Legislature:
Category:
Reset
Active:

Awtorità tad-Djar — Equity Sharing

Question

Jista' l-Ministru jgħid, in vista tal-fatt illi l-skema ta' equity sharing ġiet abborita, x’ser jiġri f’dawk il-każijiet fejn kien hemm applikanti li saħansitra ħallsu l-ispejjes lil Awtorità tad-Djar in konnessjoni ma' l-istess skema u li t-talba tagħhom kienet ġiet approvata?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab informat li f'każijiet fejn l-applikanti mhux ser jikkwalifikaw taħt l-iskema l-ġdida, l-ispejjes imħallsa lill-Awtorita' ser jingħataw lura.

Pensjonanti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li huma pensjonanti llum? Kemm minnhom jaħdmu?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab infurmat li l-numru ta' persuni li llum qed jirċievu l-pensjoni ta' l-Irtirar u l-pensjoni tar-Romol, imħallsa taħt l-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali, jammonta għal 62,011 u, skond ir-rekords tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ, 8,694 minnhom għadhom jaħdmu.

Xogħol b'mod illegali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inqabdu persuni jaħdmu b'mod illegali din is-sena? Kemm minn dawn kienu immigranti llegali?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab infurmat li n-numru totali ta’ dawk li nqabdu jaħdmu illegalment din is-sena sa l-aħħar ta’ Awwissu kien 1,257. Ninsab infurmat ukoll li ma tinżammx statistika kif mitluba fl-aħħar parti tal-Mistoqsija.

Persuni mweġġa' waqt ix-xogħol

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm weġġgħu persuni fuq ix-xogħol din is-sena? Kemm minn dawn kienu barranin?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab infurmat li n-numru ta' persuni li għamlu talba għal Benefiċċju tal-Korriment, imħallas taħt l-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali, bejn Jannar u Awwissu 2008, kien ta' 2,685 u li minn dan in-numru 61 kienu persuni ta' nazzjonalita' barranija.
Leg 11 PQ #2261 Sitting 39 2008-10-07 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Home Equity Scheme

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta mistennija titħabbar il-Home Equity Scheme mill-ġdid? Meta se tiġi fis-seħħ? Kif se jinbidlu l-parametri tagħha, jekk fil-fatt se jinbidlu?

Response (DALLI, JOHN)

Informat li l-Awtorita’ lestiet il-proposti tar-ristrutturazzjoni ta’ l-iskema u dawn għandhom jiġu pubblikati fi żmien qasir wara li jiġu approvati mill-kabinett.
Leg 11 PQ #2262 Sitting 39 2008-10-07 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Ditti li jimpjegaw nies b'diżabilita' — Skema ġdida

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux minnu li l-ETC se ddaħħal jew diġa' daħħlet fis-seħħ skema ġdida ta' sussidju għal dawk id-ditti kollha li jimpjegaw għal żmien definit magħhom ħaddiema li huma registered disabled? Jekk iva, x'inhuma l-parametri u l-kondizzjonijiet ta' din l-iskema?

Response (DALLI, JOHN)

Il-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ qed taħdem biex tniedi skema ġdida ta’ sussidju għal dawk id-ditti u entitajiet li jimpjegaw persuni li qegħdin jirreġistraw bħala disabled persons. Dettalji dwar din l-iskema jitħabbru aktar il-quddiem wara li dawn jiġu finalizzati.
Leg 11 PQ #2281 Sitting 39 2008-10-07 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Dar Andrew

Question

Jista' l-Ministru jgħid Dar Andrew li ġiet inawgurata qabel l-elezzjoni ġewwa Bormla,meta se tilqa' l-ewwel residenti?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab infurmat li l-programm ta’ transizzjoni għall- klijenti identifikati għal Dar Andrew diġà beda. Tant li saru laqgħat mal-ġenituri, sar assessjar dettaljat tal-klijenti u s-supervisor bdiet tiffamiljarizza ruħha mal-istess klijenti billi tiltaqa’ magħhom f’ambjenti differenti, bħad-dar tagħhom stess, Ċentri ta’ Matul il-Jum fejn jattendu, eċċ. L-istess supervisor bdiet anke toħrog lil xi wħud minn dawn il-klijenti biex ssir tafhom iktar. Ninsab infurmat ukoll li għaddej eżerċizzju għar-reklutaġġ ta’ support workers u l-klijenti jkunu jistgħu jidħlu fid-Dar meta jinstabu support workers biżżejjed.
Leg 11 PQ #2282 Sitting 39 2008-10-07 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Benefiċċju Soċjali

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ tal-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, fejn d-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali qalha li suppost qed tirċievi aktar benefiċċju soċjali milli qed tieħu fil-preżent? Jista' jara li dan il-proċess jitmexxa mill-aktar fis possibli?

