Legislature:
Category:
Reset
Active:

Sptar Mount Carmel – Rapport dwar abbużi fil-pagi u overtime tal-ħaddiema

Question

Fid-dawl tar-rapport tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) dwar abbużi fil-pagi u overtime tal-ħaddiema fl-Isptar Mount Carmel, jista' l-Ministru jgħid jekk humiex ser jittieħdu passi biex dak li ġie mħallas żejjed jittieħed lura?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15535.

Renal Unit – Sodod antiki

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex ma nbidlux is-sodod tar-Renal Unit, anke wara rapporti li dawn is-sodod huma antiki wisq u qed iwasslu għal kura ta' kwalità inferjuri lill-pazjenti li jgħaddu ħin twil fuqhom?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li ma jirriżultax li ġewwa ir-Renal Unit tal-isptar Mater Dei hemm xi problemi bis-sodod.

Spettorat tas-Saħħa – Studju rigward ġrieden fit-toroq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Ispettorat tas-Saħħa hux qed jagħmel studji rigward l-ammont kbir ta' ġrieden li qed jiġu nnutati f'diversi toroq f'Malta? Fejn qed isiru? X'azzjoni ttieħdet?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15006.

Ċentri tas-Saħħa — Tobba

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk jaqbilx li ċ-Ċentri tas-Saħħa jibdew jinfetħu bil-preżenza ta' tabib għal aktar ħin matul il-ġimgħa u fil-weekend?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed issir ħidma mis-servizz tal-Kura Primarja biex jiżdiedu l-klinici ta’ kura fil-komunità li joffru servizz ta’ tabib.

Renal Unit — Psychological support – Waiting list

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hi twila l-waiting list għal psychological support fir-Renal Unit?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li l-każijiet ġewwa r-Renal Unit jiġu eżaminati minn Psikologi u jingħataw appuntament skond l-urġenza tal-każ. B’hekk m’hemmx listi ta’ stennija għal psychological support fir-Renal Unit ġewwa l-isptar Mater Dei.

San Pawl il-Baħar – Klinika tal-Komunità

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslet is-sejħa għall-offerti għall-kiri ta' sit għall-klinika fil-komunità f’San Pawl il-Baħar? Ir-residenti ta' liema żoni ser ikunu jistgħu jagħmlu użu mis-servizzi f’din il-klinika? Jista' jgħid ukoll jekk ġewx mitfugħa offerti għas-sejħa tal-offerti li ġiet ippubblikata fid-19 ta' Ottubru 2023? Jekk iva, kemm-il offerta ġiet mitfugħa u liema ġiet aċċettata u x’kienet ir-raġuni għala l-oħrajn ma ġewx aċċettati? Jekk le, x’azzjoni ser tkun qiegħda tittieħed biex jinstab post għall-użu ta’ klinika fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li s-sejħa għal kiri ta’ sit fiż-żona ta’ San Pawl il-Baħar / Burmarrad / Xemxija kienet ġiet ippubblikata tliet darbiet konsekuttivi. L-ebda offerti ma ġew mitfugħa. Waqt li l-klinka prinċiparjament tkun taqdi lir-residenti ta’ San Pawl il-Baħar u tal-madwar, din ikun jista’ jagħmel użu minnha kulħadd bl-appuntament. Il-Primary HealthCare qed tfittex l-appoġġ ta’ aġenti tal-proprjetà biex jinstab sit f’din iż-żona.

Kliniċi tal-Gvern

Question

Jista’ l-Ministru jipprovdi lista ta’ kliniċi tal-Gvern li huma miftuħa u qegħdin joperaw? Jista’ l-Ministru jgħid liema żoni/lokalitajiet jistgħu jagħmlu użu mis-servizzi ta’ kull waħda minn dawn il-kliniċi?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li l-lista ta’ ċentri tas-saħħa u kliniċi tal-Gvern li huma miftuħa u qegħdin joperaw hija kif ġej: Paola Cospicua Kirkop Mosta Rabat B’Kara Floriana Qormi Gzira Victoria (Għawdex) Xewkija (Għawdex) Pietà Attard Sliema Żabbar Żejtun Mellieħa Żurrieq Fgura Għaxaq Gudja Marsaxlokk Kalkara Valletta Santa Luċija Marsasakala Tarxien Ħamrun Għarb (Għawdex) Iklin Dingli Ta’ Xbiex Infurmat ukoll li peress li l-Primary HealthCare għandha sistema elettronika ta’ kif tinżamm il-dokumentazzjoni medika dwar il-pazjent, liema sistema hija mifruxa mal-kliniċi kollha li jaqgħu taħt l-umbrella tal-Primary HealthCare, il-pazjent jista’ jinqeda minn kullimkien.

