Legislature:
Category:
Reset
Active:

Qawra — pelican lights

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 21883 dwar pelican lights fil-Qawra fejn ingħad li għandi ngħaddi dik it-talba lill-kunsilli lokali, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk dan ifissirx li jekk kunsill lokali partikolari ma jiddecidix dwar xi talba simili allura Transport Malta ma tivverifikax jekk tali talba hijiex ġustifikata jew le?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li f'każi li jinvolvu s-sigurtà tas-sewwieqa u pedestrians u fejn jirriżulta li l-kunsill lokali għal xi raġuni jew oħra ma jkunx ressaq it-talba, Transport Malta taċċetta talbiet minn individwi u tagħmel il-proċess ta' konsultazzjoni qabel ma tittieħed deċiżjoni.

Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni — xogħlijiet fid-Dipartimenti u uffiċċji

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru xogħlijiet f'kull dipartiment/uffiċċju li jaqa' taħt id-dekasteru tiegħu f'dawn l-aħħar sentejn biex dawn il-premises ikunu aċċessibbli għall-persuni b'diżabilità?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li saru xogħlijiet fil-MITA fejn ġiet istallata rampa biex ikun hemm aċċess għall-post fejn kien hemm bżonn li jsir “raised flooring”. L-uffiċċju ta' Triq l-Arċisqof il-Belt Valletta, fejn hemm is-Segretarju Permanenti tal-MITC mhux aċċessibli, però se jiċċaqlaq dalwaqt u sejjer fi triq id-Dejqa, post li huwa aċċessibbli. Ninsab infurmat ukoll li bħalissa l-Att dwar ir-Reġistru Ċentrali qed jiġi dikuss mill-kumitat dwar l-Abozz tal-liġi fil-Parlament. Fost affarijiet oħra, dan l-Att ser jgħaqqad lir-Reġistru Pubbliku mar–Reġistru tal-Artijiet biex jinħoloq Reġistru Ċentrali wieħed u ma huwiex eskluż li, anki fiżikament, jekk dan ikun possibli, dawn iż-żewġ reġistri jingħaqdu biex jaħdmu taħt saqaf wieħed. Għalhekk ma huwiex ikkunsidrat għaqli, f’dan l-istadju, li wieħed jagħmel spejjeż fuq il-binjiet preżenti meta wieħed mhuwiex ċert jekk dawn il-binjiet humiex se jkomplu jintużaw jew le meta jinħoloq ir-reġistru ċentrali.

Xat ir-Risq — fondi mill-Unjoni Ewropea

Question

Peress li l-permessi għax-xogħol b'fondi mill-Unjoni Ewropea għal Xatt ir-Risq issa ħarġu, u peress li x-xogħol dam ma beda minħabba xi teknikalitajiet, jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx data meta se jibdew ix-xogħlijiet? X'time frame hemm għall-istess xogħlijiet?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li x-xogħlijiet in kwistjoni jkunu jistgħu jinbdew wara li jkun konkluż il-kuntratt. Ix-xogħlijiet iridu jitlestew fi żmien disa' xhur.

