Legislature:
Category:
Reset
Active:

voucher tal-energy allowance

Question

Tista' l-Ministru tgħid mill-aħħar żieda fit-tariffi tad-dawl u l-ilma sal-lum kemm-il voucher (energy allowance) bagħat il-gvern? Lil kemm familji skont kull faxxa tad-dħul tal-familji? Kemm hu l-valur komplessiv tal-vouchers li ntbagħtu (it-total tal-għajnuna)? Kemm hi l-medja ta' għajnuna li ngħatat lill-familji li ntbagħtulhom il-vouchers? Kemm kien f'termini ta' valur l-inqas voucher li ntbagħat? Kemm kien f'termini ta' valur l-ogħla voucher li ntbagħat?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Minn Jannar 2010 id-Diviżjoni tas-Sigurtà Soċjali ħarġet 15,866 vouchers tal-benefiċċju għall-enerġija lil 15,922 familja u il-valur tagħhom jammonta għal €742,401.70. Il-valur ta’ vouchers li ntbagħatu kien kif jidher hawn taħt: L-Għola L-Inqas Każ umanitarju €1,357.19 €106.24 Każ Soċjali €472.69 € .01 Każ bit-test tal-mezzi €350.15 € .01 Il-medja ta’għajnuna li ngħatat lill-familji li ntbaghtulhom il- vouchers kien ta’ €46.62.

Talba għall-post alternattiv

Question

Tista' l-Ministru tara li jitmexxa l-każ dwar talba minn famlija, li dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, għal bdil ta' post ma' post ieħor?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Din l-applikazzjoni daħlet ftit tal-ġimgħat ilu. L-inkwilin ta’ post tal-Gvern qiegħed jitlob post b’anqas taraġ. S’issa l-awtorità m’għandiex post li jwieġeb għal ħtiġijiet tal-applikant.

Aġenzija Sapport — persuni b'diżabilità intelletwali u fiżiċi

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk l-Adult Training Centres mmexxija mill-Aġenzija Sapport humiex biss għall-persuni b'diżabilità intelletwali u fiżiċi? Jistgħu persuni li jsofru minn mard mentali jagħmlu użu minn dawn is-servizzi? Jekk le, fejn jistgħu jirrikorru dawn il-persuni b'mard mentali?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Iċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum tal-Aġenzija Sapport jipprovdu servizz lil persuni b’diżabilità intelletwali, sensorjali kif ukoll fiżiċi. Numru sostanzjali minn dawn il-klijenti jkollhom aktar minn diżabilità waħda u fost dawn ikun hemm min ikollu ukoll xi forma ta’ mard mentali. Min isofri minn mard mentali jirrikorri għall-għajnuna mill-Ministeru tas-Saħħa.

Fondazzjoni għas-Servizz tal-Ħarsien Soċjali u Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilità — rapporti

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar kemm ġew ikkummisjonati rapporti mill-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali u l-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilità fir-rigward tal-qasam tad-diżabilità f'dawn l-aħħar sentejn? Jekk iva, kemm swew kull wieħed minn dawn ir-rapporti? Min għamilhom dawn ir-rapporti? Tista' tpoġġi kopja ta' dawn ir-rapporti fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ma ġew ikkummissjonati l-ebda rapporti mill-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali u l-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità f’dawn l-aħħar sentejn.

Fondi mill-Unjoni Ewropa għad-Dipartiment tal-Edukazzjoni — formola mhux mimlija tajba

