Legislature:
Category:
Reset
Active:

Omm separata bil-problema tal-bini

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15525, qed jintbagħtu separatament dokumenti u ritratti li juri għaliex din l-omm b'sitt itfal ma kenitx tgħix fil-post minħabba iċ-ċirkostanzi deskritti? Tista' l-Ministru tara li dipartiment jikkonsidra dan il-każ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Awtorità tad- Djar għadha għaddejha bl-istħarriġ tagħha.

Xiri ta' proprjetà għall-użu pubbliku

Question

Jista' l-Ministru jiċċara l-politika tal-Gvern dwar xiri jew kiri ta' proprjetà għall-użu pubbliku? Illum il-ġurnata, hemm politika li tigwida x'inhi l-politika tal-Gvern rigward il-proprjetà? Il-Gvern jixtri jew jikri proprjetà għall-użu pubbliku?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jiċċara d-definizzjoni ta’ ‘użu pubbliku’ biex inkun nista’ nwieġeb il-mistoqsija kif mixtieq.

Tiswija ta' apramorta

Question

Tista' l-Ministru tara li jittieħdu l-passi neċessarji biex tiġi rrangata l-apramorta tal-bejt f'binja tal-Gvern, fi Blokk 1, Hubbard Flats, Bormla li tinsab f'periklu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Minn spezzjoni li diġa saret fil-post imsemmi, ma jirriżultax li hemm periklu. Għalkemm bħalissa l-Awtorità tad-Djar qed tagħti prijorità lill-każijiet ta’ strutturi perikolużi u rranġar ta’ bjut, li huma aktar urġenti, dan ix-xogħol se jiġi inkluż fi programm ta’ tiswijijiet fil-faċċati tal-blokki, li għandu jitfassal fil-futur qarib.

Awtorità tad-Djar — skema R

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'sens tagħmel skema tal-Awtorità tad-Djar, eżattament skema R, jiġifieri sussidju tal-kera f'residenzi privati li dawk li qed iħallsu kera ta' €185 fis-sena ma jibbenefikawx minn din l-iskema u dawk li jħallsu aktar minn €186 jistgħu jibbenefikaw? X'inhu l-budget għal din l-iskema?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob lill-Onorevoli interpellant jagħmel referenza għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 14902. L-Awtorità tad-Djar m'għandhiex budget speċifikament għal din l-iskema però l-Awtorità tad-Djar tissussidja kull applikazzjoni li tkun eliġibbli taħt l-iskema.

Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja — skemi u inizjattivi għall-Kunsilli lokali

Question

Tista' l-Ministru twieġeb mistoqsijiet parlamentari 13159 u 12376 u tgħid x'inhi l-politika tal-ministeru tagħha fejn jidħlu kunsilli lokali? X'kuntatt hemm bejn il-ministeru tagħha u l-kunsilli lokali? X'inizjattivi/skemi għandu l-ministeru tagħha vis-a-vis il-kunsilli lokali?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

tfal li jattendu l-kindergarten

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' tfal li jattendu l-kindergarten fl-iskejjel primarji fil-Mellieħa, San Pawl il-Baħar, Naxxar, Mġarr, Għargħur u Mosta rispettivament? Hemm xi skola li għandha bżonn tkabbir f'dawk li huma l-faċilitajiet li għandha, minħabba l-ħteġijiet tal-kindergarten?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qed tingħata fit-tabella hawn taħt. Skola Total Bżonn ta’ Tkabbir Primarja Mellieħa 139 Le Primarja San Pawl il-Baħar 250 Iva Primarja Naxxar 129 Le Primarja Għargħur 37 Le Primarja A Mosta 291 Iva Primarja Mġarr 75 Le

MCAST — - informazzjoni dwar l-Istitut Marittimu

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar in-numru ta' studenti li qed jattendu xi kors fl-Istitut Marittimu tal-MCAST? F'liema oqmsa maqsuma separatament qed isir l-istudju preżentament? Hemm il-ħsieb li jinbdew xi korsijiet oħra f'dan is-settur? Ma' liema organizzazzjonijiet/kumpaniji barranin jew Maltin dan l-isititut għandu ftehim ta' koperazzjoni għat-taħriġ prattiku li jkun meħtieġ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Istitut Marittimu tal-MCAST bħalissa għandu ħamsa u ħamsin student full-time. Dawn l-istudenti qed jattendu l-korsijiet kif spjegat hawn taħt: Probationary Officer Cadet Course: 6 studenti Office-in-Charge of a Navigational Watch Course Ph I (fl-ewwel sena): 25 student Officer-in-Charge of a Navigational Watch Course Ph Ii (fit-teini sena): 10 studenti Officer-in-Charge of a Navigational Watch Course Ph III (fit-tielet sena): 9 studenti Chief Mate Course: 5 studenti Hemm il-ħsieb li jiżdiedu l-korsijiet full-time fil-qasam tal-inġinerija tal-baħar, kif ukoll għadd ta’ korsijiet oħra part-time fil-qasam tal-industrija tas-super yachts. L-Istitut Marittimu preżentament għandu ftehim ta’ koperazzjoni għat-taħriġ prattiku (speċjalment ta’ taħriġ fuq vapuri merkantili) ma’: Grimaldi Lines Malta Motorways of the Sea AML CMA CGM Uni Shipping Virtu Ferries