Riforma tat-trasport pubbliku f'Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm intnefqu u tħallsu flus s’issa din is-sena għar-riforma tat-trasport pubbliku f’Għawdex? Fuqiex intnefqu? Jista’ jgħid ukoll kemm hemm flus maħsuba għall-istess riforma għall-2011? Taħt liema Item of Expenditure huma mdaħħla?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li din is-sena ntefqet is-somma totali ta’ €95,163.84 fi spejjeż relatati mar-riforma tat-Trasport Pubbliku f’Għawdex. Dawn l-ispejjeż intefqu fl-ammont ta’ €60,395.99 fil-proġett tat-terminus ġewwa Victoria, li jinkludu spejjeż ta’ garanziji u permessi relatati mal-MEPA, u l-ammont ta’ €34,767.85 fil-proġett tal-garaxx ġewwa x-Xewkija, li jinkludu spejjeż ta’ garanziji, permessi relatati mal-MEPA u rapporti relatati ma’ sigurtà. Infurmat ukoll li għas-sena 2011, hu stmat li se jintefqu €324,349 fi spejjeż relatati mar-riforma tat-Trasport Pubbliku f’Għawdex. Dawn l-ispejjeż se jintefqu f’xogħlijiet ġewwa t-Terminus tal-Victoria, biex isiru modifiki ta’ bankini li hu stmat li se jammontaw għal €137,886, xogħlijiet ta’ asfaltar li hu stmat li se jammontaw għal €130,820 u xogħlijiet f’akkomodazzjoni għax-xufiera li hu stmat li se jammontaw għal €55,643. Jien infurmat li dawn l-ispejjeż qed ikunu imniżżla taħt il-Vot Prinċipali allokat lill-Awtorità mill-Ministeru tal-Finanzi.

Kuntratti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw kuntratti mill-Ministeru u mill-entitajiet relatati mal-istess Ministeru lis-soċjetà Alert u l-valur tal-istess matul dawn l-aħħar għaxar snin?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għada qed tinġabar u għalhekk ir-risposta tingħata f'seduta oħra.

Rapporti ta' liema huma toroq imkissrin madwar Malta u Għawdex

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19586, jista' l-Ministru jgħid jekk għandux rapporti f'idejh ta' kemm hemm u liema huma t-toroq li hemm imkissrin madwar Malta u Għawdex kollu? Jista' jgħid kemm għandhom toroq imkissra (jiġifieri toroq mimlija ħofor, ħotob, gandotti, potholes eċċ.) u ta' liema persentaġġ ta' tkissir huma kull belt u raħal f'Malta? Jista' jgħid jekk għandux studju li jagħti tagħrif dwar l-istat tat-toroq Maltin u Għawdxin kollha?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel dak li tlabtu fir-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 19586.

Malta Films Commission — inċentivi fi flus

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw flus f'inċentivi mill-Malta Films Commission minn meta bdiet l-iskema sal-lum, sena b'sena? Jista' jgħid liema kienu l-films li bbenefikaw u minn liema pajjiżi kienu ġejjin?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor.Interpellant li din il-materja ma taqax taħt id-dekasteru tiegħi.

Transport Malta — testijiet tal-VRT

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'jista' jwassal biex persuna li jkun għadha kif marret għand Transport Malta biex isirulha t-testijiet fuq il-vettura tagħha terġa' titwaqqaf minn uffiċjali ta' Transport Malta u dawn jerġgħu jinsistu li l-vettura terġa' tittieħed għat-test minkejja li jkunu għaddew ftit tal-jiem biss minn meta jkunu saru t-testijiet minn uffiċjali ta' Transport Malta? Kemm spiss tista' tali vettura tiġi sottomessa għat-testijiet minn Transport Malta?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li persuna li tkun għadha kif marret għand Transport Malta biex isirilha t-testijiet fuq il-vettura tista’ terġa’ titwaqqaf minn uffiċjali ta’ Transport Malta wara biss ftit jiem li jkunu saru t-testijiet fiċ-ċirkustanzi hawn taħt imsemmija: Kull meta vettura tiġi spezzjonata teknikament waqt Road Side Check u din tfalli it-test, sussegwentament sid il-vettura jingħata appuntament għal test ieħor ġewwa il-Vehicle Inspectorate Unit Garage ta’ Transport Malta. Jekk il-vettura tgħaddi minn dan it-test, sid il-vettura jingħata l-parir sabiex jew iżżomm il-vera kopja jew kopja tan- numerated inspection form li turi li l-vettura għaddiet mit-test. Dan sabiex jekk il-vettura terġa’ tiġi mwaqqfa l- Enforcement Officers ikunu jistgħu jikkonfermaw li l-vettura qagħdet għal test u għaddiet. Iżda, jekk sid il-vettura ma juriex in- numerated inspection form jew kopja tagħha, il-vettura terġa’ tiġi spezzjonata teknikament. F’okkażżjonijiet oħra, jista’ jkun hemm indikazzjonijiet li xi partijiet tal-vettura bħal tyres jew il-pompa tal- fuel ikunu ġew mibdula jew irranġati sabiex il-vettura tgħaddi mit-test, u wara dawn jerġgħu jiġu mibdula jew irranġati. Meta jkun hemm suspett f’każi bħal dawn, il-vettura terġa’ tiġi mgħajta għal test ieħor, irrelevanti jekk din tkunx għadha kif ġiet mgħajta ftit qabel. Barra mill-każi hawn fuq imsemmija, jista’ jkun il-każ illi vettura li tkun għadha kif qagħdet għal test tekniku magħmul minn uffiċċjali tal- Vehicle Inspectorate Unit , terġa’ tiġi mgħajta għal test ieħor wara rapporti li jkunu waslu għand Transport Malta permezz tal- SMS Emissions Alert System jew fuq rapporti minn uffiċċjali ta’ Transport Malta.

