B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 3728, tista’ l-Ministru allura tgħid jekk il-Gozo Youth Council preżentament hux kostitwit? Tista’ tgħid minn kemm ilu mwaqqaf dan il-kunsill sal-lum, sena b’sena, kemm kienet l-allokazzjoni jew xi forma ta’ finanzjament ieħor li ġie mgħoddi lil dan il-Kunsill mill-Ministeru għal Għawdex?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ministeru għal Għawdex – Direttorat tal-Proġetti u Żvilupp — ġardinara
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm ħaddiema fil-grad ta’ ġardinara fi ħdan id-Direttorat tal-Proġetti u Żvilupp fil-Ministeru tagħha, kif ukoll tgħid x’tip ta’ xogħol jagħmlu u bħala post tax-xogħol fejn huma assenjati dawn il-ħaddiema? Tista’ tgħid ukoll kemm minn dawn il-ħaddiema li għandhom grad ta’ ġardinara qed jagħmlu xi tip ta’ xogħol ieħor u x’tip ta’ xogħol qed jagħmlu?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninsab infurmata li fid-Direttorat tal-Proġetti u Żvilupp hemm 60 ħaddiem fil-grad ta’ ġardinar. Wieħed minnhom hu fuq unpaid leave to seek alternative employment. Il-bqija huma assenjati f’diversi postijiet skont il-ħtiġijiet tal-istess Direttorat u jagħmlu xogħol relatat mal-grad tagħhom jew xogħol ieħor kif mitlub minnhom skont l-esiġenzi tas-Servizz.
Ministeru għal Għawdex — xogħol u xiri ta’ kotba minn kumpanija
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-kumpanija li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, ingħatatx xogħol jew inxtrawx kotba mingħandha, mill-Ministeru tagħha, jew dipartimenti, entitajiet, fondazzjonijiet, aġenziji, kumpaniji, korporazzjonijiet u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha, sena b’sena, minn Jannar 2000 sa Marzu 2013? Tista’ tgħid jekk dan ix-xogħol ingħatax jew jekk ix-xiri sarx b’direct order jew b’tender, kemm kienet l-ispiża f’kull każ u x’kien ix-xogħol mogħti jew ix-xiri li sar?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninsab infurmata li ma ngħata l-ebda xogħol jew inxtraw kotba mingħand il-kumpanija msemmija mid-dipartimenti jew l-entitajiet li jaqgħu fid-dekasteru tal-Ministeru.
Peress li ż-Żewwieqa Entrenchments, arkitettura militari unika li hemm faċċata tal-Port tal-Imġarr għandha bżonn ta' restawr, fejn anke reċentement waqgħu xi ġebel kawża tal-maltemp, tista' l-Ministru tgħid jekk hemmx il-ħsieb li jsir ix-xogħol ta’ restawr fuq din l-arkitettura?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għal Għawdex qed jieħu diversi inizjattivi ta’ restawr. Filfatt, hemm diversi proġetti li qed isiru bi ftehim ma’ Wirt Għawdex kif ukoll permezz tal-ewwel edizzjoni tal-iskema ta’ restawr għall-lokalitajiet f’Għawdex iffinanzjata mill-Ministeru għal Għawdex., li għaliha din is-sena applikaw 13-il kunsill lokali.
Peress li hemm bżonn li jsir xogħol urġenti fit-trejqa li tieħu lejn in-naħa ta' fuq ta' Ġnien il-Familja fi Triq l-Imġarr, Qala, liema trejqa tinsab fi stat perikoluż, fejn hemm nuqqas ta’ ilqugħ b'konsegwenza li kemm persuni kif ukoll vetturi huma vulnerabbli li faċilment jistgħu jaqgħu sa żewġ sulari, tista' l-Ministru tara li tittieħed azzjoni sabiex jitneħħa dan il-periklu evidenti?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa qed isiru verifiki biex jiġi stabbilit jekk l-art hijiex propjetà tal-Gvern jew tal-privat.
