Jista' l-Ministru jagħti d-dettalji ta’ kif il-fond li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament ġie rekwiżizzjonat? Jaf li din ir-rekwiżizzjoni kienet ħarġet b’abbuż waqt proċeduri ta’ żgumbrament peress li d-dar li tiswa ħafna flus kienet qed tiġi okkupata minn squatter?
Fid-dawl tas-Sentenza Fleri Soler v. Malta deċiża mill-Qorti ta’ Strassbourg jidhirlu li l-Gvern għandu jikkumpensa lill-proprjetarji ġustament għall-preġudizzju inġust li sofrew?
Response (DALLI, JOHN)
Ninsab informat li l-fond li għamel referenza għalih l-Onor. Interpellant ġie rekwiżizzjonat fl-14 ta’ April 1987 u ġie allokat mid-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali fit-30 ta’ April 1987.
Mir-rekords tad-Dipartiment jidher li l-persuna li ġie allokat lilha l-fond ma kienetx tgħix fiħ qabel dan ġie allokat lilha hu għalhekk ma tistax titqies li kienet squatter.
Ninsab infurmat ukoll li derekwiżizzjoni li kienet ħarget f’Ġunu 1987 ġiet imħassra permezz ta’ rekwiżizzjoni li nħarġet fuq struzzjonijiet li kienu ngħataw qabel ma bdew il-proċeduri legali mis-sid tal-fond.
Mhux xieraq li f’dan l-istadju nikkummenta dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija meta s-Sentenza li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant qed tiġi kkunsidrata.
Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' — Investigazzjoni
Question
B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 1263, jista' l-Ministru jinfurmani x'inhu l-eżitu ta' l-investigazzjoni tal-Kummissjoni KNPD?
Response (DALLI, JOHN)
Ninsab infurmat li mill-investigazzjoni li saret irriżulta lill-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilita’ li r-rampi in kwistjoni saru għall-shoping carriers u li twaħħlu sinjali li jindikaw dan il-fatt.
Irriżulta wkoll li t-triq hi kollha taraġ u li mhux teknikament possibli li jsiru rampi għall-użu ta’ persuni skond il-Linji Gwida tal-Kummissjoni.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk id-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika waslulux rapporti li numru ta’ nies qed jiġbru ikel bħal tiġieġ iffrizat li jintrema minn supermarket barrani li fetah dan l-aħħar f’numru ta’ lokalitajiet u li dan l-ikel jista’ jkun qed jintuża għal konsum uman b’dertriment għas-saħħa pubblika? Jekk it-tweġiba hija fl-affermattiv, x’passi ttieħdu mill-Ministeru biex jiġi assigurat li dan mhux qed iseħħ?
Response (DALLI, JOHN)
Ninsab infurmat li matul din is-sena, waslu erba’ lmenti lid-Dipartiment għal Saħħa Ambjentali dwar supermarket barrani li fetaħ dan l-aħħar f’Ħal-Luqa, San Ġwann u Sta.Venera. L-ilmenti kienu dwar allegazzjonijiet li nies kienu qegħdin jiġbru ikel minn ġo l-iskips f’ Sta. Venera (żewġ ilmenti), f’Ħal-Luqa (ilment) kif ukoll San Gwann (ilment).
B’ikel qed nirreferu għal ikel bħal ħaxix u frott mħassar, mhux għal tiġieġ iffriżat jew laħmijiet oħra li l-operatur ta’ l-istabbilimenti ndikat jiddisponi minnhom skond kif titlob il-Liġi minn operatur speċifiku ġo skips għal ta’ l-apposta.
Minn investigazzjonijiet li saru minn uffiċjali għal Saħħa Ambjentali waqt il-ħin tax-xogħol ma nstabet l-ebda persuna tagħmel kif ġie allegat. L-operatur ta’ l-istabbilimenti ġie nfurmat biex l-iskips jiġu mssakra b’katnazzi wara l-ħin tax-xogħol biex jiġi eliminat kull probabilta’ li dan jista’ jiġri matul il-lejl.
Saru ukoll spezzjonijiet matul il-lejl mill-istess uffiċjali bl-assistenza tal-pulizija u l-ebda persuna ma ġiet tiġbor affarijiet ta’ ikel minn dawn l-iskips.
Ma wasal l-ebda lment għand id-Dipartiment għal Saħħa Ambjentali minn xhar u nofs ilu sa’ llum.
Jista’ l-Ministru jgħid liema liġi tiġi applikata biex persuni li jkunu għaddew minn operazzjoni ta’ gender re-alignment ma jkunux jistgħu jiżżewwġu lil persuni tas-sess oppost ġaladarba l-istat jagħraf uffiċjalment l-istatus ġdid tagħhom?