Bastimenti reġistrati Malta

Question

Jista' l-Ministru jagħti n-numru ta' bastimenti reġistrati taħt il-bandiera Maltija sena b'sena mill-2000 sal-lum? Jista' jgħid ukoll meta Malta rratifikat il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni ta' Tniġġis mill-Vapuri? X'pożizzjoni għandha Malta dwar l-Annex VI kif rivedut tal-istess konvenzjoni li jnaqqas il-limitu ta' fuel sulphur għall-vapuri li joperaw f'ċerti żoni?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li n-numru u tunnellaġġ gross ta' bastimenti li ġew reġistrati matul is-snin 2000 sa l-aħħar t'Ottubru 2010 u n-numru u t-tunnellaġġ total ta' bastimenti li kienu reġistrati f'Malta fl-aħħar ta' kull sena mis-sena 2000 sa l-aħħar t'Ottubru 2010 huwa kif gej:- REĠISTRAT MATUL IS-SENA REĠISTRAT SAL-AĦĦAR TAS-SENA NRU TUNNELLAĠĠ GROSS NRU TUNNELLAĠĠ GROSS 2000 477 5,826,626 3,048 28,350,867 2001 449 4,395,765 3,035 27,063,313 2002 510 4,578,227 3,162 27,230,574 2003 578 4,202,349 3,369 25,811,507 2004 755 3,489,394 3,768 23,909,280 2005 676 4,204,497 4,103 24,194,696 2006 519 5,529,846 4,315 26,373,300 2007 609 6,440,851 4,630 27,900,802 2008 723 9,822,323 5,020 33,383,483 2009 620 7,185,848 5,249 36,136,347 2010* 629 7,025,339 5,557 39,308,476 * sa Ottubru 2010 Malta aċċediet għall-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni ta' Tniġġis mill-Vapuri inklużi Annessi I u II fil-21 ta' Ġunju 1991. L-Annessi III u V ġew aċċettati nhar it-13 ta' Frar 2004 waqt li huwa ppjanat li Malta taċċetta l-Annessi IV u VI matul l-ewwel kwart tal-2011.

Dock 1 — tindif ta' ilma

Question

Jista' l-Ministru jara li ssir xi ħaġa sabiex l-ilma ta' Dock 1 jinżamm nadif u dan peress li qed jinġabar ħafna ħmieġ fil-wiċċ tal-ilma li qed ikun kaġun ta' ħafna nemus?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li dan l-ilment ġie mgħoddi lil Transport Malta li qed tieħu il-passi meħtieġa sabiex l-ilma jinżamm nadif.

