Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ikel importat — eżaminazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-ikel li jiġi importat f'Malta huwiex eżaminat minn persuni esperti f'Malta f'dan il-qasam, jew jekk l-awtoritajiet Maltin joqogħdux fuq iċ-ċertifikati li jagħmlu esperti minn fejn ikunu ġew il-prodotti? Kemm għandna esperti Maltin li x-xogħol tagħhom huwa li jaraw li l-ikel li jidħol f'Malta huwa ċertifikat u li huwa tajjeb għall-konsum?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Ninsab infurmat li d-Dipartiment għal Saħħa Ambjentali huwa wieħed mid-dipartimenti responsabbli għal kontrol tal-importazzjoni tal-ikel f’Malta. Dipartimenti oħra jinkludi l-VRFCCD (Veterinary Regulation, Fisheries, Conservation Control Division.) L-ikel jista’ jiġi minn pajjiżi tal-Unjoni Europea (UE) u minn pajjiżi oħra barra l-Unjoni Ewropea (UE). Meta l-ikel jiġi mill-UE, huwa meqjus bħala distribuzzjoni waqt li dak li gej minn pajjiżi oħra barra l-UE, huwa meqjus bħala importazzjoni. Il-proċess għall-importazzjoni jirrikjedi li l-importatur ikun reġistrat bħala kummerċjant mal-Kummissjoni dwar is-Sigurta fl-Ikel. Is-Servizzi tas-Saħħa tal-Port fi ħdan id-Dipartiment għal Saħħa Ambjentali huwa responsabbli ghal kontroll tal-ikel li jiġi importat f’Malta. Ix-xogħol kollu li jinvolvi importazzjoni tal-ikel isir minn Spetturi tas-Saħħa fi ħdan is-seżżjoni tal-Port Health Services. Din is-sezzjoni hemm sitt spetturi (6), fi gradi differenti. Jintalab ċertifikat għall-kull konsenja mportata, li l-ikel huwa tajjeb għal konsum. Fuq bażi ta’ riskju, wara li ssir evalwazzjoni tal-prodott li jkun se jiġi importat titieħed id-deċiżjoni issirx spezzjoni tal-konsenja. L-ispezzjoni tinkludi ukoll it-tikketta tal-prodott. Hemm ukoll Regolamenti li jirregolaw l-għamla taċ-ċertifikat u l-informazzjoni meħtieġa u anka l-frekwenza tal-ispezzjonijiet. Meta waqt spezzjoni jinqala’ il-każ, eżempju ikel immoffat jew infestat bid-dud, tali ikel, jinżamm biex finalment jiġi mormi. Meta jkun il-bżonn, jittieħdu kampjuni skond ir-Regolamenti jew skond proċeduri stabbiliti u jintbgħatu għall-analizi ġo laboratorju akkreditat. Waqt li nfakkru li r-responsabilita’ tal-ikel hija dejjem tal-importatur, id-Dipartimenti jimxu fuq kriterji stabbiliti mill-liġi, jew fuq standards internazzjonali u għalhekk ix-xogħol ta’ dawn id-dipartimenti, huwa purament li jassigura l-osservanza ta’ dan. Meta jkun hemm il-htieġa, l-evalwazzjoni ta’ riskju u il-kontroll mehtieġ biex tiġi stabbilikta is-sigurtà tal-ikel issir b’mod komprensiv mill-membri fi ħdan il- Kummissjoni dwar is-sigurtà fl-ikel.

