Legislature:
Category:
Reset
Active:

Sport tat-trobbija tal-ħamiem

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk kien hemm żviluppi fuq diversi talbiet minn dilettanti ta l-isport tat-trobbija tal-ħamiem biex din l-attività sportiva tiġi regolata? Hija konxja l-Ministru li minħabba dan in-nuqqas ta' regolamentazzjoni qed jirriżultaw vertenzi bejn id-dilettanti u n-nies li jgħixu fil-madwar li wasslu biex numru ta' dilettanti kellhom iżarmaw mit-trobbija tal-ħamiem?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-issues pendenti li għandhom id-dilettanti tal-ħamiem huma mal-MEPA. Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Sejħiet fuq il-hotline għall-abbużi tat-tfal

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm irċieva sejħiet fuq il-hotline għall-abbużi tat-tfal l-uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal matul is-snin 2008 u 2009? X'tip ta' abbużi kienu qed jirrapurtaw dawn is-sejħiet? X'passi ttieħdu dwarhom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-hotline għall-abbużi tat-tfal ma jagħmilx parti mill-uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal.

Talba mill-kapijiet tal-iskejjel biex tfal jiġu statemented

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm tfal bħalissa li qed jistennew li jiġu statemented wara li saret talba mill-kapijiet tal-iskejjel biex jingħataw għajnuna? Kemm ilhom jistennew?

Response (CRISTINA, DOLORES)

In-numru totali ta’ tfal li bħalissa qed jistennew li jiġu statemented huwa ta’ 908, li huma mill-iskejjel tal-Gvern, tal-Knisja u dawk indipendenti. Minn dawn hemm min ilu jistenna kważi tliet snin imma dan ma jfissirx li mhux qed jingħataw l-għajnuna li għandhom bżonn. Dawn diġà qed jibbenefikaw mir-riżorsi li diġà hemm fil-klassi u fl-iskola. Fost dawn it-tfal m'hemmx tfal b’diżabilità. Numru sostanzjali minn dawn il-każijiet għadhom fuq il-lista ta’ stennija għaliex ma ppreżentawx id-dokumenti kollha meħtieġa sabiex isir assessment .

tneħħija ta' social workers

Question

Tista' l-Ministru tgħid għal liema raġuni tneħħew is-social workers li kien hemm fiċ-ċentri għal matul il-jum?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Is-social workers ma tneħħewx miċ-ċentri ta’ matul il-jum. Se tinbidel BISS il-bażi minn fejn jaħdmu. Fejn qabel dawn kienu bbażati ġoċ-ċentri, issa se jkunu bbażati ġol-uffiċċju tas-social work flimkien mas-social workers l-oħra tal-Aġenzija SAPPORT, u xorta jkomplu jagħtu servizz lill-klijenti tal-istess ċentri. Din id-deċiżjoni ttieħdet mill-Fondazzjoni peress li s-social worker jigwadanja professjonalment mill-fatt li jkun f’tim ta’ social workers fejn wieħed ikollu aktar libertà u spazju biex jiddiskutu s-sitwazzjonijiet li jkun qed jiltaqa’ magħhom, u ukoll ikunu fil-preżenza ta’ min imexxi t-tim għal konsultazzjoni immedjata meta jkun hemm il-bżonn. Apparti minn hekk, meta dawn ikunu bbażati f’tim ta’ social workers, hemm aktar possibilità li x-xogħol tagħhom ikun speċifikament ta’ ħidma soċjali, liema xogħol hemm tant bżonnu mal-persuni b’diżabilità li l-Aġenzija taħdem magħhom. Il-Fondazzjoni temmen li għandha responsabbiltà għall-iżvilupp professjonali tas-social workers fi ħdanha, u li b’dan it-tibdil, il-ħaddiema jistgħu jikbru aktar professjonalment. Dan kollu ġie spjegat kemm lis-social workers kif ukoll lil-Leaders taċ-ċentri f’laqgħat separati li saru mill-maniġers tal-Aġenzija nhar il-Ġimgħa, 12 ta’ Marzu 2010.

