Persuna li wegġħet fuq il-post tax-xogħol — benefiċċju
Question
Tista' l-Ministru tgħid jekk is-sinjura li dettalji tagħha qed jidhru separatament, li taħdem part-time u weġgħet fuq ix-xogħol, għandhiex dritt tieħu xi benefiċċju mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali jew mill-kumpanija li timpjegaha?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-Onor. Interpellant huwa mitlub jinforma l-persuna indikata minnu biex tavviċina l-Uffiċjal inkarigat mill-Uffiċċju Distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali tal-Belt jew raħal tagħha.
Tista' l-Ministru tara li jittieħdu l-passi neċessarji fil-każ tal-flats li dettalji dwarhom qed jingħataw separatament, minħabba li hemm switches tal-komun maħruqin u s-sistema tad-drenaġġ tal-bitħa komuni hija miżduda?
Response (CRISTINA, DOLORES)
S’issa ma jirriżultax li l-inkwilini li jgħixu fil-blokk imsemmi għamlu talba għal tiswijiet lill-Awtorità tad-Djar. Madanakollu, fil-ġranet li ġejjin għandha ssir spezzjoni minn uffiċjal tekniku sabiex jivverifika u jieħu l-passi neċessarji ħalli jsiru t-tiswijiet meħtieġa.
Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja — xiri ta' mobile phones/iPhones
Question
Tista' l-Ministru tgħid inxtrawx mobile phones/iPhones fid-dikasteru tagħha mill-1 ta' Jannar 2008 sal-lum? Għal min inxtraw u kemm kien il-prezz? Min awtorizza dan ix-xiri?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi skema biex xi ħadd li jkun għadda minn esperjenza ta' ħabs u ma jkunx jista' jsib xogħol, japplika għaliha ħalli permezz tagħha jibda jaħdem x'imkien?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Fi ħdan l-ETC teżisti Sezzjoni partikolari magħrufa bħala Supported Employment Section, minn fejn każi ta’ klijenti li jkunu qed jirreġistraw għax-xogħol u jkollhom problemi ta’natura soċjali, fosthom ex-inmates, jingħataw attenzjoni aktar mill-qrib.
Tali klijenti huma eleġibbli għall-
Bridging the Gap Scheme,
skema li toffri perjodu ta’
Work Exposure
, fejn il-klijent jingħata l-opportunità jesponi l-kapaċitajiet tiegħu fuq post tax-xogħol qabel isir l-ingaġġ propju. Tul dan il-perjodu li normalment ikun ta’tmien ġimgħat, il-klijent jingħata
allowance
min-naħa tal-ETC ekwivalenti għal 80% tal-paga minima nazzjonali.
Barra minn hekk, suġġett għall-ċerti regolamenti u proċeduri tal-ESF, ingaġġ ta’
tali klijenti jista’ wkoll igawdi mill-Employment Aid Programme, fejn l-
eEmployer
jingħata sussidju ta’ 50% tas-salarju mħallas għall-perjodu ta’ sitt xhur u rifużjoni ta’ 50% tal-bolla tal-
N.I.
imħallsa minnu bħala
Employer
għall-perjodu ta’ sitt xhur ukoll.
Tista' l-Ministru tagħti statistika ta' kemm poġġew persuni għall-eżami tal-English as a Foreign Language (EFL) matul is-snin 2006/7/8/9? Tista' tgħid jekk dawk li poġġew għal dan l-eżami kenux Maltin jew jekk inkella kienx hemm barranin li kienu attendew u poġġew għal dan l-eżami?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-istatistika tal-persuni li poġġew għall-eżami tal-English as a Foreign Language (EFL) matul is-snin 2006/07/08/09 hija kif jidher hawn taħt:
2006 316
2007 347
2008 401
2009 354
Poġġew għal dan l-eżami persuni Maltin kif ukoll persuni barranin.