Response (DALLI, JOHN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm, sena b’sena fl-aħħar 5 snin, żgħażagħ ta’ bejn it-12 u s-16-il sena attendew il-GU Clinic fl-Isptar Boffa u nstabu li qed ibatu minn mard li jittieħed mis-sess (STDs)?
Response (DALLI, JOHN)
Informat hekk :-
Sena
Numru ta’
Żgħażagħ li attendew il-GU Clinic
Numru ta’ żghażagh li nstabu li qed ibatu minn mard li jittieħed mis-sess
2003
15
14
2004
37
17
2005
38
27
2006
31
27
2007
40
20
Jista’ l-Ministru jqabbad lil min jinvestiga jekk il-ħsejjes li l-Hompesch Steel ġewwa Ħaż-Żabbar qed tagħmel humiex accettabbli u skond ir-regoli ta’ l-UE minħabba li qed ikunu ta’ inkonvenjent kbir għar-residenti?
Response (DALLI, JOHN)
Nitlob lill Onor. Interpelleant sabiex jirreferi l- mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid min huwa responsabli li jara li l-bajjiet ikunu tajbin għall-għawm? Kemm-il kampjun ta' ilma jittieħed sabiex jiġi vverifikat li t-tali bajja hija nadifa? Kemm-il kampjun jittieħed u jiġi eżaminat biex jibqa' assigurat li dik l-istess bajja tibqa' tajba għall-għawm matul l-istaġun tas-sajf?
Response (DALLI, JOHN)
Ninsab informat li għal fini tal-provedimenti tad-direttiva ta' l-Unjoni Ewropea 79/160/KKE għal kwalita ta' ilma baħar, ir-responsabilita hija maqsuma bejn d-Dipartiment għal Saħħa Ambjentali f'ħdan id-Diviżjoni tas-saħħa fir-rigward għal parametri microbioloġiċi u d-Direttorat għall-Awtorita' għall-Ambjent u l-Ippjanar fir-rigward għal parametri kemikali.
Kif diġa ġie spjegat f'Mistoqsija 1599, kampjuni ta' l-ilma baħar jinġabru kull ġimgħa tul it-23 ġimgħa ta' l-istaġun uffiċċjali minn 87 sit madwar Malta, Għawdex u Kemmuna. Fejn u meta ikun hemm il-bżonn, kampjuni addizzjonali jittieħdu anki matul s-Sibt u l-Ħadd u festi pubbliċi biex jiġi assigurat li l-kwalita' ta' l-ilma baħar tkun skond dawk il-livelli rikjesti mill-istess direttiva.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 1225 u jgħid kemm iddaħħlu pazjenti l-emerġenza wara li waqgħu mill-għoli matul is-sena 2007? Kemm minn dawn kellhom bżonn operazzjoni minħabba ksur fl-għadam? Kemm minn dawn saritilhom operazzjoni f'dik il-ġurnata stess? Kemm minn dawn tħallew jistennew għal aktar minn ġurnata sabiex ġew operati? Kemm tħallew jistennew dawk li ma ġewx operati mill-ewwel?
Response (DALLI, JOHN)
Ninsab informat li m'huwiex possibli tinġabar l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid x'kien in-numru ta' persuni barranin li għamlu użu minn xi servizz tas-saħħa din is-sena? X'kien is-servizz offrut?
Response (DALLI, JOHN)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
M’huwiex eskluż li l-istess persuna setgħat għamlet użu ta’ xi servizz aktar minn darba. Il-figuri mogħtija fit-Tabella li ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra jirreferu għan-numru ta’ episodji u mhux għal persuni.
Jista' l-Ministru jara jekk l-anzjan, li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, għandux jieħu arretrati ta' meta kien jaħdem mal-Gvern Ingliż?
Response (DALLI, JOHN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħti parir lill-persuna konċernata li tmur l-Uffiċċju Distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali li jkopri l-lokalita' tagħha, jew iċċempel SPIC fuq freephone numru 159, biex tingħata l-informazzjoni u l-għajnuna meħtieġa.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' applikazzjonijiet pendenti għat-tkabbir, jew bini ġdid, ta' ċimiterji f'Malta u f'Għawdex? F'liema lokalitajiet huma ċ-ċimiterji li qed jiġu proposti li jiġu estiżi? Fejn hemm talbiet pendenti biex jinbnew ċimiterji ġodda, skond il-MEPA?
Response (DALLI, JOHN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi d-Dipartiment għal Saħħa Ambjentali, fi ħdan il-Ministeru għal Politika Soċjali, irċieva żewġ applikazzjonijiet għall-bini ta’ ċimiterji ġodda f’Malta. Waħda mill-applikazzjonijiet hija għall-bini ta’ ċimiterju f’Tar-Raddieni, Birkirkara u l-oħra għall-bini ta’ċimiterju ġdid f’Tal-Brija, limiti tas-Siġġiewi.