Estimi tal-Ministeru — nefqa għal-Line Items

Question

Tista' l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra rendikont dettaljat ta' kif intnefqu l-allokazzjonijiet finanzjarji għal-Line Items fl-Estimi tal-Ministeru tagħha 5006 Premju Letterarju u Sussidji u 5436 Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti għas-snin 2008 u 2009 rispettivament, filwaqt li tagħti breakdown dettaljat ta' kif inhu previst li jintnefqu l-allokazzjonijiet rispettivi għall-istess Line Items għas-sena 2010?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

ilment fuq bozza ta' flat

Question

Tista' l-Ministru tara li tiġi rrangata bozza tal-flat li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li ilhom żmien jagħmlu dan l-ilment minħabba li f'dan il-blokk jgħixu ħafna anzjani u persuni b'diżabilità?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Tibdil ta’ bozoz fl-appartamenti u fil-partijiet komuni tal-blokki huma responsabbiltà tal-inkwilini stess. L-Awtorità hija responsabbli li tagħmel tiswijiet fis-sistema tad-dawl fil-partijiet komuni fejn ikun hemm ħsarat. Madanakollu, nissuġġerixxi li l-inkwilin iċempel direttament lill-customer care tal-Awtorità tad-Djar biex ikun jista' jingħata aktar dettalji dwar x’għajnuna hija applikabbli.

Korsijiet mogħtija bla ħlas fl-Università

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlametari 11106, tista' l-Ministru tgħid l-costings exercise biex jiġu identifikati l-ispiża ta’ kull kors mogħti mill-Università ta' Malta? Jekk le, meta se jiġi konkluż dan il-costings exercise?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Universita’ għadha ma bdietx tagħmel il-costing exercise minħabba l-fatt li għad m’għandhiex ir-riżorsi neċessarji sabiex tagħmel dan. Bħalissa l-Università qegħdha taħdem fuq proġetti neċessarji biex ikollha sistema ta’ informazzjoni adekwata biex tlaħħaq man-neċessitatjiet u li tkun tista’, eventwalment, tgħin biex dan il-costing exercise iseħħ. Madankollu, korsijiet ġodda qegħdin jiġu costed bil-quddiem biex naraw xi jkun l-impatt finanzjarju meta jiġu miftuħin.

Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ — persuni li jridu jaħdmu fil-qasam tad-diżabilità

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ hijiex se terga’ tibda torganizza l-korsijiet li kienet torganizza flimkien mal-Adult Training Centers għal dawk il-persuni li kienu jridu jaħdmu fil-qasam tad-diżabilità? Jekk le, x’inhi r-raġuni li dawn il-korsijiet waqfu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Korporazzjoni għax-Xoghol u Taħriġ se terga’ tibda torganizza l-korsijiet bħal ma kienet toffri għal dawk il-persuni li jixtiequ jaħdmu fil-qasam tad-diżabilità la darba tingaġġa trainers meħtieġa. Din il-Korporazzjoni bħalissa qed tniedi l-proċess biex tirrekluta lil dawn it- trainers taħt il-programm Employability ko-finanzjat mill-Fondi Soċjali Ewropej (ESF).

periklu fil-playing area tal-kindergarten taż-Żejtun

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk wasalx iż-żmien li periklu li hemm fil-playing area tal-kindergarten taż-Żejtun u li diġà staqsejt dwaru xi żmien ilu issa jiġi msewwi qabel iweġġa xi ħadd mit-tfal?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Fil-bitħa tal-iskola Primarja A taż-Żejtun fi ħdan il-Kulleġġ San Tumas More, id-Direttorat għal Servizzi Edukattivi qed jaħdem fuq żewġ proġetti. It-tapit f’din il-bitħa se jinbidel fil-futur qrib u l-kolonni fil-bitħa se jinksew bil-foam u b’materjal tal-PVC sabiex ikun hemm aktar protezzjoni għat-tfal.

policy dwar meta inkwilin f'post tal-gvern imut

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhi l-policy dwar persuni li jkunu ilhom jgħixu f'post tal-gvern għal numru ta' snin mal-inkwilin rikonoxxut, meta dan l-inkwilin imut? Kif jiġi deċiż jekk allura jkunx hemm rikonoxximent?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Sabiex persuna tiġi rikonoxxuta f’post tal-Gvern trid tkun ilha tgħix mal-inkwilin tliet snin qabel il-mewt tal-inkwilin u trid tissoddisfa l-kriterji għall-allokazzjoni ta’ post bil-kera mill-Awtorità tad-Djar.

single parents li m'għadhomx jieħdu r-relief

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm single parents li nqatgħalhom ir-relief matul l-2009 u matul l-ewwel xhur tas-sena? Kemm kien hemm minnhom li minħabba din id-deċiżjoni issa qed jieħdu l-anqas rata taċ-children's allowance?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Bejn il-perjodu ta’ l-1 ta’ Jannar 2009 u l-24 ta’ Marzu 2010 kien hemm 385 każ ‘ta’ relief’ ta’ Single Unmarried Parents li ġie mwaqqaf. Minn dawn il-każi kien hemm 221 li kellhom ir-rata tagħhom taċ-Childrens Allowance mniżżla għal € 4.81 fil-ġimgħa.