Mellieħa, Naxxar, u San Pawl il-Baħar — Kliniċi tas-saħħa mentali

Question

Jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni dwar kliniċi tas-saħħa mentali li jservu fil-lokalità tal-Mellieħa, Naxxar, u San Pawl il-Baħar u għal kull waħda minn dawn il-kliniċi jgħid: i. X'inhu l-indirizz tal-klinika? ii. X'inhuma l-ġranet u ħinijiet tal-ftuħ? iii. Kemm hemm staff, u jekk dawn humiex full time jew part time u liema professjoni/xogħol iwettqu? iv. X'inhi l-catchment area? u v. X'servizzi jingħataw?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li qed jingħataw servizzi ta’ kura għas-saħħa mentali minn diversi kliniċi tas-saħħa fosthom mill-Mosta, Naxxar, San Pawl il-Baħar u l-Mellieħa. Infurmat li l-għan ewlieni tal-klinika fil-Mosta hu li tagħti kura ta’ kwalità tajba, xierqa, pożittiva u ħolistika fil-komunità lil persuni li jbatu minn problemi fis-saħħa mentali, b’hekk jonqos in-numru ta’ persuni li jidħlu fl-isptar Monte Karmeli għal kura iktar intensiva. Servizzi oħra rigward is-saħħa mentali li tagħti din il-klinika apparti minn l-appuntamenti tat-tabib huma: sessjonijiet psikoloġiċi, sessjonijiet fuq immaniġjar tal-mediċini, tilqim tad-depots, teħied ta’ demm u oħrajn. Intant fin-Naxxar, San Pawl il-Baħar u Mellieħa jsir assessjar u terapija psikoloġika fuq bażi individwali kif ukoll bħala familja. Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-catchment area hija hekk kif ġej: Mosta, Naxxar, Madliena, Mellieħa, Għargħur, Mġarr, Mselliet, Qawra, Buġibba, San Pawl il-Baħar, Burmarrad u Xemxija. Intant, ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li fil-Mosta hemm Charge Nurse, 2 Senior Staff Nurses, u Senior Health Carer. Dawn huma kollha impjegati fuq bażi full time. Intant fin-Naxxar, San Pawl il-Baħar u l-Mellieħa hemm 8 professjonisti tal-piskoloġija li joffru ġurnata fil-ġimgħa. Għall-kumplament tal-informazzjoni nirreferi lill-Onor. Interpellant għal-informazzjoni li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva — Entitajiet li għandhom CEO

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx entitajiet, aġenziji jew awtoritajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu li għandhom CEO? Jekk iva, jista’ jgħid liema huma u min hu/hi s-CEO? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratt ta’ meta ħa/ħadet il-pożizzjoni u jgħid jekk jagħmlux xi xogħol ieħor bħala negozju jew jipprattikaw professjoni privatament waqt li qed jokkupaw il-pożizzjoni ta’ CEO?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 14437.

Djar tal-Anzjani — spiża għal pazjenti rikoverati

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 10877 li saret fil-5 ta’ Lulju 2023 u jgħid kemm hi l-medja tal-ispiża għal kull pazjent rikoverat fir-Residenza San Vinċenz de Paul jew fi djar oħrajn tal-anzjani tal-istat? Kemm qed jiswa lill-Gvern kull pazjent li qed jintbagħat fi djar tal-anzjani privati?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lil Onor. Interpellant li l-ispiża medja għal kull pazjent rikoverat fir-Residenza San Vinċenz de Paul hija ta’ €155 kuljum.

Sptar Mater Dei u Sptar Ġenerali — pazjenti li qed jistennew biex jiġu trasferiti fi djar tal-anzjani

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10878, jista’ l-Ministru jgħid kemm hi l-medja tal-ispiża rikorrenti fuq kull pazjent rikoverat fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u fl-Isptar Mater Dei, liema pazjenti qegħdin jistennew biex jiġu trasferiti f’xi dar tal-anzjani jew f'San Vinċenz De Paul?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li l-medja tal-ispiża rikorrenti fuq kull pazjent rikoverat fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, li qegħdin jistennew biex jiġu trasferiti f’xi dar tal-anzjani hija ta’ €256.23 kuljum. L-ispiża medja ta’ sodda ġerjatrika fl-isptar Mater Dei hija ta’ €180 kuljum iżda dan l-amont jiżdied skont it-trattament li pazjent ikun qed jirċievi.