Karozzi second hand impurtati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew importati karozzi second hand matul is-sena 2010, xahar b'xahar? Jista' jgħid ukoll minn liema pajjiżi kienu importati u ta' liema ċilindraġġ kienu?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li n-numru ta' vetturi second hand li ġew reġistrati fil-perjodu bejn l-1 ta' Jannar u l-24 ta` Novembru 2010 kien ta` 7,863 vettura. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista li turi l-ammonti ta’ vetturi second hand reġistrati xahar b’xahar, mill-pajjiż li ġew impurtati kif ukoll skont iċ-ċilindraġġ tagħhom.

futur tal-gabbani f'Putirjal

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-futur tal-gabbani ta' Putirjal? Jista' jgħid, issa li qed jirċievu avviż biex jitilqu minn Putirjal, fejn se jarmaw wara li jitlesta l-proġett ta' Bieb il-Belt?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-pjanijiet għal din iż-żona għadhom qed ikunu konklużi.

San Pawl il-Baħar — Triq il-Qawra - stallazzjoni ta' traffic lights

Question

Jista' l-Minsitru jieħu l-passi neċessarji biex iż-żewġ zebra crossings li hemm fi Triq il-Qawra ħdejn Triq il-Frejgati u Triq Porzjukola u iktar 'l isfel ħdejn il-post li jintuża bħala kappella jitwaħħlu fihom il-pelican lights li jgħinu biex dawn iż-zebra crossings isiru aktar secure?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li proposta bħal din għandha ssir l-ewwel mill-kunsill lokali responsabbli. Nissuġġerixxi lill-Onor. Interpellant jagħmel is-suġġeriment tiegħu lill-entità kkonċernata.

liċenzji ġodda għal trackless trains

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk inħarġux liċenzji ġodda għas-servizzi minn trackless trains f'Malta jew f'Għawdex matul l-2009 u l-2010? Jekk iva, fejn ġew liċenzjati biex joperaw dawn it-trackless trains? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk hux possibli li tali trains iridux ikunu ta' xi standard partikolari biex ikunu jistgħu joperaw? Jista' jagħti dettalji ta' liema standards iridu jiġu osservati biex dan is-servizz ikun jista' jingħata?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li bejn l-2009 u l-2010 fil-fatt inħarġet liċenzja waħda ta’ ferrovija mingħajr binarji biex topera ġewwa r-Rabat f’Malta. Din il-liċenzja nħarġet kif stipulat fir-regolamenti dwar servizzi ta’ ġarr ta’ passiġġieri. L-ispeċifikazzjonijiet u l- istandards li huma applikabbli għal dawn it-tip ta’ vetturi huma rispettivament dawk stabbiliti fir-regolamenti msemmija.

San Pawl il-Baħar — pelican lights li għadhom ma bdewx jinxtegħlu

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex il-pelican lights li twaħħlu ħdejn l-iScotts Supermarket, ħdejn il-Burmarrad Commercials fi Triq Burmarrad u l-pelican lights l-oħra li twaħħlu fi Triq il-Wilġ, ilkoll f'San Pawl il-Baħar, li iżda għadhom ma bdewx jinxtegħlu, jittieħdu l-passi neċessarji biex kemm jista' jkun malajr dawn il-pelican lights ikunu jistgħu jibdew jaħdmu fl-interess ta' dawk kollha li jużaw dawn l-inħawi?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li Transport Malta qiegħda f’kuntatt kontinwu mal-Enemalta sabiex is-supply tal-metre tad-dawl jiġi stallat malajr kemm jista’ jkun. Il-pelican lights imsemmija jkunu jistgħu jinxtegħlu meta jingħata dan is-supply.

Furjana — Bieb il-Bombi - ramble zone

Question

Jista' l-Ministru jagħti direttivi biex inti u dieħel il-Furjana ħdejn Bieb il-Bombi terġa' tinbena t-triq biex issir inqas perikoluża u ma jkomplux isiru inċidenti? Jista' jordna li jsir ramble zone twila kemm jista' jkun ħalli bla ma jridu x-xufiera jnaqqsu minn rajhom l-ispeed li jkunu għaddejjin bih?