Awtorità tad-Djar — Chief Executive Officer - vettura

Question

Tista' l Ministru tgħid x'inhi r-raġuni li, l-ex-chief executive officer tal-Awtorità tad-Djar li ilu li reżenja minn Novembru 2009, sal lum għadu qed jiċievi l-paga, daqs li kieku għadu jokkupa l-kariga, mingħand l-awtorità u li għadu jagħmel użu esklussiv mill-vettura tal-istess awtorità?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Minn meta Dr. Paul Debattista ġie appuntat konsulent fil-Ministeru tal-Politika Soċjali, l-paga tiegħu baqgħet tiġi maħruġa mill-Awtorità tad-Djar u mħallsa lura mill-Ministeru. Rigward il-karozza li baqa’ ntitolat għaliha fil-kariga ġdida tiegħu, din qegħdha tiġi mislufa lill-Ministeru matul dan iż-żmien li l-Awtorità għadha mingħajr CEO. Il-Ministeru qed irodd lura wkoll l-ispejjeż tal-fuel u spejjeż oħra konnessi magħha.

applikazzjonijiet għall-akkomodazzjoni soċjali

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm applikazzjonijiet pendenti sabiex dak li jkun jingħata post għall-akkomodazzjoni soċjali?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Sal-aħħar ta' Marzu, 2010 l-Awtorità tad-Djar kellha 2,852 applikazzjoni għall-akkomodazzjoni alternattiva.

fondi allokati għall-applikazzjonijiet għall-akkomodazzjoni soċjali

Question

Tista' l-Ministru tgħid minn liema bliet u rħula qed isiru l-applikazzjonijiet għall-akkomodazzjoni soċjali? Tista' tgħid kemm ġew allokati fondi għall-akkomodazzjoni soċjali fis-snin 2007, 2008, 2009 u 2010?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

postijiet għall-bejgħ u kiri

Question

Tista' l-Ministru tindika kemm inħarġu postijiet għall-bejgħ u postijiet għall-kiri mill-Awtorità għall-Akkomodazzjoni Soċjali matul il-perjodu 2007, 2008, 2009 u 2010?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Awtorita' tad- Djar allokat postijiet bil-kera kif jidher hawn taħt :- 2007 - 175 post 2008 - 263 post 2009 - 192 post 2010 s'issa allokat 38 post. L-Awtorità tad-Djar ħarġet għall-bejgħ 331 post matul is-sena 2007 u 152 post matul is-sena 2008. Waqt li fis-sena 2009 l-Awtorità tad-Djar ma ħarġet l-ebda post għall-bejgħ, bħalissa għaddejjin preparazzjonijiet għall-ħruġ ta’ bejgħ ta’ 'l fuq minn 100 post ieħor.

care orders

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm inħarġu care orders matul il-perjodu 2007, 2008, 2009 u 2010 u tindika mil-liema bliet u rħula inħarġu dawn il-care orders?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Kulleġġ Santa Tereża — Ħaddiema general hand

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex fil-Kulleġġ Santa Tereża l-ħaddiema general hand qed jintbagħtu jaħdmu minn ġo skola għall-oħra matul il-ġimgħa u mhux qed jingħataw xogħol fiss u dan qed jikkawża inkonvenjent qawwi għal dawn il-ħaddiema u problemi ta' tindif li qed jakkumula fil-ġranet li ma jkun hemm ħadd fihom? Tista' tgħid jekk jagħmilx sens li tkun addottata din is-sistema meta ħafna minn dawn il-ħaddiema jaħdmu fuq bażi part-time?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Bl-iskop li jinkisbu aktar riżultati u riżultati aħjar fl-iskejjel kollha skont l-esiġenzi tagħhom, l-amministrazzjoni tal-Kulleġġ Santa Tereża qed jaħdem biex kull skola tingħata s-servizzi tal-General Hands b’mod ekwu u skont il-bżonnijiet partikolari f’kull skola. L-impenn tal-Kulleġġ hu li l-iskejjel kollha jinagħtaw l-aqwa servizz possibbli bla ma jiżdied ix-xogħol lill-General Hands minn dak indikat fid-deskrizzjoni tax-xogħol tagħhom. Bħala parti minn dan it-titjib, il-Kulleġġ introduċa uniformi għalihom u nxtraw għodod bażiċi oħra f’kull skola. Ta’ min wieħed jiġbed l-attenzjoni li bis-sistema l-ġdida diġa’ sar xogħol notevoli, bħal ngħidu aħna tbajdu l-faċċata tal-iskola, l-entratura u l-indani kollha u l-kurituri kollha tal-iskola primarja ta’ Ħal Lija, saret manutenzjoni fis-soqfa kollha tal-klassijiet kollha fl-iskola primarja tal-Imsida, saret il-control room tas-sala tal-iskola primarja tal-Imsida. Dan kollu sar fi żmien ftit ġimgħat biss minn Frar 2010. L-amministrazzjoni tal-Kulleġġ għandha ppreparat ukoll xogħol estensiv fil-Liċeo tal-Bniet fl-Imrieħel, fl-iskola primarja ta’ Birkirkara u xogħol ieħor ippjanat għall-iskola primarja ta’ Santa Venera.