Tista' l-Ministru tgħid jekk xi ħadd li jkun għadda mill-English as a Foreign Language, biex isir għalliem ħalli jgħallem l-Ingliż jistax jippreżenta dan iċ-ċertifikat bħala 'A' level jew jekk dan ċ-ċertifikat jitqiesx inqas minn jew għola minn 'A' level?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Xi ħadd li jkun għadda mill-eżami tal-English as a Foreign Language (EFL) jista’ jippreżenta dan iċ-ċertifikat bħala kwalifika alternattiva għall-Ingliż fil-Livell Avvanzat biex isir għalliem tal-EFL. Dan iċ-ċertifikat ma jitqiesx inqas jew ogħla minn ‘A’ Level għaliex iż-żewġ kwalifiki huma differenti minn xulxin.
Tista' l-Ministru tgħid kemm ikun il-persentaġġ ta' studenti li poġġew għall-eżami tal-English as a Foreign Language (EFL) u għaddew minnu matul is-snin 2006/07/08/09? Tista' tgħid jekk il-pass mark tkunx waħda fissa jew tinbidel skont il-livell ta' studenti li jpoġġu għalih, jiġifieri jekk jeżistix xi numru limitat ta' studenti li jkunu jridu jgħaddu u allura jekk dan in-numru ma jintlaħaqx il-pass mark tinżel imma jekk dan in-numru jkun iktar il-pass mark togħla?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-persentaġġi ta’ studenti li poġġew għall-eżami tal-English as a Foreign Language (EFL) u li għaddew minnu matul is-snin 2006/07/08/09 huma kif jidher hawn taħt:
Sena
Persuni li poġġew għall-eżami tal-EFL
Persuni li għaddew
Persentaġġi ta’ kemm għaddew
2006
316
88
28%
2007
347
120
35%
2008
401
148
37%
2009
354
161
45%
Rigward it-tieni parti tal-Mistoqsija, il-
pass mark
ma tkunx waħda fissa u tinbidel skond il-livell ta’ studenti li jpoġġu għalih. Ma jeżisti ebda numru limitat ta’ persuni li jkunu jridu jgħaddu.
Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar jekk matul is-sajf li ġej hux se jerġa' jkun hemm programm ta' tiswija fl-iskejjel governattivi, u dan biex jiġi kkumplimentat il-programm ta' bini ta' skejjel ġodda tal-gvern? Jekk iva, liema skejjel hu mistenni li jkunu parti minn dan il-programm?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Bħas-soltu ser ikun hemm programm ta’ tiswija f’numru ta’ skejjel governattivi f’kull livell ta’ kulleġġ, kif ukoll minn naħa tad-Direttorat għal Servizzi Edukattivi.
Bħalissa l-istess Direttorat u l-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada qed jiffinalizzaw il-lista tal-iskejjel.
Tista' l-Ministru tgħid x'għandha xi tgħid in vista tal-aħbar tat-tim nazzjonali tal-kbar tal-futbol jinsab fl-agħar post fir-rankings tat-FIFA li qatt okkupa fejn aħna ninsabu l-aħħar, għajr San Marino u Andorra u hemm qabilna pajjiżi bħall-Vanuatu, St. Kitts u New Calcedonia? Hija inkwetata l-Ministru b'din is-sitwazzjoni tenut kont li l-futbol għandu potenzjal ta' industrija li tħalli l-qliegħ apparti kunsiderazzjonijiet ta' prestiġju? Taħseb li wasal iż-żmien li wieħed jieħu stock taking ta' x'għandna f'pajjiżna u jekk hemm bżonn bl-għajnuna ta' esperti jinħoloq pjan biex pajjiżna jogħla għal post iktar rispettabli fir-rankings tal-FIFA?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninforma lill-Onor Interpellant illi s-suġġett imsemmi fil-Mistoqsija Parlamentari jaqa’ taħt ir-responsabbilità diretta u esklussiva tal-Malta Football Association u mhux tal-Gvern.
