Jista l-Ministru jieħu l-passi necessarji biex il-pelican lights li hemm f'nofs it-Telgha tas-Xemxija terga' tinxtegħel billi din għandha d-dawl tagħha li ilu maqtugħ numru ta' ġranet?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li għaddejt l-osservazzjoni tiegħu lil Transport Malta.
Billi fil-weekend li għadda kien hemm inċident tat-traffiku fil-kantuniera ta' Triq il-Pwales mat-telgħa tax-Xemxija, li fih tkisser railing protettiv għal dawk li jkunu qed jimxu fuq il-bankina, jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji, permezz ta' Transport Malta biex dan ir-railing jiġi rranġat?
Jista' fl-istess ħin dan ir-railing eżistenti jinbidel għal crash barrier, billi spiss ikun hemm inċidenti fl-istess post?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li għaddejt is-suġġeriment tiegħu lil Transport Malta.
Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni — trasferiment ta' ħaddiema
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm intalbu trasferimenti minn ħaddiema fid-dipartiment/uffiċini li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu f’dawn l-aħħar sitt xhur u kemm minnhom intlaqgħu? Jista' jgħid minn liema dipartiment intalab it-trasferiment u għal fejn sar it-trasferiment?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-Ministeru rċieva żewġ talbiet għal transfer mid-Direttorat għall-Affarijiet tal-Unjoni Ewropea. Waqt li talba minnhom kienet biex l-uffiċjal imur f'post ieħor, l-oħra kienet biex l-uffiċjal jiċċaqlaq għal Direttorat ieħor fi ħdan il-Ministeru. Eventwalment, l-ewwel talba inbidlet u l-uffiċjal lest li jmur f'Direttorat ieħor fi ħdan il-ministeru. Dan kollu jiddependi mid-disponibilità u l-istaff.
Infurmat ukoll li ntalbu tlett trasferimenti mid-Dipartiment tar-Reġistru Pubbliku u ieħor mill-Uffiċju tal-Passaporti iżda s'issa dawn it-talbiet għadhom pendenti għax qed jiġi mitlub replacement adekwat għal dawn l-uiffiċjali. Ma saret l-ebda talba fir-Reġistru tal-Artijiet.
Ministeru għall-Infrastruttra, Trasport u Komunikazzjoni — proprjetà immobiljari
Question
Jista' l-Ministru jagħti rendikont xi proprjetà immobiljari għandu l-Ministeru tiegħu jew entità/kumpanija li jaqgħu taħtu mikrija mill-privat u kemm hu l-ammont ta' kera li tħallset lil privat mill-Ministeru tiegħu u kull kumpanija/entità li taqa' taħt id-dekasteru tiegħu fis-sena 2010? Jista' jikkonferma jekk matul is-sena 2011 din il-kera hijiex se togħla?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-proġetti infrastrutturali tal-Gvern li l-Ministeru tiegħu qed jikkordina bħalissa f’Malta u f’Għawdex separatament? X’proġetti hemm maħsuba li jitwettqu fiż-żewġ gżejjer separatament minn din is-sena sal-2013 li l-Ministeru se jkun qed jikkordina?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-proġetti huma dawn:
· Rinnovament tal-breakwater prinċipali ta’ Marsaxlokk
· Rinnovament tal-breakwater prinċipali ta’ Port il-Kbir, cioe’ dak ta’ Sant Iermu u dak ta’ Rikasoli
· Kostruzzjoni tal-pont fuq il breakwater ta’ Sant Iermu
· Kostruzzjoni tal-Ferry Terminal il-ġdid fiċ-Ċirkewwa
· Rinnovament u upgrading tal-moll ta’ Deep Water Quay fil-Port il-Kbir
· Kostruzzjoni ta’ mollijiet ġodda għal-vapuri tal-passiġġieri fil-Port il-Kbir. Dawn ser ikuni fl-inħawi ta’ Lascaris, Barriera u Boiler wharfs.
· Environmental impact assessment ta’ yacht marina ġdida f’Sa Maison, Marsamxett
· Environmental impact assessment ta’ moll ġdid għal-merkanzija bejn Laboratory Wharf u Fuel Wharf fil-Port il-Kbir
· Numru ta’ proġetti ta’ manutenzjoni f’diversi inħawi
· City Gate Project
· Barrakka Lift
· Dock 1 ERDF 104
· British & Knights Buildings Dockyard Creek
· Valletta Bus Terminus
· Palazzo Zondadari Valletta
· Sant’Iermu
· Ex-Pixxkerija Barriera Valletta
· Data Centre għall-MITA
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'tip ta' spejjeż qed jintalbu li jħallsu l-kunsilli lokali meta dawn jitolbu li jiġu stallati xi pelican lights jew traffic lights?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-kunsilli lokali ma jintalbu l-ebda tip ta' spejjeż.