MCAST — toilet room out of order

Question

Tista' l-Ministru tgħid kif fl-MCAST hemm biss toilet room waħda li hija funzjonabbli? Għaliex toilet room li ilha out of order sa mill-aħħar tas-sena akkademika l-oħra, ma ġiex irranġat fis-sajf, iżda sempliċiment ingħalaq u kif hemm toilet room oħra ilha xahar out of order u ma ssewwiex? Tista' tgħid meta dawn iż-żewġ toilets għat-tfajliet li hemm fl-MCAST li huma out of order, se jiġu rranġati biex ikunu jistgħu jintużaw u t-tfajliet studenti ma jibqgħux jinqdew b'toilet room waħda? Tista' tgħid għaliex f'ċerti ġranet it-toilet room għad-disabled, tkun aktar box room milli biex tintuża għall-iskop tagħha u dan għaliex jitqegħdu saħansitra rota u sellum?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Hemm iżjed minn toilet room waħda li hija funzjonabbli fl-Istitut ta’ l-ICT ġewwa l-MCAST. Toilet room waħda li tintuża mit-tfajliet fiha problemi strutturali. Iżda t- toilet rooms l-oħra kollha huma funzjonabbli. Bħalissa l-Istitut qed jaħdem biex jassenja aktar toilet rooms għat-tfalijiet. It- toilet room għad- disabled hija kompletament funzjonabbli.

Maintenance fil-bini tal-MCAST

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta l-aħħar li saret maintenance fil-bini ta' l-MCAST? Jekk sar maintenance kif hemm ħitan u soqfa li prima facie jidhru fi stat ħazin ħafna, tant li anke ġir mis-saqaf ġieli waqa' fuq studenti minħabba nuqqas ta' manutenzjoni?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-MCAST huwa mifrux f’ħames lokalitajiet f’Malta u tnejn oħra ġewwa Għawdex. Għaldaqstant, minħabba din il-firxa wiesgħa, xogħol ta’ maintenance jsir matul is-sena kollha minn ħaddiema tal-MCAST u f’ċertu każi fejn ikun meħtieġ, minn ħaddiema tal-kuntratturi privati. Hemm xi bini li huwa antik u għalhekk ikun hemm bżonn ta’ aktar manutenzjoni u dan isir matul is-sena kollha.

Kunsill Malta għall-Isport — budget

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm huwa l-budget tal-Kunsill Malti għall-Isports u kif intnefqu l-fondi tiegħu f'dawn l-aħħar snin? Tista' tgħid liema kienu dawk l-għaqdiet jew organizzazzjonijiet sportivi li bbenefikaw minn għajnuna mogħtija mill-Kunsill Malti għall-Isports u x'għajnuna ingħatat lilhom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-budget tal-Kunsill Malti għall-Isport ghas-snin 2005, 2006, 2007, 2008, 2009 u 2010 kien kif ġej: 2005 - Euro 2,981,598.00 2006 - Euro 3,028,185.00 2007 - Euro 2,678,780.00 2008 - Euro 3,424,000.00 2009 - Euro 4,445,000.00 2010 - Euro 5,045,000.00 Dawn il- budgets intefqu skont kif deskritt fl- audited accounts impoġġija fuq il-Mejda tal-Kamra matul is-snin. L- audited accounts għas-sena 2009 għad iridu jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra kif stabbilit mill-liġi. It-tieni parti tal-Mistoqsija tinkludi ġbir dettaljat ta’ informazzjoni fuq kull organizzazzjoni sportiva u minħabba l-kumplessita tal-informazzjoni mitluba, il-Kunsill Malti għall-Isport jeħtieġ aktar żmien biex jiġbor din l-informazzjoni.