Legislature:
Category:
Reset
Active:

Exposure fuq self long term u short term

Question

Jista’ l-Ministru jagħti breakdown ta’ x’kien l-exposure ta’ Malta fl-1 ta’ Jannar 2011 fir-rigward ta’ self, long term u short term, ma’ barra u lokalment, u bl-istess mod, l-exposure fir-rigward ta’ garanziji mogħtija sa dik id-data, kemm ma’ barra u kemm lokalment? F’dak li għandu x’jaqsam mal-garanziji ma’ barra jista’ jindika kemm mill-ammonti huma riferibbli separatament għall-każ tal-Greċja, u dwar dan tal-aħħar jindika l-iskadenza/skadenzi ta’ kif skattat il-garanzija?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 26615.

self long term u short term — breakdown ta' exposure

Question

Jista’ l-Ministru jagħti breakdown ta’ x’kien l-exposure ta’ Malta fl-1 ta’ April 2011 fir-rigward ta’ self, long term u short term, ma’ barra u lokalment, u bl-istess mod, l-exposure fir-rigward ta’ garanziji mogħtija sa dik id-data, kemm ma’ barra u kemm lokalment? F’dak li għandu x’jaqsam mal-garanziji ma’ barra jista’ jindika kemm mill-ammonti huma referibbli separatament għall-każijiet tal-Greċja u tal-Irlanda, u dwar dan tal-aħħar jindika l-iskadenza/skadenzi ta’ kif skattat/w il-garanzija/i?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 26616.

garanziji fuq self

Question

Jista’ l-Ministru jagħti kalendarju indikattiv għal kif għandhom jiskattaw matul l-erba’ xhur April-Lulju 2011 l-garanziji li Malta se tkun qed toħroġ fuq self mgħoddi lill-Greċja, l-Irlanda u l-Portugal fil-kuntest tal-pakketti ta’ salvataġġ finanzjarju organizzati għal dawn il-pajjiżi miż-żona tal-ewro?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 26617.

direttur tal-Air Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid is-segretarju privat tiegħu li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, kemm se jitħallas bħala direttur tal-Air Malta? Huwa se jkun qed jaqdi l-funzjoni ta’ direttur jew direttur eżekuttiv?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-Bord tad-Diretturi ġie ffurmat kif muri fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Ebda Direttur tal-Bord tal-Air Malta m’għandu kariga eżekuttiva.

Dħul mit-taxxa tal-VAT mir-Restaurants

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien id-dħul mit-taxxa tal-VAT mir-restaurants matul l-ewwel erba' xhur tas-sena 2011?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi d-dħul minn pagamenti tat-taxxa tal-VAT minn restaurants matul l-ewwel erba’ xhur tas-sena 2011 kien ta’ €3,326,966. Kien hemm ukoll restaurants li d-dipartiment ħallashom rifużjoni fl-istess perjodu li kien jammonta għal €197,519 biex b’hekk id-dħul nett kien ta’ €,3,129,447. Dan l-ammont ma jinkludix dħul minn lukandi li joffru servizz ta’ restaurant għax dan l-ammont huwa inkluż fir-risposta għall-mistoqsija 26456.

Dħul mit-taxxa tal-VAT minn Hotels

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien id-dħul mit-taxxa tal-VAT minn hotels matul l-ewwel erba' xhur tas-sena 2011?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi d-dħul gross minn pagamenti tat-taxxa tal-VAT minn hotels matul l-ewwel erba’ xhur tas-sena 2011 kien ta’ €2,883,263. Kien hemm ukoll lukandi li d-dipartiment ħallashom rifużjoni fl-istess perjodu li kien jammonta għal €487,098 biex b’hekk id-dħul nett kien ta’ €2,396,165.

Dipartiment tal-VAT — rifużjonijiet lit-tax payers

Question

Skont ir-records tad-Dipartiment tal-VAT jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' rifużjonijiet li għandhom jitħallsu mid-Dipartiment tal-VAT lit-tax payers Maltin għas-snin 2007, 2008, 2009 u 2010 separatament?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. L-informazzjoni tad-Dipartiment ma tagħmilx distinzjoni jekk persuna reġistrata tkunx Maltija jew le. Numru minn dawn ir-rifużjonijiet għaddejjin minn proċessi ta’ Kontroll min-naħa tad-Dipartiment.

każ ta' qtugħ ta' dawl

Question

Jista' l-Ministru jara każ ta' sid ta' ħanut, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, li qatgħulu l-provvista tad-dawl mingħajr ebda avviż minħabba li qalulu li kellu jħallas €5,000 meta huwa ma kienx qiegħed jirċievi kontijiet? Jista' l-Ministru jara li dan jirregola ruħu billi l-kumplament li għandu jagħti jitqassmu f'perjodi?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni ingħatat lill-ARMS Ltd li minn naħa tagħha se tikkomunika direttament mal-klijient.