Response (DALLI, JOHN)

Nitlob l-Onor. Interpellant tagħti parir lill-persuna konċernata li tmur l-Uffiċju tad-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali li jkopri l-lokalita' tagħha, jew li ċċempel SPIC fuq freephone numru 159, biex tingħata l-informazzjoni u l-għajnuna meħtieġa.

Foster Carers Kwalifikati

Question

Jista` l-Ministru jgħid kemm hawn foster carers kwalifikati f'pajjiżna kemm f'Għawdex, kif ukoll f'Malta f'kull belt u raħal separatament?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab infurmat li n-numru totali ta’ foster carers f’Malta u Għawdex fil-preżent huwa 140. Ninsab infurmat ukoll li l-kumplament tal-informazzjoni mitluba hi kif tidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Tfal — Foster Placement

Question

Jista` l-Ministru jgħid kemm hawn tfal f'pajjiżna li qegħdin f'foster placement?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab infurmat li preżentement hawn 155 tfal u żgħażagħ li huma taħt foster care placement.

Foster Carers — Għajnuna u Servizzi mil-Gvern

Question

Jista` l-Ministru jgħid x'għajnuna u x'servizzi jiġu offruti mill-Gvern lill-foster carers biex ikunu jistgħu jieħdu ħsieb it-tfal fdati lilhom?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab infurmat li, wara li jkunu ipparteċipaw f’taħrig inizjali u jiġu approvati mill-‘Fostering Board’, il-foster carers jiġu mogħtija s-sapport ta’ social worker. Dan is-sapport jikkonsisti f’laqgħat fid-dar tal-familja, fejn jiġi diskuss il-progress jew diffikultajiet tal-minuri li jkun qed jiġi fostered. Jiġu offruti ukoll għajnuna psikologika, kemm individwali kif ukoll bħala familja, kuntatt ma’ support groups , u aktar taħrig dwar kif il- foster carer s ikunu jisgħtu jgħinu lil dawn it-tfal u żgħażagħ. Tingħata wkoll għajnuna finanzjarja permezz taċ- Child in Care Benefit ta’ €47.75c fil-ġimgħa għal kull minuri li jkun qed jiġi fostered .

Kunsill tat-Tfal

Question

Jista` l-Ministru jgħid meta ser jitwaqqaf il-Kunsill tat-Tfal a tenur ta' l-Att dwar il-Kummissarju tat-Tfal?

Response (DALLI, JOHN)

Il-Kunsill tat-Tfal a tenur ta' l-Att dwar il-Kummissarju tat-Tfal inħatar mill-ġdid b’seħħ mis-16 ta' Settembru, 2008.
Leg 11 PQ #2449 Sitting 39 2008-10-07 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Sptar San Luqa — Pazjenti u Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm pazjenti fl-iSptar San Luqa u għal liema kondizzjoni huma miżmuma hemm? Jista' jgħid ukoll kemm hu n-numru ta' impjegati tad-Dipartiment tas-Saħħa li qed jirrapurtaw għax-xogħol fl-iSptar San Luqa maqsumin skond il-grad?

Response (DALLI, JOHN)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar , tweġiba tingħata f xi Seduta oħra.
Leg 11 PQ #2450 Sitting 39 2008-10-07 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Pazjenti fuq il-waiting list

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' pazjenti fuq il-waiting list sabiex: a) jitteħdilhom l-MRI b) issirilhom operazzjoni tal-cruscade ċ) issirilhom operazzjoni tal-hip replacement d) issirilhom operazzjoni tal-cartilage?