Response (GATT, AUSTIN)

Billi ma nippretendix li jien daqshekk adatt f’materja ta’ bini ta’ toroq daqs kemm jidher li hu l-Onor. ħabib tiegħi, m'għandi ebda ntenzjoni li noħroġ ebda direttiva simili imma nħalli l-esperti jaslu għall-konkluzjonijiet tagħhom.

Park and Ride

Question

Jista’ l-Ministru jwiegeb mistoqsija parlamentari 21,325 u jgħid kemm sewa l-park and ride minn meta beda jopera sena b'sena?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li din li ġejja hija l-ispiża relatata mal-park and ride minn meta beda jopera sena b’sena: Infrastructural Costs Sena € 2005 173,195 2006 749,501 2007 300,601 2008 174,906 2009 158,099 2010 2,993 Operational Costs Sena € 2006 64,473 2007 581,866 2008 661,846 2009 650,512 2010* 519,432 * Għas-sena 2010, l-ammont jinkludi € 184,113 li jikkonsistu fi spejjeż ta’ kera f’kontijiet maħruġin sal-aħħar t’Ottubru 2010. Għaldaqstant, din il-figura tista’ tiġi riveduta u mnaqqsa skont ir-riforma mħabbra fit-trasport pubbliku.

pont tal-Bidnija — ħsara strutturali

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-pont tal-Bidnija li jieħu mill-Mosta għall-Bidnija għandux xi ħsara strutturali li tista' toħloq periklu għal min ikun qed jużah?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-pont li qed jirreferi għalih huwa strutturalment validu.

spiża tal-operat tar-Reġistru Pubbliku

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx il-gvern li kien qed ikopri l-ispiża kollha tal-operat tar-Reġistru Pubbliku, inkluż l-impjegati? Min kien qed jiġbor il-flus mingħand il-pubbliku – il-gvern jew il-kumpanija Eureka Services Ltd? Kif kienet qed titħallas il-kumpanija u ta’ xiex kienet qiegħda titħallas? X’servizz kienet qed toffri?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-Gvern kien ikopri l-ispiża kollha tal-operat tar-Reġistru Pubbliku. Madankollu, fejn jidħlu l-impjegati, l-gvern kien iħallas biss lill-impjegati tiegħu u l-Eureka Services Limited tħallas l-impjegati tagħha. Il-flus mingħand il-pubbliku kienu jinġabru mir-Reġistru Pubbliku. Il-kumpanija Eureka Services Ltd kienet titħallas skont il-ftehim li kien sar bejn il-gvern u Eureka Services Ltd fl-1999 u kienet titħallas tas-servizz esklussiv ta' riċerka għal Gvern ta' Malta skont l-istess ftehim.

operaturi liċenzjati biex jieħdu persuni minn Malta għal Kemuna u Għawdex

Question

Jista' l-Minisrtru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' operaturi liċenzjati/awtorizzati biex iġorru l-passiġġieri minn partijiet ta' Malta għal Kemuna u Għawdex rispettivament? Kemm hu n-numru ta' persuni li ngħataw din l-awtorizzazzjoni matul l-2008, 2009 u 2010 rispettivament? Minn fejn huma liċenzjati/awtorizzati li joperaw dawk li ngħataw dawn il-permessi matul l-aħħar tliet snin?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-bastimenti kummerċjali kollha li huma awtorizzati li jbaħħru aktar minn tliet mili 'l bogħod mill-kosta, jistgħu joperaw minn Malta lejn Għawdex u Kemmuna. Operaturi li għandhom bastimenti tal-passiġġieri li huma ċċertifikati li joperaw f’din il-kategorija f’dawn l-aħħar tliet snin huwa kif ġej: Sena 2008 - 60 Sena 2009 - 76 Sena 2010 - 78