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux minnu li min kien inkarigat mill-mili tal-formola għat-talba sabiex d-Departiment tal-Edukazzjoni jirċievi fondi mill-Unjoni Ewropea imlihiex ħażin, bil-konsegwenza li d-dipartiment se jirċievi anqas fondi? Jista' l-Ministru jgħid meta l-fondi hekk allokati se jiġu mgħoddija lill-iskejjel b'mod partikolari dawk li jgħallmu x-xjenza?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nifhem li l-Onor. Interpellant qiegħed jirreferi għall-proġett li jġib l-isem ta’ ‘Xiri ta’ Apparat Xjentifiku u Teknoloġiku għall-iskejjel tal-iStat’, proġett li hu kkofinanzjat mill-Unjoni Ewropea permezz tal-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp Reġjonali (ERDF). Dan il-proġett hu mmexxi mid-Direttorat responsabbli mill-Kwalità u l-iStandards fl-Edukazzjoni, fi ħdan il-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja. Mhux minnu li min kien responsabbli mill-mili tal-formola neċessarja imliha ħażin. Il-fatti huma li l-applikazzjoni mtliet tajjeb ħafna u d-Direttorat konċernat irċieva l-fondi kollha mitluba fl-applikazzjoni. Wara sejħa pubblika għall-offerti u l-proċess kollu relatat ma’ tali sejħa, il-kuntratti relatati max-xiri tal-apparat bħalissa qed jiġu ffirmati kemm minn naħa tad-Direttur tal-Kuntratti kif ukoll minn naħa tal-kuntratturi rebbieħa tad-diversi partijiet tal-offerta ġenerali, biex fil-ġimgħat li ġejjin l-apparat kollu jkun jista’ jiġi mgħoddi u stallat fid-diversi skejjel tal-iStat.

Università ta' Malta — persuni li applikaw għal messaġġiera

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta se jiġu msejħa dawk il-persuni li applikaw għall-post ta' messaġġiera fl-Università ta' Malta u kemm fil-fatt jinħtieġu jimtlew postijiet?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-proċess tal-għażla għadu ma bediex għax qed isiru preparamenti biex kull min applika jiġi msejjaħ biex joqgħod għal eżami kemm fil-lingwa Maltija kif ukoll fil-lingwa Ingliża. Numru ta’ persuni jiġu mqegħda f’ordni ta’ mertu għal postiiet li jiġu vakanti fi żmien sena mid-data tal-Kunsill.

Rabat Għawdex — Kuntratt tal-bini tal-iskola sekondarja tas-subien

Question

Tista' l-Ministru tgħid minn min hi magħmula l-RCF Joint Venture li ngħatat il-kuntratt tal-bini tal-iskola sekondarja tas-subien fir-Rabat, Għawdex?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-RCF Joint Venture li ngħatat il-kuntratt tal-bini tal-iskola sekondarja tas-subien fir-Rabat, Għawdex hi magħmula minn C&F Building Contractors Ltd. u minn Road Construction Co. Ltd.

