Legislature:
Category:
Reset
Active:

Dipartiment ta' l-Agrikoltura — Applikazzjoni għall-għajnuna lill-bdiewa

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jitħabbar ir-riżultat ta' l-applikazzjonijiet li numru ta' bdiewa kienu għamlu mad-Dipartiment ta' l-Agrikoltura taħt Miżura 121? Jista' jassigura li dan ir-riżultat jitħabbar kemm jista' jkun malajr sabiex dawk il-bdiewa li jikkwalifikaw jkomplu jimmodernizzaw l-operat tagħhom kemm jista' jkun malajr?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ir-riżultat ta’ l-applikazzjonijiet tal-Miżura 121 tħabbar nhar is-Sibt 26 ta’ Settembru 2009 u l-ittri lill-applikanti ntbagħtu llum.

Fort Sant' Anglu — restawr

Question

Jista' l-Ministru jgħid għal liema raġuni forti Sant' Anglu tħalla jiddeterjora għal dawn is-snin kollha? Jista' jgħid jekk hux ippjanta li jibda x-xogħol ta' restawr fuq il-forti Sant' Anglu, u jekk iva, meta?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onor Membru biex tagħmel il-mistoqsija tagħha lill-Ministru kkonċernat.

Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — Għawdex - Impjegati

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 9446 u jgħid kemm hemm impjegati f’Għawdex mad-Dipartimenti tal-Gvern u l-entitajiet, l-awtoritajiet u l-organizzazzjonijiet li jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħu? Jista’ jagħti l-istess tagħrif għall-aħħar ta’ Diċembru 2007? Jista’ jagħti l-informazzjoni mitluba skond il-grad u l-iskala tal-ħaddiema?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li preżentement l-impjegati f’Għawdex mad-Dipartimenti, l-entitajiet, l-awtoritajiet u l-organizzazzjonijiet li jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħi, huwa skond kif ġej: Senior Fisheries Officer fi skala 11 Inġinier (mal-WasteServ) fi skala 9 Din l-informazzjoni tgħodd ukoll għal Diċembru 2007.

Għammieri

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux veru li parti mill-Għammieri se jgħaddi għand il-privat? Jekk iva, għand min? X'se jkunu l-kundizzjonijiet relattivi? X'inhi l-viżjoni tal-Gvern dwar l-Għammieri?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma l-Onor Membru li s-sitwazzjoni għadha kif intqal fir-risposta għall-mistoqsija nru 4956.

Ministeru għar-Riżorsi u Affarjiet Rurali — impjegati li gradwaw jew ħadu kors l-Università

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm impjegati fid-dekasteru tiegħu li huma gradwati mill-Università għaliex segwew kors sponsorjat mill-Gvern? Jista' jgħid meta ggradwaw u liema kors għamlu? Kemm sewa l-kors? Kemm għadhom jaħdmu mal-Gvern, f'liema grad u f'liema dipartiment? Kemm irriżenjaw? Kemm ħadu sponsorship iktar minn darba u f'liema kors u meta? Kemm weħlu mill-eżamijiet tal-kors u allura ma komplewx? Jekk intalbux jirrifondu xi ammonti mħallsa mill-Gvern in konnessjoni ma' l-istudji tagħhom? Kemm kien l-ammont, jekk kien il-każ? Jekk kienx hemm xi impjegat li minkejja li m'għaddiex reġa' beda l-kors sponsorjat għal darb'oħra mill-Gvern? X'kien il-kors relattiv u meta kienet l-intake year u l-grad ta' tali impjegat?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ma narax il-ħtieġa li nuża r-riżorsi umani limitati li għandna sabiex niġbor l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant peress li din trid ammont kbir ta’ ħin sabiex tinġabar.

Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — Rilokazzjoni tad-dipartiment

Question

Jista' l-Ministru jagħti d-dettalji dwar in-nefqa fil-Ministeru tiegħu u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu għas-sena 2008 u 2009 sal-lum dwar : i) rilokazzjoni tad-dipartiment mill-post eżistenti għall-ieħor jekk tkun avverrat ii) nefqa dwar xiri ta' għamara ġdida biex tirrimpjazza dik eżistenti u jew iżżid ma' dik eżistenti iii) nefqa dwar redecoration fl-uffiċini u fiex kienet tikkonsisti?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onor Interpellant li din il-mistoqsija tirrikjedi aktar xogħol u għalhekk għandna bżonn aktar żmien sabiex inkunu nistgħu niġbru l-informazzjoni mitluba.

Produzzjoni tas-siġar tal-Gvern

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 9949, 9849, 9477 u 8921 u jgħid kemm kienet il-produzzjoni tas-siġar tal-frott/dwieli/żebbuġ eċċ. tal-Gvern matul dawn l-aħħar ħames snin sena b'sena varjetà varjetà? Kemm kienet in-nefqa globali kull sena għal dan it-tkabbir fl-istess perijodi separati? Kemm minnhom inbiegħu u kemm ingħataw b'donazzjoni u lil min?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Risposta tingħata f’xi seduta oħra.

Biċċerija — qatla tal-majjal, ċanga u bhejjem

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kienet il-qatla tal-majjal, ċanga u bhejjem oħra fil-biċċerija din is-sena, xahar b'xahar bejn Jannar u Ġunju? Kif titqabbel din il-qatla mal-perijodu Jannar-Ġunju 2007, 2008?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li l-qatla tal-majjal, ċanga u bhejjem oħra fil-biċċerija din is-sena, xahar b'xahar bejn Jannar u Ġunju u għall-istess perjodu fl-2007 u 2008 hu skont id-dokument li qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

iskema għar-restawr tal-ħitan tas-sejjieħ — ħlas lill-applikanti

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jitħallsu dawk li kienu applikaw għall-iskema għar-restawr tal-ħitan tas-sejjieħ ta' lqugħ għas-sena 2008?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li l-pagamenti tal-ħitan tas-sejjiegħ tal-ilqugħ għas-sena 2008 qegħdin fil-proċess biex jitħallsu.

Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — sorsi alternattivi ta' enerġija

Question

Jista' l-Ministru jagħti s-segwenti informazzjoni: 1) X'kienu l-inizjattivi li ħa l-Ministru u dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu biex jutilizzaw alternative sources of energy fl-uffiċini u dipartimenti tagħhom rispettivament? 2) X'tip ta' teknika ġiet utilizzata minn kull dipartiment li implimenta tali inizjattivi? 3) Fejn ġew implimentati tali inizjattivi, jekk dawn ġewx effetwati billi inħarġet call for tendering jew jekk ix-xogħol ingħatax permezz ta' direct order? 4) F'kull każ jekk b'direct order u/jew b'sejħa għall-offerti kemm kien l-ammont ta' kull tender jew direct order? 5) Lil liema kumpannija jew persuna ingħatat kull tender jew direct order? Din l-informazzjoni qed tiġi mitluba għas-snin 2007, 2008 u sal-aħħar ta' Mejju 2009.

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onor Interpellant li din il-mistoqsija tirrikjedi aktar xogħol u għalhekk għandna bżonn aktar żmien sabiex inkunu nistgħu niġbru l-informazzjoni mitluba.

Pitkalija — żamma ta' tliet containers

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għaż-żamma ta' tliet containers fil-bini tal-pitkalija u x'inhu l-użu tagħhom? Jista' jgħid kemm qed jitħallas sid il-containers u kemm ilu jitħallas hekk?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat lit-tliet containers li hemm fil-kumpless tal-Pitkalija qed jintużaw bħala mħażen għall-użu tal-Pitkali Crates Ltd, biex jinħażnu fihom il-kaxxi tal-plastic. Dawn il- containers huma propjetà tal-Gvern u għalhekk ma titħallasx kera fuqhom.

Pitkalija — kamra għas-security

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-kamra li nbniet għas-security fil-kumpless tal-pitkalija hux mibnija fuq art tal-Gvern jew tal-Bank APS?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li l-kamra tas-Security li qed jirreferi għaliha l-Onor Membru hi mibnija fuq art tal-Gvern.

