Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #2195 Sitting 38 2008-10-06 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Turtisti bżonn l-isptar

Question

Sabiex jitaffa il-piż minn fuq Mater Dei u sabiex il-pażjenti Maltin jieħu preferenza u jiġu moqdija aħjar, jidhirlu l-Ministru li turisti li jkollhom bżonn ta' sptar għandhom jiġu riferuti lejn l-isptarijiet privati speċjalment ġaladarba dawn ikunu inxurjati?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab informat li l-Gvern Malti joffri servizzi tas-saħħa f’każijiet urġenti lil dawk kollha li jinħtieġuhom, kemm jekk huma turisti li ġejjin mill-Unjoni Ewropeja kif ukoll minn pajjiżi oħra. Informat ukoll li turisti mill-Unjoni Ewropeja li jippreżentaw il-European Health Insurance Card (EHIC) jingħataw is-servizz meħtieġ skond id-direttivi ta’ l-Unjoni Ewropeja dwar servizzi tas-saħħa koperti mis-sigurtà socjali. Il-Gvern Malti jitlob u jingħata rifużjoni ta’ l-ispejjez ta’ dawn is-servizzi. Fil-każ ta’ turisti minn pajjiżi oħra jew turisti mill-Unjoni Ewropeja li ma jippreżentawx il-European Health Insurance Card, jiġu applikati tariffi stabbiliti għas-servizzi offruti.
Leg 11 PQ #2196 Sitting 38 2008-10-06 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Mater Dei — Charges għall-barranin

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huma ċ-charges għall-barranin f'Mater Dei : i) Għal sodda kull jum? ii)Għal MRI? iii)Għal CT Scan? iv)Għal X-ray? v)Għall-konsulent? vi)Għat-tabib? Meta ġew reveduti l-aħħar dawn it-tariffi?

Response (DALLI, JOHN)

L-informazzjoni dwar tariffi lill-barranin għas-servizzi indikati hija hekk :- i) sodda kull jum - · € 256.23 f’ ward ġenerali · €489.17 fil- high dependency · €931.75 fil-kura intensiva ii) MRI - · €698.81 iii) CT Scan - · €465.87 iv) X-ray - · €23.29 (għall-pazjenti fil- ward dan jigi inkluż mal-prezz tas-sodda) v ) Għall-konsulent - vi) Għat-tabib - (M’hemm l-ebda distinzjoni bejn konsulent u tabib fl-Avviż legali kurrenti ) · €46.59 - Emerġenza · €34.94 - Outpatient (għall-pazjenti fil- ward dan jiġi inkluż mal-prezz tas-sodda) Dawn it-tariffi ġew reveduti fl-1 ta’ Mejju 2004 ( Avviz Legali 201/04 ). Tajt struzzjonijiet biex isir eżerċizju ta' costing fil-Mater Dei biex jiġu stabbiliti fl-ispiża attwali u għalhekk it-tariffi ġodda.
Leg 11 PQ #2197 Sitting 38 2008-10-06 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Żabbar — St Joseph Street

Question

Jaf il-Ministru bin-numru enormi ta' ġrieden li qed jinfestaw il-parti ta' fuq ta' St Joseph Street Żabbar (in-naħa ta' Ħaż-Żabbar, it-triq li tgħaqqad Ħaż-Żabbar maż-Żejtun) ? Jista' jieħu l-passi neċessarji biex tiġi eliminata l-possibilita' ta' mard u ħsara lill-bidwi?

Response (DALLI, JOHN)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ma’ daħal l-ebda’ lment għand id-Dipartiment għal Saħħa Ambjentali rigward infestazzjoni ta’ ġrieden fit-triq imsemmija. Madankollu, ħaddiema tal-Pest Control fi ħdan l-istess Dipartiment, għamlu trattament intensiv fit-triq imsemmija bejn Ħaż-Żabbar u ż-Żejtun bejn is-16 u l-20 ta’ Ġunju 2008. Din it-triq reġgħat ġiet ttrattata fit-18 ta’ Lulju. Dan sar bħala trattament normali tal-lokalitajiet kollha.