Arms Ltd — nies li ma ħallsux il-kontijiet tad-dawl

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 26697 u jgħid kemm l-Arms Ltd għandha tieħu mingħand familji, lukandi, fabbriki u kumpaniji separatament li ma ħallsux il-kontijiet tad-dawl?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

Kumpaniji/Lukandi/Fabbriki — qtugħ tas-servizz tad-dawl u l-ilma

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 26696 u jgħid kemm hemm kumpaniji, lukandi, u fabbriki li l-gvern qatgħalhom is-servizz tad-dawl u l-ilma minħabba li ma ħallsux l-kontijiet?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi n-numru ta’ negozji li nqatgħalhom is-servizz tad-dawl matul l-ewwel ħames xhur tas-sena 2011 minħabba li dawn ma ħallsux il-kontijiet huwa ta' 167. 86 kumpaniji kummerċjali ngħataw is-servizz tad-dawl lura f’dawn l-aħħar ħames xhur.

Qtugħ tad-dawl u ilma

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 26695 u jgħid kemm hemm familji li nqatgħalhom id-dawl f'dawn l-aħħar xahrejn għax ma ħallsux id-dawl u ilma?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li n-numru ta’ familji li nqatgħalhom is-servizz tad-dawl matul l-ewwel ħames xhur tas-sena 2011 minħabba li dawn ma ħallsux il-kontijiet huwa ta' 251. 154 familji ngħataw is-servizz tad-dawl lura f’dawn l-aħħar ħames xhur.

MEPA — flus

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw flus (bħala finanzi) lill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar minn Settembru 2010 sa Mejju 2011?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi, fil-perjodu imsemmi, t-trasferimenti li saru mill-Fond Konsolidat lill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar kienu jammontaw għal €7 miljun. Dawn ġew ikkreditati bħala revenue peress li kienu dovuti lill-gvern mingħand l-istess awtorità. L-ammonti involuti kienu €4,087,701 bħala Infrastructure Fees u €2,912,298.19 bħala Taxxa tad-Dħul u Sigurta Soċjali.

Enemalta — Impjant tal-BWSC - esportazzjoni ta' skart

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi ftehim ġie ffirmat mill-Korporazzjoni Enemalta biex tesporta u tiddepożita l-iskart li se joħroġ mill-Impjant tal-BWSC f'Delimara meta jibda jopera f'Mejju li ġej? Kemm se jiswa kull sena biex pajjiżna jeħles minn dan l-iskart u fejn se jittieħed?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-proċess tal-procurement biex jiġi esportat u depożitat l-iskart beda fil-15 ta’ April 2011 u għadu għaddej. L- award tat -tender mistenni isir f’Awwissu, jekk ma jkunx hemm appelli. Skont il-Commissioning Plans inkunu iridu nibdew niddisponu l-iskart f’Ottubru ta’ din is-sena.

Swieqi — Proprjetà

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-art murija fuq is-site plan li qed tintbagħat separatament fl-inħawi tas-Swieqi hijiex proprjetà tal-Gvern jew tal-Joint Office? Jekk fl-affermattiv, kif ġiet akkwistata din l-art?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-artijiet in kwistjoni huma proprjetà amministrata mill-Uffiċċju Konġunt u għalhekk huma proprjetà tal-Gvern ta’ Malta. L-artijiet huma provenjenti mil-Legat taż-Żwieġ, Giovanni Schembri u għaddew għand il-Gvern ai termini tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 5 u 7 tal-Att IV tal-1992, u skont l-Att li jirregola l-Proprjetà ta’ Entijiet Ekklesjastiċi (Kap, 358), b’Titolu rreġistrat fir-Reġistru tal-Artijiet b’effett mit-18 ta’ Frar 1993.