Tista' l-Ministru tagħti elenku ta' kull entità tat-tagħlim f'Malta li ma tifformax parti mill-Università ta' Malta li għandha l-poter tagħti diplomas u degrees
li huma
fully
jew
partially recognised
mill-Kunsill Malti għall-Kwalifiki? X'tip ta'
diplomas
jew
degrees
huma? Kemm studenti ggradwaw f'kull każ fl-aħħar sena?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitlubqa qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista' l-Ministru tgħid kemm hu l-ammont ta' nies li fl-1 ta' April 2010 kienu qed jieħdu xi forma ta' benefiċċju soċjali (jiġifieri għajnuna Governattiva ibbażata fuq il-fatt li wieħed ikun ħallas il-bolol fil-ħajja lavorattiva tiegħu) maqsumin skont kull benefiċċju? Kemm hu l-ammont ta' nies li fl-1 ta' April 2010 kienu qed jieħdu xi forma ta' assistenza soċjali (jiġifieri għajnuna governattiva li hi irrispettiva mill-fatt li wieħed ikun iħallas il-bolol fil-ħajja lavorattiva tiegħu) maqsumin skont kull assistenza? Minn liema lokalità ġejjin? Kemm jammontaw bħala persentaġġ tal-popolazzjoni skont kull każ?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Issa li ngħalaq id-Dipartiment tad-Manutenzjoni tad-Djar, tista' l-Ministru tgħid min qiegħed jieħu ħsieb il-manutenzjoni tal-appartamenti tal-gvern f'każ ta' appartamenti bil-kera bħal, per eżempju, meta jkun hemm ħsara fis-sistema tad-drenaġġ?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Sa minn Marzu tas-sena 2009, talbiet għal tiswijiet minn inkwilini ta’ postijiet residenzjali tal-Gvern bdew isiru direttament lill-Awtorità tad-Djar minflok fid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta’ Djar. L-Awtorità tad-Djar issa qed tieħu ħsieb biex tagħmel it-tiswijiet ġenerali meħtieġa fil-partijiet komuni tal-blokki, fosthom ħsarat fis-sistemi tad-drenaġġ. Permezz tal-iskemi I u SM l-Awtorità tad-Djar toffri ukoll għajnuna, li tikkonsisti f’għotja finanzjarja, biex l-inkwilini jkunu jistgħu jagħmlu tiswijiet fl-appartament jew dar fejn joqogħdu skont il-ħtieġa.
Furjana — Stallazzjoni ta' lifts fi flats tal-gvern
Question
Tista' l-Ministru tgħid meta hu maħsub li jibdew ix-xogħlijiet għall-istallazzjoni ta' lift fil-binja tal-gvern li dettalji dwarha qed jingħataw separatament, xogħol li jkellu jinbeda din is-sena?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-applikazzjoni għall-installar ta’ lift fil-blokk indikat ġiet approvata mill-awtorità bħala li hi eliġibbli, ġiet imkejla t-tromba tat-taraġ, saru l-pjanti meħtieġa, inġieb il-permess neċessarju mill-MEPA u bħalissa qed jitlesta t-tender li għandu jinħareġ fil-ġimgħat li ġejjin, sabiex isir l-istallazzjoni tal-lift.
Ministeru għall-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja — salarji u kundizzjonijiet
Question
Tista' l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 14686 u tgħid fil-mument kemm huwa n-numru ta' persuni li jinsabu jaħdmu abbażi ta' kuntratt fil-Ministeru u fid-dekasteru li jaqa' taħtha? X'pożizzjoni jokkupaw u x'salarji u kundizzjonijiet għandhom?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titipoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
skemi ta' inċentiv għall-ġenituri li għandhom tfal żgħar
Question
Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar id-diversi skemi ta' inċentivi li hemm maħsuba għall-ġenituri li għandhom tfal żgħar? Kemm hu n-numru ta' ġenituri li bbenefikaw minn dawn l-iskemi s'issa minn mindu ġew stabbiliti?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista' l-Ministru tgħid kemm għandna żgħażagħ b'diżabilità li qed jattendu l-kors tal-Pathway fiċ-Ċentru MCAST fin-Naxxar?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Minn din is-sena akkademika il-kors tal-Pathway beda jiġi offrut mill-kampus prinċipali f’Raħal Ġdid kif ukoll għall-ewwel darba fiċ-Ċentru tax-Xewkija f’Għawdex. F’Malta jattendu dsatax-il student b’diżabilità li jitqassmu f’erbatax tal-ewwel sena u f’ħamsa tat-tieni sena, filwaqt li f’Għawdex jattendu sitt studenti tal-ewwel sena.