studenti Għawdxin li jsegwu kors fl-MCAST f'Malta u Għawdex

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm studenti Għawdxin isegwu korsijiet fl-MCAST f’Malta u f’Għawdex separatament? Tista’ tagħti dan it-tagħrif skont il-kors li qed isegwu l-istudenti u skont is-sena tal-kors li waslu fiha?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

studenti li segwew korsijiet fl-Università ta' Malta

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm kien hemm studenti jsegwu korsijiet fl-Università ta’ Malta fis-sena akkademika 1960/1961 u fis-sena akkademika 1970/1971? Tista’ tagħti din l-informazzjoni skont il-kors li kienu qed isegwu l-istudenti u skont is-sena li kienu fiha?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

studenti li jsegwu korsijiet fl-ITS

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm studenti Għawdxin isegwu korsijiet fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi f’Malta u f’Għawdex separatament? Tista’ tagħti dan it-tagħrif skont il-kors li qed isegwu l-istudenti u skont is-sena tal-kors li waslu fiha?

Response (CRISTINA, DOLORES)

In-numru ta’ studenti Għawdxin li qed isegwu kors fl-ITS Malta huwa kif ġej:- 1 Student - Higher Diploma in Hospitality and Tourism Management (Raba’ Sena) 1 Student - Tour Guiding (Tieni Sena) 1 Student - Food Preparation and Production & Supervisory Studies (Tieni Sena) 2 Student - Diploma in Culinary Arts (Raba’Sena) 6 Studenti - Fuq Internship (Tielet Sena) Fl-ITS Hotel School Qala n-numru ta’ studenti Għawdxin huwa kif ġej:- 16 Studenti - Extended Skill Training Scheme (Hospitality Trades) 14 Studenti - Extended Skill Traininig Scheme (Hospitality Trades)

benefiċċju tal-enerġija — għajnuna soċjali

Question

Tista' l-Ministru tgħid kif tista' l-persuna li dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament li toqgħod waħedha tħallas kont tad-dawl u l-ilma ta' €800 meta l-għajnuna soċjali tkun ta' €400 fix-xahar? Minbarra l-benefiċċju tal-enerġija, jista' jinħoloq fond biex jagħmel tajjeb għall-penali ta' 6% meta kont ma jkunx jista' jitħallas fil-ħin f'ċirkostanza simili?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Onor. Interpellant huwa mitlub jinforma l-persuna ndikata minnu biex tavviċina l-Uffiċjal inkarigat mill-Uffiċċju Distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali tal-Belt jew raħal tagħha.

Karta r-Roża irtirata

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm-il persuna ġiet irtirata lilha l-Karta r-Roża f'Jannar u Frar 2010? X'kienet il-lokalità f'kull każ? X'kienet ir-raġuni f'kull każ? Kemm minnhom huma miżżewġin? Kemm minnhom huma romol?

Response (CRISTINA, DOLORES)

It-tip ta’ statistika mitluba mill-Onor. Interpellant ma tinżammx u dan għar-raġuni li meta persuna tagħmel talba għal Karta r-Roża taħt l-Att dwar is-Sigurtà Soċjali, din tikkwalifika għal din il-Karta kemm-il darba tissodisfa test tal-Mezzi. Inżid ukoll li din il-Karta tkun valida għal tlett xhur f’każ ta’ persuna taħt l-età ta’ sittin sena jew għal sena f’każ ta’ persuna ‘l fuq minn sittin sena. Meta jiskadi dan it-terminu, l-persuna kkonċernata trid tagħmel talba oħra biex il-Karta r-Roża tiġġedded.

Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja — benefiċċji relatati mal-karigi ta' chairman u kap eżekuttivi

Question

Tista' l-Ministru tagħti dettalji dwar kemm huwa s-salarju u/jew onorarja, u benefiċċji oħra relatati mal-karigi ta' chairman u kap eżekuttiv f'awtoritajiet, aġenziji u korporazzjonijiet li jaqgħu taħt ir-responsabilità tagħha?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

skema tax-xogħol fil-komunità — individwi magħżula

Question

Tista' l-Ministru tgħid minn dawk li qegħdin fl-iskema tax-xogħol fil-komunità, kemm jiġu magħżula individwi biex jagħmlu 780 siegħa?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Kull persuna eleġibbli li tiġi magħżula biex tipparteċipa fl-iskema trid tagħmel 780 siegħa ħidma kull darba li tiġi magħżula biex tipparteċipa fl-iskema. Għal dan m'hemmx preċedenti. Fil-fatt kull parteċipant li matul il-parteċipazzjoni tiegħu jkun jeħtieġlu minħabba xi raġuni valida jassenti ruħu, jrid xorta jaħdem dan il-perjodu wara. Bħalissa fl-iskema hemm 105 parteċipanti liema numru se jiżdied fil-ġimgħat li ġejjin b`numru ta' parteċipanti ġodda.

vouchers tal-benefiċċji tal-enerġija skaduti

Question

Tista' l-Ministru tara kif jista' jirrimedja dwar numru ta' konsumaturi li rċevew il-voucher tal-benefiċċji tal-enerġija u dawn il-vouchers ġew skaduti peress li l-vouchers ġew tard? Tista' tara x'se jiġri u jekk dawn il-vouchers hux se jiġu mġedda?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-vouchers tal-Benefiċċju għall-Enerġija jintbagħatu lil min hu intitolat ġimgħa wara li jkun ħareġ il-kont tad-dawl u l-ilma. Għaldaqstant tajjeb jiġi enfasizzat li l-vouchers qatt ma joħorġu skaduti u għal kuntrarju għandhom skadenza ta’ sitt xhur mid-data tal-ħruġ. Il-benfiċċjarju hu mistenni li juża il-vouchers immedjatament meta jħallas il-kont tad-dawl u l-ilma. Peress li dawn il-vouchers għandhom skadenza ta’ sitt xhur, jekk ma jintużawx mill-benefiċċjarju f’dan il-perjodu ikun hemm il-ħtieġa li dawn il-vouchers jiġu imġedda biex id-dritt għal dan il-benefiċċju ma jintilifx. Li jidher li ġara dan l-aħħar huwa li filwaqt li numru ta’ benefiċċjarji ma kienux sarfu il- vouchers mal-kont tad-dawl u l-ilma kif suppost, fl-istess waqt kien qed isir tibdil fil-process tal-ħruġ tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma. Hekk kif is-sistema l-ġdida tal-kontijiet tlestiet u bdew ħerġin il-kontijiet tad-dawl u l-ilma, numru ta’ benefiċċjarji ma setgħux isarfu l- vouchers li kienu skadew. B’konsegwenza ta’ dan hemm numru ta’ talbiet pendenti biex vouchers li skadew jiġu imġedda. Biex tilqa’ għal din id-domanda mhux normali, d-Diviżjoni tas-Sigurtà Soċjali qed tieħu l-passi neċessarji sabiex it-tiġdid ta’ dawn il- vouchers jiġi ipproċessat malajr kemm jista’ jkun. U għal dan il-għan qed isir proċess kull ġimgħa fejn dawn il- vouchers li ikunu ġew imġedda jintbagħtu lill-benefiċċjarji. Dan il-proċess għandu jkompli sakemm it-talbiet kollha pendenti jitlestew.

Wi-Fi fl-Università

Question

Tista' l-Ministru tispjega kif fl-iktar bini modern fl-Università, jiġifieri l-gateway building , m'hemmx wi-fi waqt li hemm wi-fi fl-iktar binjiet antiki tal-Università? Meta se jkun hemm servizz ta' wi-fi fil-gateway building?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Università miexja fuq pjan mifrux fuq medda ta’ snin biex toffri s-servizz ta' wi-fi fil-bini kollu tagħha. Is-servizz ta' wi-fi fil-Gateway Building hu ppjanat għal din is-sena.

Carer Pension

Question

Tikkonferma l-Ministru li huwa minnu li l-carer's pension (Pensjoni tal-wens) tingħata biss fuq bażi ta' means test? Għaldaqstant jekk xi ħadd bl-għaqal kollu tiegħu jfaddal ammont li jaqbeż ic-ceiling, dan ma jikkwalifikax għal pensjoni tal-wens? Jekk ikun il-każ li membru tal-familja jaħdem imma lest li jagħmel sagrifiċċju u jieqaf mix-xogħol biex jieħu ħsieb l-bżonnijiet tal-anzjani tiegħu, dan aktar iva milli le mhux se jikkwalifika għall-pensjoni tal-wens (min ma jfaddalx Lm4,000)? Ma taħsibx li dan il-fattur se jkompli jiskoraġixxi lil dawn il-carers milli jagħmlu dan il-pass?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Carers Pension (Pensjoni tal-Wens) hija means tested. Il-kriterji li fuqhom tingħata din il-pensjoni huma tnejn: a) li l-applikant/a qiegħed/qiegħda tieħu ħsieb persuna (tal-familja) li hija fis-sodda permanentement jew f’ wheelchair il-ġurnata kollha, b) li l-kapital ta’ l-applikant ma jkunx jeċċedi l-14,000 Euro mhux 9318 Euro(LM4000) kif qal l-Onor. Interpellant. Għalhekk applikazzjonijiet li ma jissodisfawx dawn iż-żewg kriterji jiġu miċħuda.

