Legislature:
Category:
Reset
Active:

Furjana — Tindif tas-subway

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba nżebaħ, tnaddaf jew inħasel, kemm is-sub way li hemm taħt it-triq prinċipali tal-Furjana li permezz tiegħu taqsam din l-istess triq traffikuża minn taħt l-art u bla periklu, kif ukoll it-taraġ li jagħti għalih?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li mpjegati tad-Dipartiment Servizzi tal-Indafa jnaddfu s-subways u t-turġien li jagħtu għalihom, darbtejn fil-ġimgħa, nhar ta’ Tnejn u nhar ta’ Ġimgħa bil-lejl. Rigward il-manutenzjoni nitlob l-Onor. Membru biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Furjana — Pjazza Emanuel S. Tonna

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 8121 u 7691 u jara li jiġu replanted banda oħra s-siġar li qed jgħattu l-faċċata b'valur arkitettoniku tas-sala Robert Sammut, fi Pjazza Emanuel S Tonna, Floriana?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Is-suġġeriment se jiġi ikkunsidrat.

Ħaddiema tar-restawr — danger money

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jitħallsu d-danger money, il-ħaddiema fis-settur pubbliku li jaħdmu fit-taqsima tar-restawr u dan għaliex ilhom madwar tliet xhur ma jieħdu pagament?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat illi skond proċedura stabbilita fit-taqsima tar-restawr fi ħdan il-Ministeru, il-ħlasijiet tad-danger money isiru fuq bażi regolari ta’ darba kull tliet xhur, bil-pagament li jmiss ikopri ħlasijiet għall-perjodu minn April sa Ġunju 2009 u ser jitħallas mal-paga tal-4 ta’ Novembru 2009.

insulation tal-bjut u ħġieġ double glazed — skema

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu l-applikazzjonijiet li matul l-aħħar sena kkwalifikaw għall-iskema ta' inċentivi marbuta mal-insulation tal-bjut u t-twaħħil ta' ħġieġ double glazed fid-djar imħabbra fl-aħħar budget?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat illi kien hemm 112 applikazzjoni li kkwalifikaw għall-iskema ta’ inċentivi marbuta mal-insulation tal-bjut u 36-il applikazzjoni għall-iskema ta’inċentivi marbuta ma’ twaħħil ta’ ħġieġ double glazed imħabbra fl-aħħar budget.

enerġija li tiġġedded — skema

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu l-applikazzjonijiet li matul l-aħħar sena kkwalifikaw għall-iskema ta' inċentivi għall-intrapriżi li lesti jinvestu fil-ġenerazzjoni ta' enerġija li tiġġedded u fl-użu aħjar tal-enerġija mħabbra fl-aħħar budget?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onor Membru biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Oqsma tal-Biedja u Sajd — Benefiċjarji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kienu l-iskemi ta’ għajnuna fl-oqsma tal-biedja u sajd għal Malta u għal Għawdex separatament kull sena mill-2004 sal-lum? Kemm kienu u x’kienu l-benefiċjarji ta’ dawn l-iskemi f’Malta u Għawdex separatament? Kemm intnefqu flus kull sena fl-istess perijodu fuq dawn l-iskemi f’Malta u Għawdex separatament? Kemm minnhom kienu fondi Ewropej?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Risposta tingħata f’xi seduta oħra.

Birgu — Restawr fuq l-Istatwa ta' San Duminku

Question

Peress li ftit tas-snin ilu kien ġie mwiegħed li kellu jsir restawr fuq l-istatwa ta' San Duminku li hemm fid-daħla lejn il-Birgu, jista' l-Ministru jgħid jekk dan ix-xogħol fuq din l-istatwa artistika jekk hux se jsir? Jekk fl-affermattiv, allura jista' jagħti indikazzjoni meta se jsir dan ix-xogħol?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li wara li s-sena l-oħra kien sar xogħol ta’ tindif fuq l-istatwa, din kienet ġiet ivvandalizzata u ntefgħet iż-żebgħa fuqha. Għalissa mhux ippjanat xogħol ta’ restawr ieħor għax hemm xogħol ieħor ipprogrammat f’lokalitajiet oħra.