Qawra — Kennedy Grove - masġar

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma l-fażijiet li fadal isiru fil-masġar ta' ħdejn Kennedy Grove il-Qawra limiti ta' San Pawl il-Baħar? Meta hu mistenni li x-xogħol f'dan il-post fil-fatt jintemm u l-faċilità tkun tista' titqies bħala li hi lesta?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li l-parti l-kbira tat-Tielet u l-aħħar fażi fil-masġar ta’ ħdejn Kennedy Grove giet kompluta fid-29 ta’ Mejju 2009. It-taħwil tal-kumplament ta’ 400 siġra ser isir f’Ottubru ta’ din is-sena.

Pitkalija — kontrolli fuq ħaxix

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'tip ta' kontrolli jsiru biex jiġi assigurat li fil-pitkalija ma jiddaħħlux frott u ħaxix ta' barra li mbagħad jinbiegħ bħala ta' Malta? Meta saru l-aħħar kontrolli u x'irriżulta minn dawn l-ispezzjonijiet? Kien hemm xi persuni li tressqu l-Qorti minħabba dan it-tip ta' abbuż?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Risposta tingħata f’xi seduta oħra.

Bozoz energy saving

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm se iħallas il-Gvern għal kull bozza energy saving li ser iqassam?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma l-Onor Membru li ħlas għal kull bozza energy saving li ser titqassam ser ikun skont in-notifikazzjoni tal-Gvern numru 200/09 li dehret fil-gazzetta tal-Gvern tal-11 ta’ Marzu tal-2009.

Laħam tat-tjur tas-simna — produzzjoni attwali

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 9678 u cioè: B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9254 u 8473, jista' l-Ministru jinfurmani x'kienu raġunijiet/konsegwenzi li l-produzzjoni waqgħet f'dawn il-livelli meta d-domanda għal laħam abjad żdiedet?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Filwaqt li nitlob l-Onor Membru biex jispjega kif wasal għall-konklużjoni li d-domanda għall-laħam abjad żdiedet, nixtieq infakkru li llum hawn suq liberalizzat u għalhekk, l-għażla hija f’idejn il-konsumatur liema prodotti jixtri.

Produzzjoni tas-siġar tal-Gvern

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 9849, 9477 u 8921 u jgħid kemm kienet il-produzzjoni tas-siġar tal-frott/dwieli/żebbuġ eċċ. tal-Gvern matul dawn l-aħħar ħames snin sena b'sena varjetà varjetà? Kemm kienet in-nefqa globali kull sena għal dan it-tkabbir fl-istess perijodi separati? Kemm minnhom inbiegħu u kemm ingħataw b'donazzjoni u lil min?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Risposta tingħata f’xi seduta oħra.

Bdiewa, raħħala u sajjieda — sussidju

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 9851 u jagħti breakdown ta' kemm hija ċ-ċifra ta' flus li għandha titħallas lill-bdiewa, raħħala u sajjieda Maltin u Għawdxin separatament bħala sussidju mill-Unjoni Ewropea rispettivament?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob l-Onor Membru biex ikun iktar speċifiku u jindika għal liema perjodu qed jirreferi.

Produzzjoni tal-Kompost — verifiki fil-laboratorji

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9853, jista' l-Ministru jinforma kif il-parlament Malti jista' jkun infurmat bl-informazzjoni tal-verifiki tal-livelli li semmew fil-mistoqsija parlamentari 9853 u dan fid-dawl li dan il-kompost jintuża mill-bdiewa biex ikabbru l-uċuħ tagħhom tal-prodotti li jikkonsma kulħadd?

Response (PULLICINO, GEORGE)

M’għandix xi nżid mar-risposta tal-mistoqsija 9853.

Forti Sant'Iermu — riġenerazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 9790 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment u li issa ġiet riferuta lilu u jispjega kif se ssir ir-riġenerazzjoni tal-Forti Sant'Iermu u x'inhuma t-timeframes relattivi? X'nefqa hi proposta item, item? Se jkun hemm applikazzjoni għall-fondi ta' l-Unjoni Ewropea dwar dan?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob l-Onor Membru biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.