arkivji Maltin

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar x'sar s'issa biex jiġi assigurat li d-diversi arkivji li għandna f'Malta mhux biss ma jintilfux, iżda fil-fatt jiġu mħarsa sew, filwaqt li jkunu jistgħu jintużaw għar-riċerka minn riċerkaturi, kemm Maltin kif ukoll barranin li jistgħu jkunu nteressati f'dak li hu Malti?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Is-settur arkivistiku Malti hu wieħed vast, divers u rikk ferm. Il-Gvern għandu l-obbligu li jħares dan il-wirt arkivistiku kemm peress li dan jista’ jintuża mir-riċerkaturi kemm Maltin kif ukoll barranin kif ukoll peress li d-dokumentazzjoni għanda wkoll l-aspett ta’ kontabilita’ li jorbot ma’ amministrazzjoni korretta u miftuħa għall-iskrutinju pubbliku. Għalkemm l-istess obbligu mhux sanzjonat mill-liġi fejn jidħlu arkivji mhux pubbliċi, pero l-Gvern jemmen li sa fejn hu possibli għandu jgħin anke lil dawk kollha li disposti jikkollaboraw. 1. Wara li fis-sena 1990 il-Parlament Malti approva l-ewwel liġi li waqqfet l-Arkivji Nazzjonali, fl-2005 din inbidlet b’ liġi ġdida aktar adatta għaż-żminijiet tal-lum. 2. Permezz ta’ l-istess liġi twaqqaf l-uffiċċju ta’ l-Arkivista Nazzjonali u nħatru għall-ewwel darba l-Arkivista Nazzjonali u l-Assistent Arkivista Nazzjonali. 3. Beda jopera l-makkaniżmu ġdid tal-Kunsill ta’ l-Arkivji. 4. Twaqqfu żewġ korsijiet fl-arkivistika fl-Università ta’ Malta. L-ewwel kors huwa Diploma fl-Arkivistika u Amministrar ta’ Rekords. It-tieni kors huwa Baċellerat fil-Bibljoekonomija, Informatika u Arkivistika. 5. Ġew iffirmati tliet ftiehim dwar diġitalizzazzjoni mill-Arkivji Nazzjonali. Permezz ta’ dawn il-ftiehim in-nefqa kollha nvoluta hi f’idejn istituzzjonijiet barranin. Minn dawn il-proġetti matul l-2009 ġew prodotti 1,098,843 kopja diġitali ta’ dokumenti 6. Ġie varat il-Proġett tal-Memorja Nazzjonali fil-Banca Giuratale ġewwa l-Imdina b’ kollezzjoni ta’ portraits li ngħataw lill-istat mill-fotografu Tony Mangion. 7. Ġie iffirmat ftehim mal-Gvern Spanjol sabiex ikun hemm kollaborazzjoni fil-qasam ta’ l-Arkivji permezz ta’ skambji ta’ arkivisti u attivitajiet bħal wirjiet konġunti. 8. Issejjaħ għall-ewwel darba l-Forum dwar l-Arkivji Nazzjonali fl-2008, li fih ipparteċipaw kemm arkivji pubbliċi kif ukoll rappreżentanti minn arkivji privati u tal-Knisja. 9. Ġie pubblikat l-ewwel rapport dwar l-Istat ta’ l-Arkivji f’Malta fis-sena 2008. Dan ir-rapport issa huwa rekwiżit tal-liġi dwar l-arkivji, u jrid jinħareġ kull sentejn. Ir-rapport jista jiġi aċċessat b’ mod elettroniku fuq is-sit http://www.education.gov.mt/ministry/doc/archives_report_2008.htm. Diġa’ bdiet il-ħidma biex jinġabar ir-rapport għas-sena 2010. 10. Tnieda sit elettroniku ġdid ta’ l-Arkivji Nazzjonali li joffri diversi servizzi on-line u l-possibilita li wieħed jixtri kopji ta’ dokumenti u jħallas on-line. Is-sit jinsab fuq www.nationalarchives.gov.mt. 11. L-Arkivista Nazzjonali ġie elett bħala President ta’ l-Assoċjazzjoni ta’ l-Arkivisti u Amministraturi ta’ Rekords tal-Commonwealth. Il-kariga li hi għal erba snin ser iġġib aktar għarfien dwar l-arkivji Maltin f’pajjiżi tal-Commonwealth. 12. Ġie stabilit b’mod elettroniku r-Reġistru Nazzjonali dwar l-Arkivji. Dan ser jipprovdi metodu xjentifiku u modern li permezz tiegħu riċerkaturi kemm Maltin kif ukoll barranin ser ikunu jistgħu jaġġornaw ruħhom bl-operat ta’ l-arkivji Maltin u wkoll jibdew jaċċessaw katalgi on-line. 13. Fis-sena 2009 ġiet ospitata f’Malta l-Konferenza Internazzjonali Annwali ta’ l-Arkivisti li ġabet f’pajjiżna 250 arkivist minn aktar minn 90 pajjiż. 14. B’ kollaborazzjoni bejn l-Arkivji Nazzjonali u l-Bibljoteka Nazzjonali ġiet organizzata wirja ta’ l-aqwa esebiti mill-arkivju ta’ l-Ordni tal-Kavallieri. Inħareġ ukoll katalgu ta’ l-okkażjoni. 15. Inbdiet kollaborazzjoni bejn l-Arkivji Nazzjonali u d-Dipartiment ta’ l-Informazzjoni u filmati storiċi li qed ikunu diġitalizzati qed jiġu depożitati fl-Arkivji Nazzjonali. 16. Inbeda proġett li taħtu ser jiġu riċerkati, preservati u dokumentati diski ta’ mużika Maltija li tmur lura għas-snin tletin. 17. L-Arkivji Nazzjonali ipparteċipa fi programmi ta’ l-Unjoni Ewropeja b’ mod partikolari l-Leonardo, l-Aristhot taħt l-Interreg IIIB, u l-APEnet taħt l-e-Contentplus. Dawn fissru fondi u taħriġ għal ħaddiema ta’ l-arkivji Maltin. Ċertu kontenut diġitali llum jinsab fuq is-siti elettroniċi ta’ dawn il-proġetti. 18. Ġie pubblikat il-ktieb ‘Guardians of Memory: essays in remembrance of Hella Jean Bartolo Winston’ minn 24 awtur Malti u barrani. L-iskop kien dak li jippromwovi l-kollezzjonijiet arkivistiċi Maltin għal riċerkaturi kemm Maltin kif ukoll barranin. Aktar inizjattivi bħal ma huma żjarat edukattivi u publikazzjonijiet jinsabu elenkati fir-rapporti annwali li joħroġ l-Arkivista Nazzjonali u li sena wara sena jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra. Hemm ħidma avvanzata dwar proġetti oħra li l-Arkivji Nazzjonali flimkien mal-Ministeru qed jaħdmu fuqhom għas-snin li ġejjin. Ix-xogħol li sar fuq l-Arkivji ġewwa r-Rabat, Malta, fil-binja Santo Spiritu, issa jidher ukoll fuq Facebook biex għarfien dwar l-Arkivji Nazzjonali ikun dejjem aktar aċċessibbli.

