-5.30 ta’ filgħodu u l-11.00 ta’ bil-lejl.

Żurrieq — Triq il-Warda - motor cycle spaces

Question

Peress li fi Triq il-Warda, iż-Żurrieq hemm parking area ta' żewġ motor cycle spaces u jirriżulta li f'din it-triq m'hemm ħadd li għandu muturi, jista' l-Ministru jgħid humiex illegali jew le peress li t-triq hija dejqa u ħadd mir-residenti ma jista' jipparkja?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li f’Lulju tal-2009 ġew approvati double yellow lines fuq iż-żewġ naħat tal-garaxxijiet fl-imsemmija triq, sabiex tiġi riżolta l-problema ta’ manuvrar għas-sidien tal-garaxxijiet. B’riżultat ta’ dan, l-ispazju li kien għad fadal bejn żewġ garaxxijiet kien ta’ 3.8m biss, li mhux biżżejjed għal parking bay ta’ karozza skont il-policies tal-immaniġġjar tat-traffiku, u għalhekk iż-żewġ motorcycle parking spaces imsemmija ġew rakkmandati sabiex ma jintilifx dan l-istess spazju.

Ħwienet — loading/unloading signs

Question

Jista' l-Ministru jispjega jekk il-ħwienet jistax ikollhom loading/unloading signs? Jekk iva, x'inhi l-proċedura biex il-ħwienet japplikaw għal-loading/unloading signs?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-ħwienet li jikkwalifikaw sabiex ikollhom loading/unloading bays bit-tabelli, huma kif ġej: · Ħwienet li jbiegħu oġġetti ta' white goods · Ħwienet li jbiegħu l-għamara · Ħwienet li jbiegħu jew jikru makkinarju ta' ċertu piż Jistgħu jiġu allokati l oading/unloading bays ukoll għal numru ta' ħwienet (madwar 6) viċin ta' xulxin biex jagħmlu użu minnhom bejniethom. Il- loading/unloading bays dejjem ikunu għal użu ta' iktar minn ħanut wieħed u mhux personalizzati. Il-ħwienet li jikklassifikaw għal l oading/unloading bays jistgħu japplikaw għand il-kunsill lokali rispettiv, sabiex dan jagħmel rakkmandazzjoni formali bid-dokumenti meħtieġa lil Transport Malta għal kunsiderazzjoni tagħha.

Studju dwar il-vetturi li jgħaddu minn ċerti nħawi

Question

Billi matul l-aħħar ġimgħat għal diversi drabi kien hemm persuni li għall-ħin twil kienu qed jieħdu ritratti tal-vetturi li kienu għaddejjin minn fejn ir-roundabout ta' T'Alla u Ommu (kemm dik ta' fuq kif ukoll ħdejn dik t'isfel) u wkoll ħdejn ir-roundabout ta' ħdejn l-Erba Mwieżeb ( qabel titla' l-bypass ta' San Pawl il-Baħar) jista' l-Ministru jindika jekk Transport Malta kenitx qed tagħmel xi studju dwar il-vetturi li jgħaddu minn dawn l-inħawi?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li Transport Malta ma kenitx qed tagħmel xi studju dwar il-vetturi li jgħaddu mill-inħawi msemmija mill-Onor Interpellant.

Bugibba/Qawra — Centri ta' informazzjoni ħdejn il-bus terminuz

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'tip ta' investiment hu mistenni li jsir fil-bus terminus ta' Buġibba/Qawra? Jista' jagħti t-tagħrif jekk fl-istess venda, jew qrib tagħha hux se jinbnew ċentri ta' informazzjoni għall-Maltin/turisti li jinqdew b'dawn il-faċilitajiet?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-investiment li ser jitwettaq ġewwa il-bus terminus ta’ Buġibba ser jikkonsisti f’dan li ġej: · Tibdil ta’ pavimentar; · Faċilitajiet għal mistrieħ tax-xufiera tal-karozzi tal-linja; · Faċilitajiet sanitarji; · Kostruzzjoni ta’ numru ta’ bus bays; · Asfaltar; · Bus Shelters kif ukoll twaħħil ta’ bankijiet għal dawk il-persuni li jkunu qegħdin jistennew biex jirkbu il-karozza tal-linja; · Għal raġunijiet ta’ sigurtà, għal min ikun qiegħed juża’ din il-faċilità, se jitwaħħlu railings; · It- terminus se jiġi mdawwal b’dawl apposta. Din il-faċilità se tkun aċċessibli għal persuni b’diżabilità. Dan il-proġett huwa mistenni li ser jiġi jiswa madwar € 240,000. Ninsab infurmat ukoll li ġewwa t-terminus ser ikun hemm l-informazzjoni kollha fuq ir-rotot li jgħaddu minn ġewwa dan it-terminus, kif ukoll il-ħinijiet.

Valletta — karozzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-pjan tal-gvern ta' Malta biex jonqsu aktar il-karozzi milli jidħlu l-belt kapitali Valletta? Huwa minnu li hemm ħsieb li jogħlew it-tariffi biex tidħol il-belt Valletta? Huwa minnu li hemm il-ħsieb li jitbiddlu l-kundizzjonijiet biex tidħol il-belt Valletta?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru tiegħi se jibda diskussjonijiet ma’ setturi interessati biex ikunu ndirizzati problemi ta’ kwalità tal-arja fil-lokalitajiet fejn dawn jeċċedu l-livelli massimi permessi mir-regolamenti Ewropej dwar din il-materja. Waħda minn dawn il-lokalitajiet hi l-Belt Valletta u t-toroq li jwasslu għaliha. Is-CVA tista’ tkun għodda biex tindirizza dawn il-problemi iżda s’issa għad ma ttieħdu l-ebda deċiżjonijiet speċifiċi tan-natura li qed jiddeskrivi l-Onor. Interpellant.

Tranport Malta — ħsejjes tax-xogħol fuq il-vapuri fil-moll

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex Transport Malta mhux qed tieħu l-passi meħtieġa biex darba għal dejjem jieqfu l-ħsejjes tax-xogħol li qed isir fuq vapuri fil-moll il-ġdid ħdejn il-klabb tar-regatta tal-Isla b'konsegwenza ta' ħafna inkonvenjenza lir-residenti fi Triq is-Sur u l-inħawi tal-madwar?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li Transport Malta ħadet il-passi neċessarji biex twaqqaf ix-xogħol li kien qiegħed isir fuq vapur u li kien qiegħed jikkawża ħsejjes kbar u li kienu ta’ nkonvenjent għar-residenti. Transport Malta ħadet konjizjoni ta’ l-ilmenti mir-residenti u fil-futur se tkun aktar viġilanti qabel ma tilqa’ talbiet mill-vapuri sabiex jagħmlu xi xogħol abbord.

Reġistru Pubbliku — revenue u expenditure

Question

Jista' l-Ministru jagħti breakdown dettaljat sena b'sena tad-dħul (revenue) u ħlasijiet (expenditure) li saru mir-Reġistru Pubbliku lill-kumpanija privata li kienet tipprovdi servizzi ta' riċerki notarili sena b'sena mill-1999 sal-2010 sakemm il-Gvern ħa dan is-servizz fil-kontroll tiegħu?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.