Sptar Mater Dei — kwestjoni fuq persuna li ngħatat direct order

Question

Jista' l-Ministru jispjega kif, konsulent li kien ġie appuntat b'direct order f'Ottubru 2008 biex jaħdem fuq eżerċizzju ta' cost accounting fl-Isptar Mater Dei, liema eżerċizzju kellu jieħu inqas minn sitt xhur għal nefqa totali ta' €23,000, u dan skond tweġiba għal mistoqsija parlamentari 6835 tas-sena 2009, fil-fatt baqa' għaddej b'dan l-eżerċizzju sal-lum, sena u tliet xhur wara? Jista' l-Ministru jindika kemm se jdum għaddej dan l-eżerċizzju u kemm se jkun qam finalment lill-poplu Malti u jekk għadux jaqa' fil-kompitu ta' direct order issa li għaddew sena u tliet xhur? Jista' l-Ministru jikkonferma li dan l-istess individwu ġie appuntat b'kuntratt ieħor ta' direct order biex jaqdi dmirijiet bħala kap tal-Financial Monitoring and Control Unit fid-Dipartiment tas-Saħħa? Jista' jindika kemm dan it-tieni kuntratt ta' direct order qed jiswa u x'inhi r-raġuni għala ma ħarġitx sejħa biex jimtela dan il-post vakanti? Jaħseb il-Ministru li dawn iż-żewġ kuntratti huma ta' konflitt ta' interess għall-persuna indikata, meta r-rwol tal-Financial Monitoring and Control Unit huwa li jservi ta' kontroll għal units oħra fid-dipartiment?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Il-Konsulenti ġew appuntati biex jaħdmu fuq eżercizzju ta’ cost accounting għas-sena 2008 f’ Mater Dei. Appena iffinalizaw l-eżercizzju tal- cost accounting għas-sena 2008, peress li rrezenja d-Direttur tal-Finanzi f’ Mater Dei, l-konsulenti ntallbu jgħatu s-sapport tagħhom fil-preparazzjoni tal-Financial Statements li jkoppru t-tnax-il xahar sal-31 ta’ Diċembru 2008. Dan sar permess ta’ estensjoni tad-direct order preċendenti u li ammonta wkoll għal mhux aktar min €23,000 fuq perjodu li ma jeċċediex sitt xhur. Wara r-reżenja tal- Kap (Financial Monitoring Control Unit) waqt il-preparazzjoni tal- Estimi Finanzjarji 2010, il-kunsulenti ġew mitluba biex jikkordinaw l-operat ta’ dan id-Dipartiment sakemm tintela’ il-pożizzjoni vakanti. Id-Dipartiment ħareg sejħa għall-pożizzjoni msemmija li għaliha ġew sottomessi numru ta’ applikazzjonijiet. Fil-preżent il-proċess ta’ Evalwazzjoni huwa miexi skond ir-regoli amministrativi. Dan sar permess ta’ Kuntratt ta’ Servizz maħrug b’direct order għal mhux aktar min € 23, 000 fuq perjodu li ma jeċċediex sitt xhur. L-ezerċizzju ta’ cost accounting għandu jservi ta’ għodda li permess tagħha d-Dipartiment tal- Financial Monitoring Control Unit jkun jista’ jikkontrolla l-operat finanzjarju tal-Isptar Mater Dei. Pjuttost, l-eżercizzju ta’ cost accounting huwa estensjoni tar-rwol ta’ responsabbilità fi ħdan id-Dipartiment tal- Financial Monitoring Control Unit.

anzjani rikoverati f'istituzzjonijet tal-gvern u tal-privat

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' anzjani li huma rikoverati f'istituzzjonijiet: a) tal-gvern? b) tal-privat? ċ) tal-privat f'partnership mal-gvern? Fejn jinsabu l-istitituzzjonijiet li fihom huma residenti dawn l-anzjani?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Nixtieq ninforma l-Onor Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif jidher hawn taħt: a) Anzjani rikoverati f’istituzzjonijiet tal-gvern Dar tal-Anzjani tal-Gvern Residenti San Vinċenz de Paule 1071 Bormla 130 Furjana 46 Gżira 31 Mellieħa 130 Msida 64 Mosta 68 Mtarfa 123 Żejtun 167 TOTAL 1830 b) Anzjani rikoverati f’istituzzjonijiet tal-privat Dar tal-Anzjani tal-PrivatResidenti * Age Concern (Central Home), Mosta 103 Villa Robinich, Fgura 55 Casa Antonia , Balzan 126 * Casa Arkati, Mosta 100 * Casa Serena, Bugibba 100 Charella Retirement Complex, Sliema 42 Charian Residence, Marsascala 32 Marina Palace Residence, Msida 87 Medina Home, Rabat 42 Sa Maison Home, Pieta 70 St. Marks, Msida 0 * Villa Messina Home, Rabat 157 TOTAL 914 * Jinkludu dawk ir-residenti li qegħdin fid-djar tal-privat f’ partnership mal-gvern c) Anzjani rikoverati f’istituzzjonijiet tal-privat f’ partnerhip mal-gvern Dar tal-Anzjani tal-Privat Residenti Villa Messina, Rabat 56 Casa Arkati, Mosta 22 Age Concern (Central Home), Mosta 60 Casa Serena, Bugibba 69 TOTAL 207