Awtorità Maltija tal-Komunikazzjoni — operaturi tas-servizz bil-cable
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk itteħdux xi passi min-naħa tal-Awtorità Maltija tal-Kommunikazzjoni, fil-konfront tal-operaturi tas-servizz bil-cable li biegħu pakketti, fosthom dawk għal sena sħiħa, u li qabdu u waqqfu t-trasmissjoni ta’ ċertu stazzjonijiet? Dawn se jiġu ordnati jirrifondu l-ħlas jew parti mill-ħlas li sar minn qabel għal dawn il-pakketti meta kienu għadhom jinkludu l-istazzjonijiet kollha? L-Awtorità kienet taf li dawn l-operaturi kienu qed ibiegħu s-servizz b’ċertu stazzjonijiet minkejja li ma kellhomx ftehim u permess li jagħmlu dan? L-awtorità, ħadet ħsieb tivverifika jekk l-istazzjonijiet li s’issa għadhom inklużi fil-pakketti ta’ dawn l-operaturi, humiex koperti bi ftehim bejn il-partijiet konċernati?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-Awtorità ta’ Malta dwar il-Komunikazzjoni ikkomunikat mal-operaturi konċernati appena hi saret taf li xi stazzjonijiet ma kenux ser ikomplu jixxandru jew li x-xandir tagħhom kien waqaf. Mit-tagħrif miksub irriżulta li f’każ ta’ l-istazzjon ‘Jimmy Italia’, dan l-istazzjoni għalaq u għalhekk ma setax ikompli jintwera. Dwar l-istazzjonijiet Living u Comedy irriżulta li kien hemm bdil fis-sidien u li dawn talbu lill-operaturi konċernati milli jieqfu mix-xandir ta’ dawn l-istazzjonijiet.
L-Awtorita' ma' għandhiex il-poter legali li hi tordna li jingħata xi kumpens ta’ flus fil-każijiet li għalihom qed jirriferi l-Onorevoli Membru.
L-Awtorita' fl-ambitu tal-poteri tagħha fil-liġi kkomunikat maż-żewġ operaturi fejn talbet li tingħata assikurazzjoni li huma għandhom l-awtoriżżajonijiet meħtieġa biex iġorru l-istazzjonijiet li fil-preżent huma mxandra fuq in-
networks
rispettivi tagħhom.
Jista' l-Ministru jgħid min hu l-kuntrattur li rebaħ it-tender għax-xogħlijiet ta' tisbiħ madwar il-Baċir Numru 1? Kemm hu l-valur tal-kuntratt? Meta se jinbeda x-xogħol u meta hu previst li se jitlesta?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-kuntrattur li rebaħ it-tender għax-xogħlijiet ta' tisbiħ madwar il-Baċir Numru 1 huwa Marinelli Costruzioni Spa għal valur ta’ 3.82 miljun Euro eskluż il-VAT. Ix-xogħol inbeda fl-14 ta’ Jannar u huwa previst li jieħu 60 gimgħa biex jitlesta.
Jista' l-Ministru jgħid, wara t-tlestija ta' l-ewwel fażi ta' Smart City, kemm hemm kumpaniji joperaw bħalissa fi Smart City, min huma, f’liema settur joperaw u kemm huma l-ħaddiema li kull waħda minn dawn il-kumpaniji timpjega fi Smart City? Jista' jgħid ukoll kemm minn dawn il-kumpaniji kienu diġà qed joperaw f'Malta u kemm kienu jimpjegaw ħaddiema qabel ma ċċaqalqu lejn Smart City?
Response (GATT, AUSTIN)
Minħabba li SmartCity (Malta) hi azjenda privata, l-Onor. Interpellant jista’ jekk irid jikkunsidra jagħmel dawn il-mistosqijiet lilha direttament.
Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni — inkjesti/investigazzjonijiet u stħarriġ
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru inkjesti/investigazzjonijiet/stħarriġ interni f’kull dipartiment/uffiċċju li jaqa' taħt id-dekasteru tiegħu f’dawn l-aħħar sentejn? Jista' jgħid kemm minnhom għadhom pendenti u kemm ġew konklużi? Jista' jgħid in-natura tal-każ? Jista' jgħid id-dipartiment konċernat u l-kariga tal-persuni involuti, jekk itteħdux passi dixxiplinarji/legali u jekk ġew sospiżi xi nies?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li f’dawn l-aħħar sentejn saret investigazzjoni nterna waħda fid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi. Din saret fid-Direttorat għas-Servizzi Korporattivi li kienet tikkonċerna sejħa għall-offerti dwar servizzi ta’
te
leconferencing
u dan peress li xi rekwiżiti fit-
tender
setgħu jkunu interpretati bħala li huma
proprietory.
Din it-
tender
twaqqfet u wara saret investigazzjoni minn Bord immexxi mis-Segretarju Permanenti. Il-persuni konċernati kienu f’livell ta’ Direttur u Uffiċjali fi skala 6. L-investigazzjoni sabet li kien hemm numru ta’ nuqqasijiet mhux gravi fil-proċess ta’ skrutinju li primarjament kien ġej minn żelu sabiex jkunu evitati spejjeż u dewmien fil-proċess. In-nuqqasijiet ma' kienux ta’ natura li wieħed seta’ jikkonkludi li kien hemm intenzjonijiet ulterjuri fil-mod kif tfasslu r-rekwiżiti. Għal din ir-raġuni, għalkemm is-Segretarjat Permanenti ħareġ struzzjonijiet verbali għal skrutinju iżjed bir-reqqa, ma nħassx il-bżonn li jittieħdu passi dixxiplinari kontra ħadd.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 22264, jista' l-Ministru jara li l-problema li ilha għaddejja minn Frar tiġi solvuta darba għal dejjem, fejn bejjiegħ li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, minkejja li għandu l-permess kollu li hu mitlub skont il-liġi, dan spiċċa bla kaxxa safra u dan meta hemm post fejn issir, però jidher li hemm xi disgwid u issa anke l-armonija u l-ħbiberija li kien hemm bejn il-bejjiegħa qed tonqos peress li fis-17 ta' Jannar 2011, kull kaxxa safra inżebgħet bl-iswed fejn il-problema kibret għax is-sitt bejjiegħa ħadd ma jaf fejn se jarma? Jista' l-Ministru jibgħat lil min hu konċernat biex iġib kollox għan-normal u tiġi miżbugħa din il-kaxxa għax kulħadd qed jgħid li din ma taqax taħt ir-responsabilità tiegħu?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li s-sit in kwistjoni mhux approvat bħala post ta’ open air market (monti) u allura ma jistax ikun hemm postijiet fissi għall-bejjiegħa.
Sadanittant, Transport Malta se tkun qed tieħu passi biex jitneħħew il-kaxxi sofor li nżebgħu illegalment f'dan il-post.
Jista' l-Ministru jgħid jekk sarx relabelling tar-runway tal-ajruport tal-Gudja minħabba fiċ-ċaqliq tal-Earth's Magnetic North Pole?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat illi r-runway designations fl-ajruport inbidlu minħabba l-fenomenu naturali ta’ tibdil fil-magnetic variation.
Runway 32 saret runway 31
Runway 14 saret runway 13
Runway 24 saret runway 23
Runway 06 saret runway 05
Dan it-tibdil sar fl-2008.
Jista' l-Ministru jgħid kemm daħħlet flus Malta mir-reġistrazzjoni ta' vapuri mill-2000 sal-lum? Kemm minn dawn intilfu u/jew tħassru minn fuq ir-reġistru fl-istess żmien?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li bejn is-snin 2000 u 2010, id-Direttorat tal-Bastimenti Merkantili fi ħdan l-Awtorità Marittima ta’ Malta u l-Awtorità għat-Trasport f’Malta daħħal Euro 94,902,753 mill-attivitajiet li tagħhom hu responsabbli kważi kollha relatati mar-reġistrazzjoni tal-bastimenti taħt il-bandiera Maltija.