Family and Child Impact Assessments

Question

Jista` l-Minsitru jgħid jekk fl-aħħar sentejn il-Gvern għamilx family impact assessments u child impact assessments? Jekk saru, jista' jgħid a rigward ta' xiex saru u l-eżitu ta' dawn l-assessments x'kien? Jista' jpoġġi l-informazzjoni fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (DALLI, JOHN)

Nitlob lill-Onor. Interpellanti tikkjarifika x’qed tifhem bl-assessments li rreferiet għalihom.

Servizzi lill-Familji u tfal — Pjanijiet tal Gvern

Question

Jista` l-Ministru jgħid xi pjanijiet għandu l-Gvern biex itejjeb is-servizzi offruti lill-familji u lit-tfal f'pajjiżna speċjalment f'Għawdex?

Response (DALLI, JOHN)

Dan il-Gvern jieħu ħsieb li jtejjeb il-qagħda tal-familji u t-tfal kollha, mingħajr distinzjoni, jgħixu fejn jgħixu. Il-qafas tal-pjanijiet u l-istrateġija tal-Gvern f’dan ir-rigward hu dak indikat fil-Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali għall-Inklużjoni Soċjali (2008-2010) kif ukoll fid-dokument ta’ qabel il- budget ippubblikat f’Lulju li għadda. Iż-żewġ dokumenti qegħdin fil-proċess ta' konsultazzjoni pubblika.

Tfal — Care Order

Question

Jista` l-Ministru jgħid kemm hawn tfal li qiegħdin b'care order, jindika l-età, is-sess u l-lokalità fejn kienu jirresjedu qabel ma nħarget il-care order?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab informat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ħruġ ta Care Orders

Question

Jista` l-Ministru jgħid kemm ħarġu care orders fl-aħħar tlett snin, jindika r-raġuni, jgħid kemm minn dawn il-care orders kienu jirrigwardjaw aħwa u jekk dawn l-aħwa tħallewx flimkien jew ġewx separati? Jista' jindika l-etajiet u s-sess tat-tfal involuti?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab infurmat li r-raġunijiet għall-ħruġ ta’ Ordnijiet għall-Ħarsien huma varji, inkluż traskuraġni u abbużi fiżiċi, sesswali u emozjonali. Immigranti rregolari minorenni, li ma jkunx akkumpanjati, wkoll jiġu koperti b’Ordni għall-Ħarsien. Ninsab infurmat ukoll li l-kumplament tat-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellanti hu kif jidher fit-Tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Tfal — Residential Care

Question

Jista` l-Ministru jgħid kemm hemm tfal f'pajjiżna li qegħdin f'residential care? Kemm minnhom bniet u kemm subien? Kemm hemm tfal f'kull dar u kemm hemm nies f'kull dar li jieħdu ħsieb lil dawn it-tfal?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab infurmat li ebda Dipartiment jew entita’ taħt id-dekasteru tiegħi ma jmexxi d-djar għat-tfal li rreferiet għalihom l-Onor. Interpellanti u għalhekk ma tinżammx statistika kif mitluba.
Leg 11 PQ #2506 Sitting 38 2008-10-06 Oral · Final From: HELENA DALLI To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Ċimiterju Addolorata — Estensjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid: a.) Meta l-Gvern wasal għad-deċiżżjoni li jwaqqaf il-pjan tal-estensjoni taċ-Ċimiterju Addolorata? b.) Jekk hemmx il-qbil tal-kabinett rigward din id-deċiżżjoni? c.) Jekk għarrafx lill-medja b'din id-deċiżjoni u lil dawk l-elfejn u ħames mitt persuna li kienu ġew mwegħda qabar? d.) Kemm kienet tkun in-nefqa tal-Gvern li kieku l-Gvern żamm kelmtu ma' dawk l-elfejn u ħames mitt persuna li applikaw għall-oqbra? e.) Xi spejjeż daħal għalihom il-Gvern mindu ssottometa l-applikazzjoni tiegħu lill-MEPA fid-29 ta' Jannar 2002? f.) Meta ħarġu t-tenders għall-estensjoni taċ-Ċimiterju Addolorata u min ħadhom?