carers li telqu l-impjieg tagħhom biex jassistu lill-membri tal-familja

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk huwiex minnu li filwaqt li dawn il-carers li telqu mill-impjieg tagħhom sabiex jassistu lill-membri tal-familja fil-bżonn, mhux talli ma jingħataw ebda għajnuna finanzjarja iżda jkollhom jibqgħu jħallsu l-bolla (minn ġewwa) u dan sabiex jikkwalifikaw għall-pensjoni tagħhom? Ma temminx li wasal iż-żmien li għandhom jingħataw għajnuna b'forma ta' ezenzjoni milli jħallsu l-bolla?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Hemm żewġ benefiċċji soċjali li jistgħu jikkwalifikaw għalihom persuni mhux miżżewġa jew romol, li jkunu qed jieħdu ħsieb, waħedhom, fuq bażi full-time u regolarment, il-ġenituri tagħhom jew ħuthom, nanniethom, zijiethom, missierhom jew ommhom tar-rispett jew ħuthom tar-rispett. Dawn il-benefiċċji soċjali huma l-Pensjoni għal Wens u l-Għajnuna Soċjali. Hemm ċerta kundizzjonijiet li jkunu jridu jiġu sodisfatti kif ukoll test tal-mezzi. Kemm il-darba persuna tikkwalifika għal Pensjoni għal Wens, din tista’ tikkwalifika ukoll għal krediti ta’ kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali għal perjodu li tkun qed tirċievi din il-Pensjoni. Fil-każ ta’ l-Għajnuna Soċjali li titħallas, il-persuna kkonċernata hija eżentata milli tħallas il-kontribuzzjonijiet tas-sigurta’ soċjali. Fir-rigward ta’ persuni li ma jikkwalifikawx għal dawn il-benefiċċji mhux neċessarjament huwa dovut il-ħlas tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurta’ soċjali f’kull każ. Fil-każ ta’ carer li hija miżżewweġ jew miżżewwġa dawn awtomatikament eżentata mill-ħlas tal-bolla filwaqt li fil-każ ta’ persuni mhux miżżewġa jew romol, il-kontribuzzjoni tkun dovuta biss kemm il-darba l-qliegħ tagħhom jeċċedi l-€1,005 fis-sena. Ta’ min iżid iżda, li meta persuna tkun eżenti mill-ħlas tal-bolla din jista’ jkollha effett fuq id-dritt futur tagħha għal pensjoni kontributorja.

sidien li waqgħu lura fil-ħlas tal-bolla tan-National Insurance tal-impjegati

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 15789, tista' l-Ministru tikkonferma li ħaddiem li jispiċċa mix-xogħol u jirriżulta li s-sid tax-xogħol fejn kien jaħdem ma jkunx ħallas il-parti tal-bolla tan-National Insurance dovuta minnu, l-ħaddiem ma jintlaqatx b'mod negattiv fil-ħlas tal-pensjoni li suppost tkun dovuta lilu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ħaddiema li jispiċċaw mix-xogħol u jirriżulta li s-sid tax-xogħol fejn jaħdmu ma jkunx ħallas il-kontribuzzjoni dovuta, jintalbu jipproduċi dokumentazzjoni fosthom kopja tal-FS3 sabiex jiġi kkonfermat li tnaqqset il-kontribuzzjoni tas-Sigurtà Soċjali mis-salarju sabiex id-Divizjoni tas-Sigurtà Soċjali tkun tista tqis dawn il-kontribuzzjonijiet daqs li kieku mħallsin u għaldaqstant il-ħlas tal-benefiċċju dovut ma jintlaqatx b’mod negattiv.

Università ta' Cambridge — International Diploma rikonoxxuta

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 15187, tista' l-Ministru tgħid x'inhi r-raġuni li l-MCAST ma jaċċettax il-Cambridge International Diploma in Information and Communication minflok l-ECDL f'każ ta' studenti li ġabu din id-diploma meta huwa magħruf li din id-diploma ssarraf daqs livell ordinarju fil-livell tas-SEC?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Malta College of Arts, Science & Technology kellu talba għall-eżenzjoni mill-ECDL fuq bażi tal-International Diploma tal-Università ta’ Cambridge, liema talba ġiet milqugħa.