Kunsill Malti tal-Kwalifiki — programmi edukattivi
Question
Tista' l-Ministru tgħid fiex tikkonsisti l-esperjenza edukattiva li tingħata lill-persuni b'diżabilità fiċ-Ċentri ta' Matul il-Jum? Kemm hemm għalliema involuti f'din il-ħidma edukattiva? Tista' tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-programmi edukattivi imfasslin għal dawn iċ-ċentri? Kemm qed jingħataw taħriġ formali u informali li jwasslu għal xi forma ta' ċertifikazzjoni mill-Kunsill Malti tal-Kwalifiki?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Għalkemm iċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum Għal Persuni b’Diżabilità mhumiex skejjel, taħriġ jingħata fuq diversi livelli. Għal xi żmien id-Dipartiment tal-Edukazzjoni kien joffri s-servizz ta’ tliet għalliema sabiex il-klijenti taċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum ikollhom follow up fuq it-taħriġ akkademiku li jkunu akkwistaw ġo l-iskejjel li kienu jattendu fihom qabel. Dan is-servizz waqaf minħabba li l-għalliema li kienu allokati maċ-Ċentri għażlu li jieqfu minn dan ix-xogħol. Bħalissa qed isiru diskussjonijiet mad-Direttorati tal-Edukazzjoni biex possibiliment jiġu allokati għalliema oħra għal dan il-għan.
Madankollu dan it-tip ta’ taħriġ għadu jingħata mis-
support workers
fuq livell ta’ programmi kif maqbula mal-istess għalliema.
Programmi oħra li jingħataw fiċ-ċentri jinkludu –
computer skills
, kif ukoll taħriġ għall-iżvilupp għall-ħiliet għal ħajja indipendenti.
Dan it-taħriġ bl-ebda mod ma jwassal għal xi forma ta’ ċertifikazzjoni mill-Kunsill Malti tal-Kwalifiki però huwa mmirat li jgħin lil klijenti sabiex ikollom il-possibiltà ta’ ħajja iktar indipendenti kif ukoll ħajja ta’ kwalità aħjar.
Il-programmi kollha huma mfassla skont il-potenzjal u x-xewqa ta’ kull persuna li tattendi ċ-ċentri.
Kopja tal-programm ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ta’ min jgħid li l-Qafas Nazzjonali tal-Kwalifiki jinkorpora wkoll livelli li anke persuni b’diżabilità jkunu jistgħu jikkwalifikaw għal xi livell li jgħinhom biex jidħlu fid-dinja tax-xogħol. Għaldaqstant, il-Kunsill Malti għall-Kwalifiki se jibda’ taħditiet mal-Kummissjoni għal persuni b’diżabilità biex dawn il-livelli jkunu ikkontestwalizzati għal ħtiġijiet speċifiċi ta’ dawn il-persuni.