servizz ta' childcare fl-oqsma industrijali

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm-il faċilità ta' childcare hawn fl-oqsma industrijali? Kemm minnhom joffru servizz f'ħinijiet tax-xogħol ta' shift (after hours)?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Fl-oqsma industrijali teżisti facilità waħda ta’ childcare. Il-ħinijiet li jopera dan ic-Childcare Centre huma mis-6.00 a.m. sas-6.00 p.m.

maternity u parental leave

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm-il persuna bbenefikat minn maternity leave u parental leave separatament matul l-2009? F'każ ta' parental leave kemm kienu rġiel? Tista' tgħid jekk il-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ għandhiex aġenzija li tħarreġ ħaddiema biex jaħdmu b'mod temporanju biex jissosstitwixxu dawk bil-maternity/parental leave?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel l-ewwel parti tal-Mistoqsija Parlamentari lill-Ministru konċernat. Il-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħrig tipprovdi taħriġ f’130 kors differenti għal dawk in-nies li jridu jitħarrġu f’ħiliet differenti, u ma tagħmilx distinzjoni għal dawk li jaħdmu temporanju jew permanenti.

Żgħażagħ taħt it-18-il sena li qegħdin jirreġistraw

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15350, tista' l-Ministru tgħid mill-252 żgħażagħ taħt it-18-il sena li qed jirreġistraw għax-xogħol fl-ewwel parti, kemm minnhom għandhom iċ-ċertifikati SEC f'livell ordinarju, intermedju u/jew avvanzat? Kemm minnhom għandhom ECDL jew parti minnu? Kemm minnhom għamlu korsijiet tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Mill-252 żgħażagħ taħt it-18-il sena li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol fl-ewwel parti f’Jannar ta’ l-2010, 59 għandhom ċertifikati SEC f’livell ordinarju, 2 fl-livell intermedju filwaqt illi m’hemm ħadd li hu kwalifikat f’livell avvanzat. Barra minn hekk, minn dawn il-252, 18 għandhom ECDL jew parti minnu filwaqt li 105 ipparteċipaw f’korsijiet tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ kemm ilhom jirreġistraw.

Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Famlija — attivitajiet/konferenzi/taħditiet organizzati

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'attivitajiet/konferenzi/taħditiet ġew organizzati mill-ministeru u mid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha f'dawn l-aħħar sitt xhur? X'kienet l-attività? X'kienet l-ispiża involuta? Kien hemm xi ko-finanzjament għal dawn? Jekk fl-affermattiv minn min sar il-ko-finanzjament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja — każijiet ta' korruzzjoni tal-VAT

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk matul is-snin 2004, 2005, 2006, 2007 u 2008, persuni u/jew kumpaniji li nstabu ħatja fil-każ ta’ korruzzjoni tal-VAT ingħatawx kuntratti u/jew direct orders mill-Ministeru u/jew entitajiet li jaqgħu taħtha? Jekk iva, liema huma dawn il-kumpaniji, liema kienu l-kuntratti u għal kemm jammontaw?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Ground tal-Football f'Wied il-Għajn