Bormla — Bieb Santa Liena - restawr tal-bieb

Question

Peress li l-Bieb ta’ Santa Liena Bormla kien ġie restawrat għal stat tajjeb ħafna, u peress li l-istess mina tan-nofs għadha miftuħa u esposta għal kull abbuz, jista’ l-Ministru jgħid meta ser isiru l-bollards dekorattivi madwar Bieb Santa Liena, Bormla, liema proġett kien approvat mic-CRC?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat illi ser jittieħdu l-passi neċċesarji biex il-bollards imsemmija jitwaħħlu mill-aktar fis possibli.

kosta tal-baħar — decoration lighting

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar f'kemm-il lokalità f'Malta u Għawdex twaħħal decoration lighting matul il-kosta tal-baħar? Fejn kienu dawn il-lokalitajiet? Hemm possibilità li dan it-tip ta' dawl jitwaħħal matul il-kosta mix-Xemxija sas-Salina, jew almenu f'partijiet minn dawn l-inħawi?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li kien biss fl-Għadira li twaħħlu, b’mod temporanju għas-sajf, decoration lighting f’forma ta’ festun. Mix-Xemxija sas-Salina ħemm ħafna fanali mwaħħlin fuq bollards tal-konkos, ħlief għall-parti bejn l-iskola primarja u t-Torri. Peress li jinħass li b’din is-sistema ta’ dwal hemm dawl biżżejjed, mhux maħsub li jitwaħħlu decoration lighting f’din iż-żona.

Attivitajiet marbuta mal-programm 'Naturalment...Malti'

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma dawk il-lokalitajiet li fihom jistgħu jiġu organizzati l-attivitajiet marbuta mal-programm 'Naturalment...Malti'? F'liema lokalitajiet kienu organizzati s'issa dawn l-attivitajiet? Fejn hu mistenni li jiġu organizzati iktar minn dawn l-attivitajiet li jagħtu exposure tajba lill-prodott Malti?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li kwalunkwe lokalità tista’ tkun tajba għall-programm “Naturalment Malti”, speċjalment jekk ikollha konnessjoni diretta mal-prodott. Raġunijiet oħra jistgħu jkunu li l-lokalità tkun f’żona turistika jew fejn il-konkorrenza tista’ tkun waħda tajba. S’issa dawn l-attivitajiet kienu organizzati f’Ħaż-Żabbar, Ħad-Dingli, fl-Imġarr, f’Marsaxlokk, fil-Buskett, f’tas-Sliema u f’San Lawrenz, Għawdex. Għalkemm jista’ jkun hemm tibdil, dawn l-attivitajiet huma ppjanati li jsiru wkoll, f’Ħaż-Żebbuġ, fiż-Żejtun, fil-Għargħur, f’Ħal-Lija, f’Ħal-Qormi u f’San Ġiljan. Din hija l-ewwel sena tal-kalendarju Naturalment Malti u l-programm tal-2010 qed jitfassal bħalissa. Minbarra l-attivitajiet ‘Naturalment Malti’, l-MRRA jagħti wkoll għajnuna lill-lokalitajiet li jorganizzaw attivitajiet fejn il-prodott Malti jingħata prominenza.

bdiewa full time u part-time

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' bdiewa full time u part-time li hemm reġistrati mad-dipartiment? Jista' jagħti dan it-tagħrif skond il-lokalitajiet li fihom joqogħdu dawn l-istess bdiewa? Kif jitqabblu dawn in-numri mal-bdiewa reġistrati fl-istess lokalitajiet fl-2004 u fl-1999?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Risposta tingħata f’xi seduta oħra.

sajjieda full time u part-time

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' sajjieda full time u part-time li hemm reġistrati bħalissa mal-Ministeru? F'liema lokalità huma reġistrati? Kif jitqabblu dawn in-numri ma' dawk li kien hemm fl-2000 u fl-2005?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li ma jinżammux rekords storiċi fir-Reġistru tas-sajd u l-anqas ma wieħed jitkellem fuq sajjieda reġistrati iżda fuq bastimenti tas-Sajd reġistrati.