Tista' l-Ministru tara li titranġa Triq l-Imġarr in-Nadur, b'mod partikolari u preċiżament il-parti ftit ‘l isfel mill-grawnd tan-Nadur Youngsters FC, fejn hemm sink hole li hemm bżonn titħaffer u tittranġa bla ebda dewmien?
Tista’ l-Ministru tgħid taħt liema Ministeru taqa' r-responsabbiltà ta' Triq il-Pitkalija ġewwa x-Xewkija, Għawdex? Jekk taqa’ taħt il-Ministeru għal Għawdex, tista’ tgħid x’tip ta’ interventi maġġuri ser isiru f’din it-triq peress li hi fi stat ħażin ħafna u ta’ periklu kemm għan-nies li jkunu mexjin kif ukoll għas-sewwieqa minħabba l-ħofor li hemm u anke minħabba l-gradi tal-konkos li jinsabu maġenb it-triq li sfrundaw u li per konsegwenza jista’ jseħħ xi inċident gravi minn ħin għall-ieħor?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Triq il-Pitkalija ma taqax taħt il-Ministeru għal Għawdex. Iżda l-Ministeru għal Għawdex xorta ħa ħsieb jagħmel il-patching neċessarju u dan ix-xogħol diġà sar.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm ingħataw direct orders mid-Direttorati li jaqgħu taħt il-Ministeru għal Għawdex bejn it-8 ta’ Marzu 2013 sal-lum, lil min ingħataw u kemm kien l-ammont fi flus għal kull direct order? Tista’ tgħid ukoll fil-preżent kemm hemm direct orders li qed jitħaddmu u min huma l-persuni/il-kumpaniji/il-kuntratturi li qed jibbenefikaw minn dawn id-direct orders u jekk hemmx il-ħsieb li joħorġu tenders flok dawn id-direct orders matul is-sena 2018?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta għal din il-Mistqosija ser tingħata f’xi seduta oħra. Però fuq nota ġenerali, llum il-Ministeru għal Għawdex għandu struttura li tassigura konformità sħiħa mal-proċeduri u regolamenti applikabbli għall-procurement.
Awtorità tal-Ippjanar – development brief tal-Masterplan ta’ Marsalforn u Xlendi
Question
Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 2695 u ċjoè: Tista’ l-Ministru tgħid fiex wasal il-proċess mal-Awtorità tal-Ippjanar għad-development brief tal-Masterplan ta' Marsalforn u Xlendi? Min huma l-periti nkarigati minn dan il-proċess min-naħa tal-Ministeru għal Għawdex? Meta hu previst li jkun hemm konsultazzjoni mal-pubbliku dwar dan il-proġett kif ukoll meta hu previst li jibdew ix-xogħlijiet infrastrutturali?
Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija 3175 u tgħid kemm-il quote nħarġet mill-Ministeru għal Għawdex u mid-dipartimenti u l-entitajiet kollha li jaqgħu taħt il-Ministeru għal Għawdex mit-8 ta' Marzu 2013 sad-data li fiha qed issir din il-mistoqsija parlamentari? Tista' tgħid kemm kien il-valur ta' kull quote li nħarġet? Tista' tgħid liema dipartiment jew entità tat kull waħda mill-quotes preċedentament imsemmija? Tista' tgħid x'kien ix-xogħol jew servizz rikjest minn kull quote u li ngħatat? Tista' tgħid ukoll jekk kienx hemm quotes li tħallsu bis-siegħa u f'tali każ tgħid liema kienu u tinkludi wkoll kemm-il siegħa ta' xogħol kien hemm involuti? Tista’ tgħid ukoll min kienet il-persuna u x'kariga tokkupa li ċċertifikat ix-xogħol, u kemm hemm kontijiet pendenti fuq quotes?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Ministeru għal Għawdex – Nefqa fuq PR u media events
Question
Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija 3176 u tgħid matul is-snin 2015, 2016 u 2017 xahar b’xahar, kemm ġew organizzati PR u media events mill-Ministeru għal Għawdex? Kemm kienet l-ispiża ta’ kull attività? Kemm kienet in-nefqa fuq backdrops, dawl, sound u faċilitajiet oħra awdjoviżivi? Kemm kienet in-nefqa fuq disinn u stampar ta' materjal? Kemm kienet in-nefqa totali ta’ dawn l-attivitajiet? Min kienu l-kuntratturi li ħadmu fuq dawn l-attivitajiet? Dawn intgħażlu wara sejħa pubblika, quote jew direct order?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Attachments:PQ Numru 4354 - Nefqa fuq PR u Media Events (002).pdf
Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 3214 u tgħid, bejn Marzu 2013 sal-lum, liema xogħlijiet saru f’kull waħda mill-14-il lokalità f’Għawdex mir-Roads Department li jaqgħu taħt il-Ministeru tagħha? Tista’ telenka dawn ix-xogħlijiet lokalità b’lokalità? F'kull każ, ix-xogħol sar wara talba tal-kunsill lokali konċernat jew fuq inizjattiva tal-Ministeru jew Dipartiment tagħha?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dokumentazzjoni relatata ma’ dawn it toroq, bħalissa hija suġġetta għall-investigazzjoni, u għalhekk m’għandniex aċċess għaliha.