Kunsill Malti tal-Kwalifiki — persuni b'diżabilità kwalifikati għad-dinja tax-xogħol
Question
Tista' l-Ministru tgħid x'passi qed jittieħdu mill-Kunsill Malti tal-Kwalifiki biex il-Qafas Nazzjonali tal-Kwalifiki jieħu ħsieb ifassal il-livelli b'mod li anki persuni b'diżabilità jkunu jistgħu jikkwalifikaw għal xi livell li jgħinhom biex jidħlu fid-dinja tax-xogħol?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-Qafas Nazzjonali tal-Kwalifiki jinkorpora wkoll livelli li anke persuni b’diżabilità jkunu jistgħu jikkwalifikaw għal xi livell li jgħinhom biex jidħlu fid-dinja tax-xogħol. Għaldaqstant, il-Kunsill Malti għall-Kwalifiki se jibda’ taħditiet mal-Kummissjoni Nazzjonali għal Persuni b’Diżabilità biex dawn il-livelli jkunu ikkontestwalizzati għal ħtiġijiet speċifiċi ta’ dawn il-persuni.
Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilità — Bajja tal-Għadira aċċessibli
Question
Tista' l-Ministru tgħid x'passi ħadet s'issa u x'riżultati kellha l-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilità biex il-Bajja tal-Għadira ssir aċċessibbli u biex ikun hemm spazji riservati għall-persuni b'diżabilità għall-parkeġġ tal-karozzi?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilità (KNPD) qiegħda f'kuntatti mal-Malta Tourism Authority (MTA) sabiex jintlaħaq livell raġonevoli ta' aċċessibilità fil-bajjiet tar-ramel. Il-proposta tal-MTA li ġiet aċċettata mill-KNPD, hija li jsir proġett pilota billi jinxtraw żewġ siġġijiet tar-roti li jimmanuvraw permezz ta' balloon tyres u li jistgħu jittrasportaw persuni b'nuqqas ta' mobilità fil-baħar. Dan il-proġett pilota jista' jsir f'waħda mill-bajjiet. Jekk dawn jirriżultaw tajbin, imbagħad jista' jiġi kkunsidrat li jinxtraw tnejn minn dawn it-tip ta' siġġijiet tar-roti għal kull bajja. Il-KNPD tħoss li dan huwa pass pożittiv 'il quddiem u li jkompli jinkoraġġixxi biex aktar persuni b'diżabilità jgħixu ħajja aktar indipendenti.
Rigward parkeġġi riservati għall-persuni b'diżabilità fil-bajja tal-Għadira, il-KNPD tirrakkomanda li l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu tagħmel talba formali għal dawn il-parkeġġi lill-Malta Transport. Il-KNPD, min-naħa tagħha, tappoġġja din it-talba li ssir min-naħa tal-awtorità.
Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilità — Birkirkara - prodotti għall-persuni b'diżabilità
Question
Tista' l-Ministru tgħid x'passi ħadet s'issa u x'riżultati kellha l-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilità f'Birkirkara fejn ibiegħu prodotti għall-persuni b'diżabilità, isir aċċessibbli?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Wara li l-Qorti ddeċidiet kontra l-persuni b’diżabilità dwar il-Europharma Medical Centre ta’ Psaila Street f’Birkirkara, f’Marzu 2009, il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità (KNPD) irċeviet ilment li l-Kumpannija ċaqalqet in-negozju tagħha għal bini faċċata li ukoll ma kienx aċċessibbli għal kulħadd. Il-KNPD kitbet lis-sid, saret laqgħa u ntlaħaq ftehim li ssir applikazzjoni lill-MEPA biex jiġi stallat lift fuq ġewwa. Il-permess tad-Development Notification Order mill-MEPA ngħata f’Awwissu tal-2009. Skont ir-rapport tal-perit tal-KNPD, it-toilet li hemm f’dan il-ħanut m’huwiex aċċessibbli għal kulħadd.
Waħda mill-kundizzjonijiet li tat il-KNPD lill-applikant (permezz ta' ittra mibgħuta lilu fis-6 ta' Novembru 2009 relatata mal-applikazzjoni tad-DNO) kienet li filwaqt li jistalla l-
platform
lift
kif jidher fil-pjanti mibgħuta lill-KNPD, fl-istess ħin għandu jrendi t-
toilets
f'dan il-ħanut aċċessibbli għal kulħadd.