Tħaffir għaż-żejt fl-ibħra territorjali Maltin

Question

Fl-2008 u fl-ewwel sitt xhur ta' din is-sena, jista' l-Ministru jgħid jekk sarux xi proposti serji u vantaġġjuzi għal pajjiżna għal tħaffir għaż-żejt fl-ibħra territorjali Maltin? Jekk saru dawn il-proposti, ingħataw xi konċessjonijiet, forsi anke lil organizzazzjonijiet li kienu ressqu dawn il-proposti qabel u jekk ingħataw lil min u x'inhuma l-proposti? Barra minn dawn, hemm xi organizzazzjoniiet oħra li għandhom tali konċessjonijiet? Fejn qed ifittxu għaż-żejt?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li fl-2008, Malta Oil Pty eżerċitat l-opzjoni li taqleb l-Exploration Study Agreement tal-2005 f’Production Sharing Contract li jinkludi tħaffir ta’ bir sa nofs is-sena 2011. Dan kien l-uniku kuntratt ta’ din ix-xorta li ngħata matul il-perijodu li jkopri l-2008 u l-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena. Saru wkoll xi proposti ġodda matul dan il-perijodu, iżda ma ġie konkluż l-ebda ftehim s’issa. Għaldaqstant, fil-mument hemm żewġ kumpaniji li għandhom kuntratt mal-Gvern għat-tiftix għaż-żejt fl-ibħra Maltin, li huma Heritage Oil International (Malta) Ltd f’Arji 2 u 7 u Malta Oil Pty fi Blokki 4, 5, 6 u 7 ta’ Arja 4, kif inhuma murija fuq il- website tal-MRRA.

Solar water heaters — skema

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu l-applikazzjonijiet li matul l-aħħar sena kkwalifikaw għall-iskema ta' inċentivi marbuta max-xiri ta' solar water heaters imħabbra fl-aħħar budget?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat illi kien hemm 1775 applikazzjoni li kkwalifikaw mill-iskema ta’ inċentivi marbuta max-xiri ta’ solar water heaters imħabbra fl-aħħar budget.

sistemi ta' photovoltaic cells — skema

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu l-applikazzjonijiet li matul l-aħħar sena kkwalifikaw għall-iskema ta' inċentivi marbuta ma' investiment f'sistemi ta' photovoltaic cells imħabbra fl-aħħar budget?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat illi kien hemm 175 applikazzjoni li kkwalifikaw mill-iskema marbuta ma’ investiment f’sistemi ta’ photovoltaic cells mħabbra fl-aħħar budget.

Skart domestiku organiku

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'persentaġġ ta' skart domestiku (organiku) qiegħed jiġi composted? X'qiegħed isir bil-kumplament tal-iskart domestiku?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi l-Onor Membru għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari nru 8923. Preżentament l-iskart domestiku qed jiġi kollu landfilled sakemm l-upgrading ta’ l-Impjant ta’ Sant’Antnin jiġi kkummissjonat kollu.