Response (DALLI, JOHN)

Informat li l-gvern ma ħax deċiżżjoni li jwaqqaf l-estensjoni taċ-Ċimiterju Addolorata. Il-Gvern wara li ra il-ġawra arkitettonika illi għandu dan l-istess ċimiterju ħass li l pjan ta’ estensjoni għandu jsir fil-kuntest li jissalvagwardja is-sbuħija arkitettonika taċ-ċimiterju u għaldaqstant qed jirrevedi l-pjanti ta’ l-estensjoni biex jirrifletti tali deċizjoni. Fil-kuntest li l-pjan ma twaqqafx ma nħassx il-bżonn li tiġi nfurmata l-medja u l-pubbliku ġenerali. Ninsab infurmat ukoll illi l-estimi magħmula mil-perit tal-Works Department rigward il-proġett ta’ l-estenzjoni taċ-ċimiterju ta’ l-Addolorata huma ta’ Euro 8,385,744. Din il-figura ma’ tinkludhiex il-valur ta’ l-art meħtiega għal estenzjoni taċ-Ċimiterju. In-nefqa tal-gvern wara l-applikazzjoni tal-MEPA sa issa kienet ta’ Euro 6483. Din tinkludi l-ħlas dwar l-applikazzjoni tal MEPA, kif ukoll survey ta’ l-art li jammonta għal Euro 2668. Sa issa ħareġ biss it- tender għat-tħammil u ġarr ta’ materjal miz- zona ndikata għat-tkabbir taċ-Ċimiterju u dan ħareġ fl-10 ta’ Awissu 2007. l-offerta milqghuha sabiex isir dan ix-xogħol kienet dik mitfuha mill-kumpanija AG Joint Ventures.

social housing għal familji b'persuna b'diżabilità

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm familiji b'persuni b'diżabilità li qed jistennew għal social housing? Kemm ilhom jistennew mid-data tal-applikazzjoni tagħhom u xi prospetti hemm biex jingħataw akkomodazzjoni?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab infurmat li l-Awtorita’ tad-Djar għandha 457 applikazzjoni pendenti għal akkomodazzjoni alternattiva minn persuni b’diżabilita’, li minnhom 274 għandhom diżabilita’ relatata mal-mobilita’. L-aktar applikazzjoni antika hi tas-sena 1988. Kif żgur taf l-Onor. Interpellanti, l-għoti ta’ akkomodazzjoni altenattiva jiddependi minn diversi fatturi fosthom il-lokalita’ preferita u n-numru ta’ kmamar tas-sodda li l-applikant ikollu bżonn u l-akkomodazzjoni disponibbli. F’każ ta’ persuna b’diżabilita’ jiġi kkunsidrat ukoll it-tip ta’ diżabilita’ li, ħafna drabi, titlob li tingħata akkomodazzjoni fil-pjan terran jew li tkun fornuta b’ lift . Dawn il-fatturi kollha jagħmluha diffiċli li wieħed jirrispondi l-aħħar parti tal-Mistoqsija b’mod kategoriku.

Proġett tal-ispiżerija tal-għażla tiegħek

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-proġett tal-ispiżerija tal-għażla tieġħek? Hemmx xi ħsieb biex jinfirex dan is-servizz?

Response (DALLI, JOHN)

Il–proġett tal-ispiżerija tal-għażla tiegħek inbeda bħala proġett pilota fiż-żbatax tà Diċembru 2007. Sa llum l-iskema ġiet estiża għall-tminja u sittin spiżerija. Fil-preżent qed isir eżerċizzju ta' evalwazzjoni u konsolidazzjoni tas-sistema. Il-proġett ikompli jiġi estiż wara li jitlesta dan l-eżerċizju.

Operazzjoni tal-kataretti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huma dawk li qed jistennew operazzjoni tal-kataretti u kemm huwa ż-żmien li wieħed jistenna biex imissu din l-operazzjoni?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab infurmat li numru ta’ pazjenti fuq l-waiting list għall-operazzjoni tal-kataretti sa’ Lulju 2008 kien 5,544. Il-medja ta’ stennija hija ta’ erba’ snin u nofs.

Employment and Training Corporation — Kuntratti tal-għalliema

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta l-ETC se terġa' ġġedded il-kuntratti tal-għalliema part-time f'xogħol/taħriġ tekniku, li bħala self-employed jgħaddu minn diffikultajiet finanzjarji sakemm dan isir?