Refund dwar reġistrazzjoni ta' karozzi — taxxa tar-reġistrazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 26770 u jgħid għaliex dawk li rreġistraw il-karozza tagħhom fl-2008 kienu intitolati għal refund fuq it-taxxa tar-reġistrazzjoni? Jista jgħid għal liema tip ta’ vetturi kien japplika dan ir-refund u jekk dawn il-vetturi riedux ikunu bilfors ġodda? Jista' jgħid minn meta sa meta setgħu jsiru l-applikazzjonijiet għal dan ir-refund? Jista' jgħid jekk dan ir-refund kienx japplika ukoll għas-snin 2009 u 2010? Jista' jgħid jekk il-gvern informax b’mod personali lil kulmin kien intitolat għal dan ir-refund b’dan id-dritt tiegħu/tagħha? Jista' jgħid kemm kienu dawk li potenzjalament setgħu bbenefikaw minn dan ir-refund u kemm fil-fatt ibbenefikaw? Jista' jgħid kemm hija s-somma ta’ flus mogħtija s'issa bħala refund ta’ dan it-tip u x’forma qed jieħu dan ir-refund?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lil Onorevoli Interpellant li matul l-2008, meta konna qed naħdmu fuq ir-riforma tar-reġistrazzjoni tal-vetturi li kellha tidħol fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar 2009, deherilna li kien hemm il-bżonn li tinżamm stabilita’ fis-suq tal-bejgħ tal-vetturi sakemm tidħol fis-seħħ il-liġi l-ġdida. Għalhekk il-Gvern kien ħabbar li min se jixtri karozza ġdida matul l-2008, kien se jingħata l-opportunità li jaqleb mas-sistema l-ġdida. Din ir-riforma fissret tnaqqis fit-taxxa ta’ reġistrazzjoni tal-vetturi, partikolarment karozzi iżgħar u li jħammġu anqas. Dan wassal biex numru ta’ persuni li xtraw karozza fl-2008, u li filfatt ħadu l-għażla li jgħaddu mas-sistema l-ġdida, iffrankaw ammont ta’ taxxa. Il-Gvern iddeċieda li jagħti din id-differenza fi kreditu, jiġifieri billi tinqata’ mil-liċenzji li wieħed ikollu jħallas fis-sena jew snin ta’ wara. Transport Malta għamlet diversi avviżi f’dan is-sens, kif ukoll infurmat lil-aġenti li għandhom tista titħallas il-liċenza tal-vetturi u ingħata sal-aħħar ta’ Marzu 2010 sabiex wieħed ikun jista jaqleb għas-sistema l-ġdida. Ir-riforma ntlaqgħat tajjeb, u dawk il-persuni li xtraw vetturi li jniġġsu anqas gawdew minn kreditu akbar. Dan kien se jwassal biex dawn il-persuni kienu se jdumu ferm aktar biex igawdu mill-għażla li kienu għamlu. Għaldaqstant, flok jibqgħu jistennew li jaqtgħu l-bilanċ tagħhom mal-liċenzji ta’ snin li ġejjin, il-gvern iddeċieda li minflok il-bilanċ li ser ikun baqa’ fl-1 ta’ Lulju 2011 se jingħata b’mod immedjat. Dan se jfisser li madwar 740 persuna se jgawdu bejniethom immedjatament madwar miljun ewro. Il-persuni kollha li qed jibbenefikaw minn din id-decizjoni qed jigu kkuntattjati direttament permezz ta’ ittra li ntbagħtet lilhom aktar kmieni din il-ġimgħa flimkien maċ-ċekk tal-bilanċi rispettivi.

Servizz ta' ħażna tad-demm tal-kurdun — VAT

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 26713 u 26489 u jgħid jekk is-servizz tal-ħażna tad-demm tal-kurdun (stem cells storage) hux suġġett għal VAT jew le? Jista' jgħid jekk il-kumpaniji lokali li joffru dan is-servizz hux qegħdin kollha jimxu skont il-liġi tal-VAT? Jista' jgħid jekk il-kumpaniji lokali kollha humiex iżidu l-VAT mal-prezz tal-prodott?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

San Pawl il-Baħar — KSI - mains tad-drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru, permezz tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma jaċċerta li x-xogħol bil-mains tad-drenaġġ li jrid jitqiegħed fi Triq it-Tamar, Triq il-Port Ruman u Triq Alof Wignacourt, ilkoll f'San Pawl il-Baħar, isir qabel ma l-bdiewa li mill-art tagħhom iridu jgħaddu dawn il-mains fil-fatt jaħdmu l-istess art, għaliex inkella probabbilment jintilef aktar żmien biex il-mains jitqabbad mas-sistema sħiħa?

Response (FENECH, TONIO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru responsabbli mit-Trasport Pubbliku.