Titjib fiċ-Child Development Assessment Unit

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’passi konkreti ttieħdu bejn Jannar u Marzu 2010 biex jitjieb is-servizz taċ-Child Development Assessment Unit (CDAU) billi jitrangaw l-ispazji ta’ parkeġġjar għall-użu minn familji li jużaw is-servizz tas-CDAU; jinxtara iżjed apparat għall-użu tat-tfal; ikun hemm privatezza meta jsiru sessjonijiet fil-fiżjoterapija; isiru rapporti iżjed regolari dwar il-progress tat-tfal; isiru sessjonijiet ta’ fiżjoterapija fl-iskejjel biex it-tfal ma jitilfux l-iskola; u li jerġgħu jsiru sessjonijiet nhar ta’ Sibt?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Nixtieq ninforma lil-Onor Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.

Operazzjonijiet tal-Kataretti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru operazzjonijiet tal-kataretti mill-1 ta' Jannar sal-lum u kemm hemm bħalissa jistennew fuq il-waiting list?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Ninsab infurmat li mill-informazzjoni miġbura mis-Surgical Operations Register ta’ l-Isptar Mater Dei f’Jannar u Frar 2010 kien hemm 312 operazzjonijiet tal-kataretti li ġew irreġistrati. L-informazzjoni dwar kemm saru operazzjonijiet matul Marzu 2010 għadha mhux finalizzata. In-numru ta’ nies li kienu qegħdin fuq il-lista ta’ stennija fl-aħħar ta’ Marzu 2010 biex isirilhom l-operazzjoni tal-kataretta ammontaw għal 5436.

pazjenti b'overdose fl-Isptar Mater Dei

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm daħlu pazjenti b'overdose fl-emerġenza ġewwa Mater Dei mill-1 ta' Jannar 2010 sal-lum?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Ninsab infurmat li skont tagħrif miġbur permezz tas-sistema tal- A & E Module tal-Patient Administration System, mill-1 ta’ Jannar sal-aħħar ta’ Marzu 2010 kien hemm 58 kaz li ġew fid-Dipartiment tal-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei u li ġew irreġistrati li kienu ħadu overdose ta’ xi tip ta’ droga/mediċina.

pilloli Lyrica — informazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-pilloli Lyrica tal-75mg humiex fil-lista ta' pilloli li jingħataw mill-gvern lill-persuni li huma ntitolati għalihom? Jekk ir-risposta hija fin-negattiv, jista' l-gvern jikkunsidra li dawn jidħlu fil-lista minħabba li dawn huma pilloli li jikkuraw il-marda kronika tal-Fibromaglia?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Ninsab infurmat l l-mediċina Lyrica li fiha l-ingjedjent attiv Pregabalin, s’issa ma tinsabx fuq il-formularju mediċinali tal-gvern, ma tinxtarax u ma tingħatax mis-servizzi tas-saħħa tal-gvern. Il-gvern jista' jikkunsidra li din il-mediċina tidħol fil-formularju però għal mard kroniku li jinsab fuq Skeda V kif stipulat bil-liġi u l-Fibromylagia m’hiex waħda minn dawn il-mard speċifikat.

waiting list għall-operazzjonijiet

Question

No question text.

Response (CASSAR, JOSEPH)

Ninsab infurmat li s-Surgical Operations Register huwa Stand-alone IT system u ma jirrikjedix li l-lokalità tar-residenza tal-pazjenti tkun reġistrata għaliex m’hemm l-ebda raġuni klinika biex wieħed iżomm din l-informazzjoni ġewwa s-swali fejn isiru l-operazzjonijiet. Għaldaqstant biex wieħed isib il-lokalita’ ta’ residenza huwa meħtieġ li kull numru ta’ identità titfittex fir-reġistru elettorali. Tlabt li din l-informazzjoni tinġabar u għalhekk it-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f’seduta oħra.

Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi — ħaddiema fil-qasam tas-saħħa

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm daħħlet ħaddiema biex jaħdmu fil-Qasam tas-Saħħa l-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi matul is-snin 2007, 2008 u 2009? Jista' jgħid f'liema gradi huma, fejn qed jagħtu s-servizzi tagħhom u minn liema pajjiż ta' oriġini ġejjin?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Ninsab infurmat li matul is-snin 2007, 2008 u 2009 il-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi daħħlet numru ta’ ħaddiema biex jaħdmu fil-Qasam tas-Saħħa. Il-lista qiegħda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi — cleaners

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm cleaners jaħdmu mal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi li huma bil-kuntratt u kemm hemm impjegati mal-kuntrattur li jagħtu servizz lil din il-Fondazzjoni?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Ninsab infurmat li mal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi hemm għaxar (10) part-time cleaners li jaħdmu fl-Isptar Monte Carmeli u disa’ (9) fl-Isptar Zammit Clapp. Ma hemm ebda mpjegat mal-kuntrattur li jagħti servizz lil din il-Fondazzjoni.

Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi — security gaurds

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm security guards jaħdmu mal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi li huma fuq kuntratt u kemm hemm impjegati mal-kuntrattur li jagħtu servizz lill-Fondazzjoni?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Ninsab infurmat li mal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi hemm erbatax (14)-l impjegat li jaħdmu fl-Isptar Zammit Clapp li parti mix-xogħol tagħhom jinkludi security. M'hemmx impjegati mal-kuntrattur li jagħtu servizz lill-Fondazzjoni.

Waiting list

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslet il-persuna li dettalji tagħha qed jinbagħtu separatament, fil-waiting list għall-operazzjoni li tant għandha bżonn?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-operazzjoni lill-persuna li qiegħed jirreferi għaliha ssir meta jmissha u/jew skont l-urġenza tal-każ.

Mard trasmess sesswalment

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm instabu każijiet ġodda ta' mard trasmess sesswalment matul is-sena 2009? Jista' jikkategorizza dan il-mard u jgħid kemm kien hemm minn kull tip? Jista' jgħid jekk kienx hemm mard ikkawżat minħabba mard trasmess sesswalment matul l-istess sena?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Nixtieq ninforma lil Onorevoli interpellant li in-numru ta’ każijiet ġodda ta’ mard trasmess sesswalment li ġew notifikati matul l-2009 kien ta’ 142. Minn dawn kien hemm 60 każ ta’ Chlamydia (2 mill-każijiet kienu f’persuni barranin), 63 każ ta’ Gonorrhoea , 13-il każ ta’ Latent Syphilis , li minnhom 2 każijiet kienu f’persuni barranin, każ wieħed ta’ Primary Syphilis u 5 każijiet ta’ Secondary Syphilis .

Ommijiet taħt is-18-il sena

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm twieldu trabi lill-ommijiet li huma taħt it-18-il sena matul is-sena 2009? Kemm kien hemm minn dawn l-ommijiet li kienu taħt is-16-il sena?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Ninsab infurmat li bejn l-ewwel ta’ Jannar u l-aħħar ta’ Settembru 2009 ġew irreġistrati li twieldu 83 tarbija lill-ommijiet taħt it-18-il sena. Minn dawn it-trabi, 19 twieldu lill-ommijiet taħt is-16-il sena.

tfal u żgħażagħ li ddaħħlu l-isptar għall-kura

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' tfal u żgħażagħ taħt is-16-il sena li ddaħħlu fl-Isptar għall-kura u li fil-fatt, tilfu ħajjithom matul l-2008 u l-2009 rispettivament?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Ninsab infurmat li matul is-sena 2008 kien hemm 31 tfal u żgħażagħ taħt is-16-il sena li tilfu ħajjithom waqt li kienu għall-kura fi sptar, waqt li matul is-sena 2009 kien hemm 30 tfal taħt is-16-il li tilfu ħajjithom waqt li kienu għall kura fi sptar.

Xogħol klerikali

Question

Jista' l-Ministru jara li l-persuna li dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, tingħata opportunità ta' xogħol klerikali simili għal dak li kellha qabel ma mardet?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi wara li l-persuna indikata li tokkupa l-kariga ta’ uffiċjal klerikali reġgħet ġiet reinstated, inħass li ma kienx hemm ħtieġa li tibqa’ tagħmel xogħol relatat ma’ mpustar ta’ ittri biss. Id-dipartiment ipprova ifittex postijiet alternattivi, biex fuq talba tagħha stess tagħmel xogħol klerikali jew kwalunkwe xogħol ieħor li ma jinvolvix l-użu tal-kompjuter jew bżonn ta’ kuntatt mall-pubbliku, iżda irriżulta li ma kienx hemm xogħol ta’ dan it-tip. Għalhekk ġie offrut xogħol fil-Provision Store ta’ l-Isptar Mater Dei li jikkonsisti l-aktar fejn wieħed jiċċekkja l-provisti li jintbgħatu u jara li dawn ġew mqassma kif suppost.

Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità — każijiet ta' korruzzjoni tal-VAT

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk matul is-snin 2004, 2005, 2006, 2007 u 2008, persuni u/jew kumpaniji li nstabu ħatja fil-każ ta’ korruzzjoni tal-VAT ingħatawx kuntratti u/jew direct orders mill-Ministeru u/jew entitajiet li jaqgħu taħtu? Jekk iva, liema huma dawn il-kumpaniji, liema kienu l-kuntratti u għal kemm jammontaw?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Ngħarraf l-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qiegħda tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta tingħata f’xi seduta oħra.

Kwestjoni dwar tindif ta' qabar

Question

Jista' l-Ministru jgħid għalfejn il-gvern qed jgħid lill-individwu li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li f'każ ta' kontestazzjoni huwa jkollu jnaddaf il-qabar a spejjeż tiegħu meta omm l-individwu u ħutha għandhom sehem indiviż ta' dan il-qabar mortis causa kif diġà ġie pprovat lill-gvern id-dokumenti li dan għadda lill-Burials Administration Unit 7?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Ninsab infurmat li d-dritt tad-dfin u t-tindif ta’ qabar huma regolati b’liġijiet speċifici. Dawn il-liġijiet huma l-Ordinanza dwar iċ-Ċimiterju ta’ l-Addolorata, l-Ordinanza dwar id-Dfin u r-Regolamenti dwar id-Drittijiet li Jitħallsu fid-Dipartimenti tal-Gvern. Skond din il-leġislazzjoni hija r-responsabbilta ta kull sid ta’ qabar li jieħu ħsieb li jkun hemm spazju biżżejjed għad-dfin ta’ dawk li għandhom dritt li jindifnu fil-qabar. Għalkemm id-dfin f’qabar privat isir bla ħlas, kwalunkwe tindif u transport ta’ fdallijiet lejn l-ossarju isir bi hlas ta €11.65 ghat-tinfdif ta’ kull qabar u €11.65 ghat-trasport ta’ kull kadavru. Il-ħlas irid irsir minn min jagħmel it-talba ghat-tindif jew dfin u d-Dipartiment ma jidħolx fil-mertu jekk dan il-ħlas isirx minn min għamel it-talba waħdu jew jekk jinqasamx bejn diversi pussessuri.

Servizz ta' home help

Question

Jista' l-Ministru jara li jitmexxa l-każ ta' Sinjura, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li għandha bżonn is-servizz ta' home help?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Ninsab infurmat li l-Bord ta’ Allokazzjoni tal-Home Help diġà iddiskuta dan il-każ. L-applikanta ser tiġi infurmata bid-deċiżjoni tal-Bord.

Casual u part-time nurses

Question

In vista tad-dikjarazzjoni magħmula fil-budget li persuni li kienu fl-ingaġġ mal-gvern bħala casual nurses jew part-time kien se jsirilhom il-bridging u jingħataw l-iscale skont kemm kienu ħadmu, jista' l-Ministru jgħid x'sar f'din id-direzzjoni?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Il-Ministeru għas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità ħa diversi miżuri biex dawk l-infermiera mpjegati fuq bażi temporanja, sew jekk full-time u sew jekk part-time, ikunu jistgħu jingħataw impjieg regolari li jkun jirrifletti ż-żmien kollu magħdud f’daqqa ta’ servizz preċedenti mal-Gvern fil-gradi ta’ l-infermiera. Fit-2 ta’ Ġunju 2009 l-infermiera reġistrati fl-ewwel livell jew f’oqsma speċjali mal-Kunsill ta’ l-Infermieri u Qwiebel ingħataw l-opportunita’ għal ħatra regolari fis-Settur Pubbliku mhux biss fuq bażi full-time iżda, għall-ewwel darba, fuq bażi part-time wkoll. Fil-każ ta’ l-infermiera reġistrati fit-tieni livell ma’ l-istess Kunsill li huma mpjegati fuq bażi temporanja jew każwali u li diġa kellhom mpjieg regolari mal-Gvern, tressqet talba lill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku f’isimhom biex huma wkoll ikunu jistgħu jiġu regolariżżati fuq bażi full-time jew part-time skond il-preferenza tagħhom. Fi kwalunkwe każ, dan l-impjieg regolari jintitola lill-infermiera konċernati għall-process ta’ bridging , u ċioè għal aġġustament fis-salarju u l-grad tagħhom flimkien mal-ħlas ta’ allowances u d-dritt għall-benefiċċji l-oħra kollha li huma intitolati għalihom l-infermiera kollha b’impjieg regolari mal-Gvern.