Response (DALLI, JOHN)

Il-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ torganizza korsijiet, minn żmien għal żmien, skond il-domanda fis-suq tax-xogħol għal persuni b’ċerti ħiliet u skond il-bżonnijiet tat-taħrig ta’ dawk li qed ifittxu mpjieg. Għalhekk il-Korporazzjoni ma timpjegax għalliema iżda tixtri servizzi ta’ taħrig skond u meta jkun hemm dawn il-bżonnijiet. Ninsab infurmat li dawn is-servizzi jinxtraw wara sejħa u li dawk li japplikaw jafu sew il-kundizzjonijiet marbuta ma’ l-għoti tas-servizz tagħhom.
Leg 11 PQ #2572 Sitting 38 2008-10-06 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ — Nies jirreġistraw

Question

Jista' l-Ministru jgħidilna kemm hemm nies li qegħdin jirreġistraw fuq Part 1 mal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ u li huma illitterati?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ persuni illitterati li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol fuq l-Ewwel Parti tar-Reġistru, fl-aħħar ta’ Awwissu 2008, kien ta’ 751.

Installazzjoni tal lifts — Appartamenti tal-Gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'qed iżomu milli titwettaq l-installazzjoni ta' lift f'dawn l-appartamenti tal-Gvern: i.) 71, Triq il-Miratur, Floriana? ii.) 1 Triq Sant' Anna, Floriana? iii.) Block C1, Pjazza Madonna ta' Fatima, Pietà?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab infurmat li, dwar: · 71, Triq il-Miratur, Floriana, mhux teknikament possibbli li jiġi stallat lift . Ir-residenti kollha kienu ġew mgħarrfa b’dan b’ittra tat-18 ta’ Ġunju 2002; · 1, Triq Sant’Anna, Floriana, ma hemmx indani quddiem il-fetħiet ta’ lift jekk isir fi 2 mit-3 appartamenti tal-blokk. Fin-nuqqas ta’ soluzzjoni alternattiva għal din il-problema l-Awtorita’ tad-Djar kienet infurmat lir-residenti dwar dan b’ ittra li kienet iġġib id-data tat-8 ta’ Lulju 2002; · Blokk C1, Pjazza Madonna ta’ Fatima, Pietá, l-Awtoritá tad-Djar hi fil-proċess li tissottometti applikazzjoni lill-MEPA għall-permess biex tistalla l- lift . Suġġett li jinħareġ il-permess meta jiġi stallat il- lift jiddependi mill-prijoritá li tingħata lil każ. Ninsab infurmat ukoll li, dwar l-ewwel żewġ każijiet ma nbidel xejn li jimmerita rikonsiderazzjoni.

Valletta — Triq Zekka - Berġa

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex ngħalqet il-berġa fi Triq Zekka, l-Belt? Irrealizza d-dipartiment li l-użu tal-Berġa l-oħra fil-Camarata hi wisq inkonvenjenti għall-anzjani li joqgħodu n-naħa ta' fuq tal-Belt?

Response (DALLI, JOHN)

Tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Proċess tal-ispiżerija tal-għażla tiegħek

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex jinsab wieqaf il-proċess tal-Pharmacy of your Choice?

Response (DALLI, JOHN)

L–Onorevoli interpellant huwa mitlub jirreferi għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 2532.

Akkomodazzjoni socjali — Applikazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm għad hemm applikanti għal social housing li l-applikazzjoni tagħhom tmur lura għal qabel Mejju 1987? Jista' jara li dawn jitqassmu fil-kategoriji differenti skond il-lokalità, età, stat, raġuni eċċ.?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab infurmat li mir-rekords miżmuma mill-ex Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali l-ewwel applikazzjoni reġistrata f’dak id-Dipartiment tmur lura għal Awwissu 1988.

Florianna — Triq l-Argotti - Xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jitkompla l-proġett ta' bini ta' appartamenti fi Triq l-Argotti, kantuniera ma' Triq l-Iljun, Floriana? Tirrealizza l-Awtorità l-inkonvenjenza li qed iġarrbu l-ġirien minħabba dan il-proġett li ilu għaddej diversi snin?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsaqb infurmat li inħarġet sejħa għall-offerti għat-tkomplija tal-proġett indikat mill-Onor. Interpellant.