Raħal Ġdid – Triq u żona ta’ Santa Ubaldesca — Rapporti ta’ rwejjaħ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm rapporti persistenti ta’ intejjen fit-triq u ż-żona relattiva ta’ Santa Ubaldesca, f’Raħal Ġdid billi l-ġirien qegħdin ibatu ħafna?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li d-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali ma irċievha l-ebda ilment relatat ma’ irwejjaħ fit-Triq Sant Ubaldesca Raħal Ġdid u fit-toroq tal-madwar matul is-sena 2023 sal-llum. Minn wara li saret din il-mistoqija parlamentari, uffiċjali minn dan id-Direttorat spezzjonaw din t-triq u t-toroq tal-madwar f’diversi ġranet u f’ħinijiet differenti iżda fl-ebda ħin ma’ ġiet nnutata xi forma ta’ riħa. Matul l-investigazzjoni l-uffiċjali staqsew ukoll lil numru ta’ residenti u kollha qalu li qatt ma xammew xejn. Saru spezzjonijiet ukoll fil-fond fejn jarma l-monti u ma ġiex innutat li kien hemm irwejjaħ. Fit-triq ta’ Sant Ubaldesca lanqas hemm kalvert tal-ilma tax-xita allura ġiet eleminata l-possibilta` li dawn il-kalverts tal-ilma tax-xita jistgħu irejħu.

Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva — Deputati tal-Gvern

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 16000 u jgħid min kien/kienu d-Deputati tal-Gvern li minn April 2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kienu/huma jagħmlu parti min xi kumitati, panels u bordijiet fejn il-Gvern għandu b'xi mod interess minoritarju jew maġġoritarju, fid-dekasteru li għalih hu responsabbli u jekk hemm persuni identifikati, jiġi indikat fejn kienu/qiegħdin iservu, il-kariga li kienu/li qed jokkupaw, id-data tal-ingaġġ ta' dawn il-persuni, id-data sakemm baqgħu ngaġġati dawn il-persuni, b'liema mod kienu impjegati (jekk hux b’sejħa pubblika, minn Ministru eċċ.) u kemm kien/hu l-pakkett finanzjarju/honoraria tagħhom? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-attendenza tax-xogħol tagħhom, ta’ kemm-il darba attendew fil-kumitat/bord/panels u kemm tħallsu jekk jitħallsu per sitting u l-ammont li tħallsu annwali?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpelant li l-informazzjoni qed tinġabar.

Covid-19 – Studju

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16067, dwar studju fuq l-effetti tal-Covid-19, jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija fl-intier tagħha u allura jagħti informazzjoni dwar jekk f'pajjiżna sarx xi studju dwar diżabilitajiet li rriżultaw minħabba l-injezzjonijiet tal-Covid-19? Jista’ jgħid ukoll jekk sarux xi studji f’Malta, dwar effett long term fuq il-persuni li salvaw wara li kienu pazjenti tal-Covid-19? Jekk le, jista' l-Ministru jikkunsidra li jsiru studji f'dan ir-rigward?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Kif ġie spjegat fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari nru 16067, l-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva għadu jisħaq mat-tobba kollha sabiex jirrappurtaw effetti kollaterali (side-effects) suspettati bħala relatati mal-amministrazzjoni ta' mediċini jew tilqim lill-Awtorita' għall-Mediċini permezz tas-sistema eżistenti ta' Farmakoviġilanza li ilha fis-seħħ għal diversi snin. Ir-rapporti magħmula lill-Awtorita' għall-Mediċini jgħaddu lill-Aġenzija tal-Mediċini Ewropeja (European Medicines Agency, EMA) ma' dawk rrappurtati f'pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropeja. Dan jippermetti l-istess Aġenzija biex tagħmel analiżi aktar robusta minn dik li tista' ssir biss fuq persuni residenti f'pajjiż żgħir bħal Malta. Studju ppubblikat reċenti mill-Għaqda Dinjija għas-Saħħa u kkwotat mill-ġurnal mediku British Medical Journal, ikkonkluda li t-tilqim kontra l-COVID-19 wassal għal 57% anqas mwiet minħabba l- pandemija tal-COVID-19 fir-reġjun Ewropew bejn Diċembru 2020 u Marzu 2023. L-istudju jirrapporta wkoll li f'Malta din il-figura tlaħħaq saħansitra 72% - it-tieni l-ogħla pajjiż wara l-Iżrael. Fost il-kontributuri għal dan l-istudju, wieħed isib l-Infectious Diseases Control Unit (IDCU) fi ħdan is-Supritendenza tas-Saħħa Publika fil-Ministeru tas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva li ilu jikkontribwixxi d-data li ntużat għal dan l-istudju Ewropej sa mill-bidu tal-pandemija.

Sensory Integration Therapy Centre – Servizz ta’ Feeding

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16381 dwar is-servizz tal-feeding fis-Sensory Integration Therapy Centre (SITC), jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija fl-intier tagħha u jgħid jekk dan is-servizz ġiex sospiż minħabba nuqqas ta' provvisti? Jekk iva, liema kienu dawn il-provvisti?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant tirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16381.