MFSA — La Valette Sicav Plc Multi Manager Property Fund

Question

Peress li wara investigazzjonijiet tal-Awtorità ta' Malta għas-Servizzi Finanzjarji fir-rigward tar-rappreżentazzjonijiet ta’ investituri fil-La Valette Sicav Plc Multi Manager Property Fund, l-Awtorità ħarġet sanctions kontra l-BOV u kontra l-Valletta Fund Management Ltd u tathom multi ta' €149,821 u €197,795 fir-rigward ta’ kwestjonijiet li kellhom x’jaqsmu ma’ ksur ta’ Investment and Borrowing Restrictions kontenuti fil-Prospett ta’ dan il-Fond; u peress li l-ħarsien tal-investimenti huwa ta’ interess pubbliku u nazzjonali u huwa l-missjoni prinċipali għat-twaqqif tal-istess Awtorità, jista’ l-Ministru jitlob lill-Awtorità kopja jew kopji tar-rapport jew rapporti dwar din l-investigazzjoni u jpoġġihom fuq il-Mejda tal-Kamra u dan fi żmien utli biex l-investituri jkunu jistgħu jikkunsidrawh fir-rigward tal-offerta kondizzjonata tal-BOV tas-26 ta’ Mejju 2011? Din il-mistoqsija qiegħda ssir mingħajr preġudizzju għad-drittijiet ta’ dawk l-investituri li individwalment għamlu rappreżentazzjonijiet mal-Awtorità li jirċievu kopja sħiħa tal-istess rapport jew rapporti a termini ta’ Artiklu 19(2)(a) u 19(2)(c) fejn il-Membru li qed jistaqsi din il-mistoqsija irid jispera li l-istess Awtorità mhix ser tonqos lill-konsumaturi ta’ prodotti finanzjarji li hija ostensibilment qiegħda biex tipproteġi milli tadempja ruħha ma’ dan l-obbligu ċar u inekwivoku li qiegħed fl-istess liġi tal-MFSA.

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta mogħtija għall-Mistoqsijiet Parlamentari numru 26505 u 24427.

MFSA — Valletta Fund Management - redemptions

Question

Jista’ l-Ministru jiżgura lill-Kamra li r-rapporti l-oħra li baqagħla tikkonkludi l-Awtorità ta' Malta għas-Servizzi Finanzjarji, jiġifieri: a) dak dwar mis-selling ; u b) l-ieħor dwar insider trading u l-effett ta’ telf massiċċ ta’ €12-il miljun li ġew ikkawżati minn redemptions massiċċi ta’ €16-il miljun fl-aħħar ftit xhur tas-sena finanzjarja li għalqet fit-30 ta’ Settembru 2010, fejn dan it-telf ġie mġarrab mill-Fond u l-investituri li baqgħu fih anke li kieku għall-grazzja tal-argument ir- redemptions saru in buona fede għaliex ir- redemptions saru fuq valutazzjoni ta’ sehem totalment żbaljat mill-Valletta Fund Management bi kważi erba’ darbiet aktar, humiex se jkunu lesti fi żmien utli u suffiċjenti qabel tagħlaq l-Offerta Kondizzjonata tal-BOV tas-26 ta’ Mejju 2011 biex l-investituri jkollhom iż-żmien jixtarru u jeżaminaw l-offerta fuq bażi ta’ informazzjoni sħiħa?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta mogħtija għall-Mistoqsijiet Parlamentari numru 26505 u 24427. Infakkar lill-Onor. Interpellant illi bħala Ministru ma nistgħax nindaħal fl-operazzjonijiet regolatorji tal-awtorità kompetenti.

Għażla ta' Chairman

Question

Jista' l-Ministru bħala Ministru responsabbli kif ukoll bħala rappreżenant tal-Gvern li huwa shareholder ewlieni u li għandu l-poter tal-għażla ta' chairman, jagħmel l-almu kollu biex ilaqqa' l-partijiet kollha konċernati sabiex tinstab soluzzjoni għall-kwestjoni pendenti ta' kumpens lill-investituri minn naħa, kif ukoll ta' ħarsien ta' reputazzjoni tal-BOV plc. fiċ-ċirkustanzi?

Response (FENECH, TONIO)

Il-kwistjoni li qiegħed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant qiegħda tiġi trattata kemm mir-regolatur kif ukoll mill-Bank involut. Tajjeb li wieħed japprezza li bħala azzjonista minoritarju, iżda bid-dritt li jaħtar iċ- chairman , kull intervent mill-gvern, indipendentement mil-Bord ta' Diretturi li jirrapprezenta l-azzjonisti kolla, jista' jesponi lill-Gvern Malti għal azzjoni legali mill-azzjonisti l-oħra tal-Bank of Valletta għal likwidazzjoni tad-danni jekk dawn iħossu li bl-intervent tal-gvern l-Bank isofri telf finanzjarju għad-dettriment tal-azzjonisti individwali.