Response (DALLI, JOHN)

Informat hekk : Procedura / Intervent Nru ta’ pazjenti fuq il- waiting list MRI Scan 1,801 Anterior Cruciate Repair 305 Total Hip Replacement 626 Arthroscopy Knee 3,545
Leg 11 PQ #2454 Sitting 39 2008-10-07 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Ministeru għall-Polotika Soċjali — Donazzjonijiet lill-Għaqdiet Sportivi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm f'dawn l-aħħar sentejn (2007/2008) ingħataw donazzjonijiet mill-Ministeru lill-għaqdiet sportivi? Liema kienu dawk l-għaqdiet li bbenefikaw minnhom? X'kien l-ammont f'kull każ?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab informat li ma jirriżultax li f’dawn l- aħħar sentejn (2007/2008) ingħataw donazzjonijiet mill-Ministeru lill-għaqdiet sportivi.

Nies li jitqiesu homeless — għajnuna mill-gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn nies li jitqiesu homeless u għaliex dawn ma jsibux għajnuna mill-Gvern, allura jaqgħu dipendenti fuq l-NGOs bħal ma huma l-YMCA?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab informat li l-Awtorita' tad-Djar għandha 122 applikazzjoni minn persuni li jitqiesu homeless li jinkludu persuni li qegħdin ġo sheltered homes jew ġewwa l-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin. Mhux assolutament il-każ li dawn il-persuni ma jsibx għajnuna mill-Gvern. Dawn l-applikazzjonijiet jiġu kkunsidrati u mogħtija l-prijorita' li jixirqilhom fid-dawl tan-numru ta' postijiet disponibbli biex jiġu allokati. Ta min jgħid li din il-kategorija ta' persuna tista' tibbenifika minn skemi ta' l-Awtorita' tad-Djar bħal dik dwar sussidju fuq il-kera. Inżid ukoll li l-entitajiet u organizzazzjonijiet volontarji li jagħtu kenn u sapport lil dawn il-persuni, normalment jirċievu għajnuna finanzjarja mill-Gvern għal dan l-iskop.

Colifoam Enemas — Stock

Question

Jista' l-Minstru jgħid jekk inxtarax mill-Gvern, il-prodott Colifoam Enemas li ilu out of stock diversi xhur?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab infurmat li kienet saret ordni għall-prodott imsemmi f’Novembru 2007 iżda minħabba li kien hemm nuqqas tiegħu fir-Renju Unit, il-konsenji lejn Malta kienu limitati. Bejn Jannar u April 2008 id-Dipartiment tal-Procurements irċieva biss 240 pakkett. Madankollu is-sitwazzjoni issa ġejja lura għan normal. Fil-fatt f’ Lulju u Awissu id-Dipartiment irċieva 492 pakkett rispettivament, filwaqt li f’ Settembru irċieva 1,500 pakkett, li 500 minnhom waslu fl-aħħar tax-xahar u għadhom ma ġewx rilaxxjati.

Child Care Centres

Question

B'referenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 2147 jista' l-Ministru jgħid kemm hawn child cares centres f'Malta u f'Għawdex u fejn qegħdin? Jista' jgħid liema huma tal-gvern u liema huma tal-privat jew tal-Knisja?

Response (DALLI, JOHN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi l-faċilitajiet li ngħataw reġistrazzjoni proviżorja biex joperaw bħala Child Care Centres mid-Dipartiment għal Standards fil-Ħarsien Soċjali. Ninsab infurmat li din il-Tabella ma tinkludix faċilitajiet li għad għandhom il-possibiltà li joperaw mingħajr ma jinnotifikaw lill-imsemmi Dipartiment.
Leg 11 PQ #2738 Sitting 39 2008-10-07 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Għajnuna Finanzjarja lil persuna barranija

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga l-każ ta' persuna li d-dettali tiegħu qed jintbagħtu separatament, li bħalissa qiegħed rikoverat fl-EMT Ward wara aċċident tat-traffiku, partikolarment it-talba tal-familja tiegħu li l-Gvern jassistih finanzjarjament sabiex imur lura lejn pajjiżu?

Response (DALLI, JOHN)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar , tweġiba tingħata f xi Seduta oħra.