Question

Peress li kienet ilha s-snin ix-xewqa li f'Wied il-Għajn jkun hemm team tal-futbol li jikkompeti fil-Malta Football Association u f Wied il-Għajn l-iskola primarja m'għandhiex grawnd u għandha biss roqgħa żgħira ta' spazju u minħabba f'hekk grupp ta' sportivi minn Wied il-Għajn organizzaw ruħhom fi klabb tal-futbol liema grupp ġie rikonoxxut mill-Kunsill Lokali ta' Wied il-Għajn u qiegħed fil proċess li jiġi rikonoxxut mill-Kunsill Malti għall-Isports. Dan il-klabb jixtieq jipparteċipa fil-Malta Football Association fis-season li ġej u peress li l-players qed ikollhom jikru ground tal-futbol privat biex jittrenjaw u qed iħallsu kollox minn buthom u peress li hi politika tal-gvern li jgħin lill-isports tant li għen f diversi proġetti b'għoti ta' art għal grawnds lil diversi klabbs tal-futbol, taħsibx il-Ministru li għandu jingħata ground tal-futbol f xi skola tal-gvern f'raħal qrib Wied il-Għajn għal numru ta' sigħat għal tliet darbiet fil-ġimgħa biex dawn ikunu jistgħu jagħmlu t-training tagħhom mingħajr ma jkollhom iħallsu huma stess? Taħsibx li on the long term għandha ssib art f' Wied il-Għajn biex fuqha jinbena grawnd tal-futbol?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kunsill Malti għall-Isport (KMS) diġa qiegħed f’negozjati mal-Kunsill Lokali Marsaskala biex jiġi żviluppat ground fl-iskola Primarja tal-lokalita’ bil-għan li jintuża min-nursery tal-klabb tal-football imsemmi. La darba l-klabb jirreġistra mal-KMS, kif titlob il-Liġi tal-iSport, il-klabb ikun f’pożizzjoni li japplika għal assistenza minn waħda mid-diversi Skemi ta’ Assistenza tal-KMS. Il-KMS ikun dispost li jiddiskuti l-eventwalita ta’ trasferiment ta’ art għall-bini ta’ ground jekk tiġi identifikata art adattata għal dan l-iskop.

Żgħażagħ b'diżabilità fil-Junior College

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm għandna żgħażagħ b'diżabilità jattendu xi kors fil-Junior College?

Response (CRISTINA, DOLORES)

In-numru ta’ studenti b’diżabilità li qed isegwu xi kors fil-Junior College huwa ta’ 22.

Żgħażagħ b'diżabilità fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm għandna żgħażagħ b'diżabilità jattendu xi kors fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Bħalissa fl-Istitut tal-Istudji Turistiċi m'hemmx studenti li huma reġistrati bħala persuni b’diżabbilità li qed jattendu xi kors full-time. Hemm numru ta’ studenti li għandhom diżabilità, imma dawn m’għandhomx reġistrazzjoni mal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilità.

Żgħażagħ b'diżabilità fl-Università ta' Malta

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm għandna żgħażagħ b'diżabilità jattendu xi kors fl-Università ta' Malta?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Bħalissa fl-Università ta’ Malta hemm 116-il student b’diżabbilità.

Żgħażagħ b'diżabilità — kors ta' taħriġ mill-Korporazzjoni għax-xogħol u taħriġ

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm għandna persuni b'diżabilità li ħadu xi kors ta' taħriġ mill-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ fis-sena 2008 u fis-sena 2009?

Response (CRISTINA, DOLORES)

In-numru ta’ persuni b’diżabilità li ħadu xi kors ta’ taħriġ mall-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ matul is-sena 2008 kien ta’ 139, filwaqt li matul is-sena 2009 kien ta’ 134.

Persuni b'diżabilità — Ċentri ta' Matul il-Jum

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm għandna persuni b'diżabilità qed jattendu fiċ-Ċentru ta' Matul il-Jum, x'inhi l-età tal-iżgħar persuna u l-età tal-ixjeħ persuna?

Response (CRISTINA, DOLORES)

In-Numru ta’ persuni b'diżabilità li qed jattendu fiċ-Ċentru ta' Matul il-Jum huwa kif jidher hawn taħt: Ċentru Numru ta’ Klienti fiċ-Ċentru Neqsin mid-Dawl 19 Kottonera 18 Fleur De Lys 66 Ħal Far 83 Wied il-Għajn 60 Mtarfa 94 Mtarfa Resource 21 Paola 23 Swatar 17 Total 401 L-età tal-iżgħar persuna hija ta’ 20 sena filwaqt li l-età tal-ixjeħ persuna hija ta’ 80 sena.