Dan id-Dipartiment qiegħed jistenna wkoll il-ħruġ tal-permess tal-MEPA sabiex ikun jista' jiżdied in-numru ta’ oqbra fiċ-ċimiterju Omm il-Hniena, fil-Mellieħa.
Applikazzjoni oħra li dan id-Dipartiment jaf li għadha trid tiġi kkunsidrata mill-MEPA, għaliex intalbu il-veduti tad-Dipartiment dwarha, hija l-applikazzjoni għat-tkabbir taċ-ċimiterju tal-Lhud fil-Marsa.
F’Għawdex, m’hemm l-ebda applikazzjoni pendenti għall-bini ta’ ċimiterju ġdid jew għall-estensjoni ta’ xi ċimiterju eżistenti. Madankollu, ċimiterju ġdid qiegħed jinbena f’Għajn il-Qasab, fin-Nadur. Dan il-bini għadu fl-ewwel stadji. Għaddej ukoll ix-xogħol fuq l-estensjoni ta’ parti miċ-ċimiterju tal-parroċċa tax-Xagħra.
Għal aktar dettalji dwar xi applikazzjonijiet oħra pendenti li jista' hemm għall-konsiderazzjoni tal-MEPA, l-Onorevoli Interpellant huwa mistieden jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid jekk in vista ta' l-aħħar direttiva ta' l-Unjoni Ewropea li, kontra dak li qed jiġi riklamat, ebda prodott sun block ma jagħti protezzjoni totali, l-ispiżjara jew bejjiegħa li jbiegħu tali prodotti kenux mitluba biex jispjegaw dan lill-konsumatur kif fil-fatt qed isir f'pajjiżi oħra fosthom l-Italja?
Response (DALLI, JOHN)
Informat li meta l-Unjoni Ewropea ħarget id-direttiva dwar is-sun block, id-Dipartiment għall-Promozzjoni tas-Saħħa u Prevenzjoni ta’ Mard kien ħareg Press Release biex jinforma lill-pubbliku dwar dan. Il-kampanja ta’ dik is-sena dwar il-ħsara mix-xemx ukoll kienet tinkludi informazzjoni u identifikat id-differenza bejn sun block u sun cream. Kienet ukoll intbagħtet ittra lill-ispiżjara fejn ġiet spjegata id-direttiva. Il-bejjiegħa li m’humiex spiżjara ġew milquta biss bil-kampanja mmirrata lejn il-pubbliku u mhux direttament. Barra minn hekk, hija parti mill-irwol professjoinali ta' l-ispiżjar li jagħti pariri dwar il-protezzjoni tas-saħħa lil kull min imur fl-ispiżerija.
Jista' l-Ministru jgħid kemm iddaħħlu nies b'dehydration kull sena fl-isptarijiet ġenerali ta' pajjiżna għal dawn l-aħħar erba' snin? Kemm minnhom kienu tarbi taħt is-sena? Kemm minnhom kienu anzjani 'l fuq minn 60 sena? Kemm minn dawn li daħlu l-isptar eventwalment mietu minħabba l-kundizzjoni tagħhom?
Response (DALLI, JOHN)
Fit-tabella hawn taħt qegħda tingħata l-informazzjoni dwar in-numru ta’ każijiet li ddaħħlu fl-iSptarijiet San Luqa/Mater Dei matul il-perjodu indikat fejn il-pazjent kellu ‘dehydration’ (ICD-10 codes: E86 and P74.1), kif ukoll in-numru ta’ pazjenti li eventwalment mietu.
Sena
Numru ta’
Pazjenti
Pazjenti
- 1 sena
Pazjenti
+ 60 sena
Numru ta’ Pazjenti li eventwalment mietu
2004
129
1
93
10
2005
148
3
115
23
2006
164
11
95
15
2007
153
5
89
14
Ta' min wieħed jinnota li kull pazjent li jiddaħħal l-isptar b'
dehydration
, f'bosta każi jkun kaġun ta' problemi jew mard ieħor. Normalment il-pazjent ma jmutx minħabba d-
dehydration
, imma minħabba dik il-marda li tikkawżha. Wieħed jista jinkudi bħal infezzjoni fis-sider, kanċer, diarrhoea u ħafna mard ieħor.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hummx il-ħsieb li fir-Rabat, jew l-inħawi tiegħu, jinbena ċimiterju ġdid jew jiġi mkabbar xi wieħed eżistenti?
Response (DALLI, JOHN)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi għalkemm fil-preżent m’hemm xejn ippjanat rigward it-tkabbir jew bini ta’ xi ċimiterju ġdid fir-Rabat, mhux eskluża l-possibilita’ li fil-futur tittieħed f’konsiderazzjoni li xi ċimiterji fl-inħawi msemmija, jiġu riabilitati.