Fl-istess perjodu 4,252 il-bastiment għall-tunnellaġġ gross ta’ 52,663,567 temmew ir-reġistrazzjoni tagħhom taħt l-Att Dwar il-Bastimenti Merkantili.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux se jsiru tabelli li jagħtu tagħrif dwar is-servizz tal-Gozo Channel matul ir-rotta mill-Belt saċ-Ċirkewwa bħalma kien hemm xi żmien ilu? Jistgħu jsiru avviżi fuq il-mezzi tax-xandir meta s-servizz jiġi sospiż, minn fejn u x'ħin ikun se jaħdem il-vapur?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat
Persuni li bidlu l-ID Card minn Malta għal Għawdex
Question
B'referenza għat-tweġiba li ngħatajt għall-mistoqsija parlamentari 22748 fejn tlabtu jagħti n-numru ta’ persuni li ttrasferew ir-residenza u l-karta tal-identità tagħhom minn Malta għal Għawdex minn Ottubru 2008 sal-lum u peress li fit-tweġiba tiegħu l-Ministru rreferieni għat-tweġiba li ta għall-mistoqsija parlamentari 20745 fejn kien intalab jgħid fiex wasal eżattament il-proċess tal-karti tal-identità l-ġodda u meta hu maħsub li jibdew jinħarġu. Peress li dik il-mistoqsija m’għandha x’taqsam xejn mal-mistoqsija tiegħi, jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 22748 u jagħti n-numru ta’ persuni li ttrasferew ir-residenza u l-karta tal-identita’ tagħhom minn Malta għal Għawdex minn Ottubru 2008 sal-lum?
Response (GATT, AUSTIN)
L-Uffiċċju Elettorali - li jiġbor l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant ma jaqax taħt ir-responsabbiltà Ministerjali tiegħi.
direct orders b’rabta mar-riforma tat-trasport pubbliku
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il direct order ingħatat b’rabta mar-Riforma tat-Trasport Pubbliku? Min kienu l-kumpaniji li ngħataw dawn id-direct orders, x’kien ix-xogħol relatat ma' kull waħda minn dawn id-direct orders u kemm kien il-valur ta’ kull wieħed minn dawn id-direct orders?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat illi kien hemm (5) ħames kumpaniji li ngħataw direct orders marbutin mar-riforma tat-trasport pubbliku. Dawn huma:
· Halcrow Group Ltd , liema kumpanija pprovdiet assistenza teknika fil-preparazzjoni u l-evalwazzjoni tat-tender tat-trasport pubbliku. Il-valur ta’ din l-assistenza teknika jammonta għal Euro 202,052.85 għas-sena 2010, Euro 51,716 għas-sena 2009 u Euro 127,970 għas-sena 2008.
· Aequitas Legal, liema kumpanija pprovdiet assistenza legali fil-preparazzjoni u l-evalwazzjoni tat-tender tat-trasport pubbliku. Il-valur għal din l-assistenza legali jammonta għal Euro 62,658.00 għas-sena 2010 u Euro 21,059 għas-sena 2009. Aequitas Legal tħallset ukoll is-somma ta’ Euro 120,000 għal assistenza legali dwar ir-regolamenti ġodda tat-taxis.
· Pricewaterhouse Coopers, liema kumpanija pprovdiet assistenza fil-preparazzjoni u l-evalwazzjoni tat-tender tat-trasport pubbliku. Il-valur ta’ din l-assistenza jammonta għal Euro 59,892.08 għas-sena 2010 u Euro 52,736 għas-sena 2009.
· Studio 7 tħallas s-somma ta’ Euro 22,795.16 għal servizz ta’ reklamar dwar ir-riforma tat-Trasport Pubbliku.
· Rank Xerox tħallset is-somma ta’ Euro 7,080.00 għal servizz ta’ printing ta’ ktejjeb dwar in-network tat-trasport b’tal-linja f’Għawdex.
Jista' l-Ministru jgħid jekk nhar il-Ġimgħa, 14 ta' Jannar 2011 filgħaxija fl-ajruport ta' Malta niżilx xi ajruplan Tuneżin? Jekk iva, x'kienet l-għan taż-żjara tiegħu u min kien fuqu?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li ma niżel l-ebda ajruplan Tuneżin fl-ajruport ta’ Malta nhar il-Ġimgħa, 14 ta' Jannar 2011 filgħaxija.
Ministeru għall-Infrastruttra, Trasport u Komunikazzjoni — voti approvati li ma ġewx utilizzati
Question
B'referenza għall-Estimi 2010 approvati mill-Parlament, jista' l-Ministru jagħti d-dettalji item item, kemm mill-voti approvati li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu ma ġewx utilizzati (minfuqa) inkluż il-Voti taħt Contributions to Government Entities, Programmes and Initiatives u Kapitali?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li jsir ix-xogħol neċessarju fuq Triq il-Feniċi, Triq il-Battaljun, Triq ir-Rumani, Triq l-Għerien tal-Wied, Triq l-Imsaqqfin u t-toroq tal-viċinanzi fil-Mosta li jeħtieġilhom wiċċ xieraq?