Ħidma fuq iz-zuntier tal-Knisja tal-Imġarr — rendikont

Question

Jista' l-Ministru jagħti rendikont tal-ħidma li saret mill-istess Ministeru fuq iz-zuntier tal-Knisja tal-Imġarr? Jista' jgħid meta dan l-istess xogħol ser ikun lest?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li dan huwa proġett maħdum bejn il-Kunsill Lokali ta’ l-Imgarr u t-Taqsima tax-Xogħlijiet. Ir-responsabbiltà tal-Kunsill f’dan il-proġett hi l-ingaġġar tal-privat biex iwettaq ix-xogħol ta’ lavur u balavostrar, filwaqt dik tat-Taqsima tax-Xogħlijiet, kienet il-preparament tad-disinn, u s-superviżjoni tax-xogħol li qed isir mill-privat, kif ukoll it-tqegħid tax-xogħol tal-lavur mill-ħaddiema tat-Taqsima. Kull meta kien hemm xogħol lest mill-privat li seta’ jitqiegħed mill-ħaddiema tat-Taqsima tax-Xogħlijiet, dan tqiegħed kollu. Kif appena l-Kunsill Lokali jipprovdi l-kumplament tax-xogħol, it-Taqsima tkun pronta tibgħat il-ħaddiema biex jitlesta dan il-proġett.

Siġra fi Triq l-Imdina

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi pjanijiet hemm għas-siġra li tinsab fi Triq l-Imdina (int u sejjer lejn ir-Rabat) u li b’mod naturali ffurmat fuqha xbieha tal-kurċifiss, liema siġra issa mietet? Jista' jgħid x’se jsir minn din is-siġra?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li kif is-siġra bdiet turi li qegħda tbatti, l-MELP kien talab lill-ELC sabiex jagħmel minn kollox biex issalvaha. Però kull tentattiv falla. Għalhekk l-MELP talbet permess lill-MEPA sabiex din is-siġra, tinqala’, titnaddaf u titqiegħed bħala monument fl-istess triq, ftit l-isfel f’wesgħa ta’ ħamrija li diġà teżisti. Il-permess inħareġ nhar is 7 ta’ Settembru 2009 u l-MELP tat struzzjonijiet lill-ELC sabiex jitwettaq ix-xogħol minnufih.

tisbiħ u tranġar ta’ kanal ħdejn Kennedy Grove

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-proġett ta’ tisbiħ u tranġar ta’ kanal ħdejn Kennedy Grove? Kemm kienet ippjanata li kellha tkun l-ispiża oriġinali fuq dan il-proġett? Kemm hija l-ispiża minfuqa s'issa? Kemm mistenni jqum fit-totalità tiegħu l-proġett? Meta beda dan il-proġett u kemm kien imbassar li jdum? Meta huwa mistenni li jintemm?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li l-proġett ta’ tisbiħ u tranġar tal-kanal ħdejn Kennedy Grove huwa ppjanat fuq żewġ fażijiet. L-ewwel fażi li kienet tibda minn ħdejn is-Sokkors il-Kbir u tasal sa l-ewwel bridge li għandhom Silka Ltd tlestiet mix-xogħol ta’ tħammil u irranġar ta’ ħitan li kienu sofrew ħsara bil-maltemp ta’ l-2003. Sar ukoll it-tqegħid ta’ precast elements li qed jifformaw il-kanal. It-tieni fażi li tikkonsisti fit-tħammil tal-kumplament tal-kanal u xogħol ta’ tisbih fejn saru l-interventi fiż-żewġ fażijiet, ser tinbeda l-ġimgħa d-dieħla u hu maħsub li tieħu madwar xagħrejn biex titlesta. Din il-fażi tikkonsisti f’inqas xogħol mill-ewwel fażi. L-ispiża hu maħsub li tkun kif ppjanata, jiġifieri madwar € 281,000. S’issa ntefqu € 186,381. Dan il-proġett inbeda f’Jannar 2009 u hu ppjanat li jitlesta sa Diċembru 2009.

Xogħol fuq iz-zuntier ta' l-Imġarr

Question

Jista' l-Ministru jagħti raġuni għaliex ix-xogħol fuq iz-zuntier ta’ l-Imgarr ilu wieqaf numru ta xhur u għaldaqstant qed jirriżulta li dan il-proġett qed jieħu fit-tul wisq? Jista' jassigura li x-xogħol jitkompla kemm jista jkun malajr? Jista' jagħti data definittiva ta’ meta dan il-proġett ser ikun lest?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi l-Onor Membru għar-risposta tal-mistoqsija nru 10747.