Jista' l-Ministru jara l-każ ta' omm armla ta' eta' żgħażugħa, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li għandha tlett itfal u ilha li applikat għal akkomodazzjoni soċjali xi sentejn ilu? Jista' jgħid kemm għandha punti f'din l-iskema u wara kemm-il persuna trid tistenna?
Response (DALLI, JOHN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħti parir lill-persuna konċernata li tmur it-taqsima tal-Customer Care ta’ l-Awtorita’ tad-Djar biex tingħata l-informazzjoni u l-għajnuna possibbli.
Jista' l-Ministru jgħid meta saru l-aħħar studji/riċerki f'Malta u Għawdex dwar l-obesita' fost il-popolazzjoni? Jekk fl-affermattiv, x'kien ir-riżultat ta' tali studju/riċerki li saru fuq irġiel, tfal u nisa? Kif tali riżultat hu pparagunat ma' riżultati ta' studju/riċerki li saru l-aħħar minn pajjiżi barranin jew mill-Unjoni Ewropea jew mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa? X'inhu l-impenn tal-gvern biex l-irġiel, in-nisa u t-tfal ikunu edukati ħalli jieklu bil-qies u ikel tajjeb għalihom u għalhekk ma jkunx hemm ħxuna żejda?
Response (DALLI, JOHN)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru għid jekk il-liġi kontra t-tipjip tipprojbixxix dan milli jsir fil-pubbliku, fuq il-postijiet tax-xogħol u f'negozji? Jekk fl-affermattiv, kif qed tiġi nfurzata l-liġi u x'kienu r-riżultati? Hemm il-ħsieb li jiżdieidu l-ambjenti mingħajr duħħan u l-pieni biex fost oħrajn ikunu protetti dawk li ma jpejpux fosthom it-tfal?
Response (DALLI, JOHN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-Regolamenti ta' l-2004 dwar it-Tipjip f'Postijiet Miftuħin għall-Pubbliku li ġew fis-seħħ f'Settembru ta' l-2004, jipprojbixxu li jsir tipjip f'xi fond magħluq kemm privat kif ukoll pubbliku li jkun miftuħ għall-pubbliku. Tipjip f'dawn il-postijiet jista' jsir biss fi kmamar msemmija fejn jista' jsir tipjip u dawn l-istess kmamar għandhom jkunu skond kriterji maħruġa mill-Awtorita' ta' Malta dwar l-Istandards kif ukoll approvati mis-Suprintendent tas-Saħħa Pubblika.
L-istess Regolamenti jgħidu li ebda persuna m'għandha tpejjep f'xi żona fejn isir ix-xogħol, ħlief anke f'dan il-każ, tipjip jista' jsir biss fi kmamar msemmija fejn jista' jsir tipjip. Sa’ llum l-uniċi
standards
uffiċċjali li ħarġu huma dawk li jirregolaw, kmamar għat-tipjip ġo stabilimenti ta’ l-ikel.
Dawn ir-regolamenti qed jiġu nfurzati kemm mill-Ispettorat tas-Saħħa Ambjentali fi ħdan il-Ministeru tal-Politika Soċjali kif ukoll mill-Pulizija. L-ispezzjonijiet mill-ispettorat tas-Saħħa Ambjentali jsiru kemm waqt il-ħin normali tax-xogħol kif ukoll f'ħinijiet wara l-ħin normali u dan anke wara xi lmenti li l-istess Dipartiment jirċievi li ċerti sidien ta' stabbilimenti jkunu qed jippermettu li jsir tipjip fl-istabbilimenti tagħhom. Meta waqt l-istess spezzjonijiet jinstab ksur ta' dawn ir-Regolamenti jittieħdu passi legali kontra l-persuna responsabbli ta' l-istabbiliment. Il-figuri t'hawn taħt juru n-numru ta' nies li ġew imħarka mill-2005 sa' llum.
Sena
Numru ta’ Ċitazzjonijiet
2005
21
2006
37
2007
7
Sa’ Ġunju 2008
8
Dwar l-aħħar parti tal-mistoqsija nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Att dwar il-Kontroll tat-Tabakk jipprojbixxi li ebda persuna ma tista' tbiegħ jew tawtorizza li jsir bejgħ ta' prodotti tat-tabakk fi skejjel, kulleġġi jew ġo istituzzjonijiet edukattivi. Kif ukoll huwa projbit li jiġi offrut għall-bejgħ ħelu li jkollu xebħ ma’ prodotti ta’ tabakk. Preżentament m’hemmx ħsieb illi jiżdiedu l-pieni maħruġa taħt dan il-Att.
Dwar in-numru ta’ ċitazzjonijiet maħruġa mill-Pulizija fuq dan ir-rigward, nissuġerixxi li l-Onorevoli Interpellant jirreferi lill-Ministru kkonċernat.