Kontijiet pendenti għal xogħlijiet ta’ toroq f’Għawdex
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx kontijiet pendenti għal xogħlijiet ta’ toroq li saru f’Għawdex bejn is-snin 2000 u 2013? Jekk fl-affermattiv, tista’ tagħti d-dettalji relattivi?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa l-Ministeru għadu qed jirċievi kontijiet għall-xogħlijiet li saru mill-2000 ’il hawn u li għadhom ma tħallsux. Peress li l-files in kwestjoni huma materja ta’ investigazzjoni mill-pulizija ma jistgħux jingħataw iktar dettalji f’dan l-istadju.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 156, tista' l-Ministru issa tgħid liema huma l-positions of trust li hemm fi ħdan l-Uffiċċju tagħha u l-entitajiet u d-Dipartimenti kollha li jaqgħu taħtu?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellantli l-positions of trust fi ħdan il-Ministeru tiegħi jinsabu fis-Segretarjat Privat.
Tista’ l-Ministru tgħid x’qed isir biex jiġi assigurat li jitneħħa l-periklu mill-bajja ta’ Daħlet Qorrot fin-Nadur Għawdex, fejn ammont ta’ blat qed iċedi mis-sies għal fuq id-daħla tal-għerien tas-sajjieda u eżatt fil-post fejn ikunu n-nies meta jmorru jgħumu f’din il-bajja? Tista’ tara li jittieħdu passi immedjati qabel tiġri xi diżgrazzja?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x xogħol li kien meħtieġ li jsir fil-Bajja ta’ Daħlet Qorrot tlesta. Ix-xogħol sar mill-Ministeru għal Għawdex skont id-direzzjoni mogħtija mill-PA u mill-ERA.
Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 2785 u tgħid min kien il-perit inkarigat mix-xogħol li sar mill-Ministeru tagħha fuq dawn it-toroq indikati:
Parti minn Triq San Leonard, Xewkija /Rabat
Parti minn Triq Monġur, Għarb
Marsalforn (ħdejn il-bridge )
Triq Ta’ Cordina, Għajnsielem
Ramla Bay (wara l-gabbani )
Sqaq ta' Spring Street, Xagħra
Żona Industrijali, Xewkija
Triq ir-Rabat, Żebbuġ
Triq it-Tempju tal-Imramma, Sannat
Triq Ta’ Bullara, Xagħra
Triq l-Arċisqof Pietru Pace, Victoria
Triq Santa Dminka, Victoria
Triq il-Qortina, Sannat
Triq il-Kapuċċini, Victoria
Pjazza San Franġisk, Victoria
Triq it-Tiġrija, Nadur
Triq Ninu Cremona, Victoria
Triq il-Mitħna, Xewkija
Triq is-Salini, Marsalforn
Triq Għajn Abdun, Santa Luċija
Triq San Lawrenz, San Lawrenz
Triq Ta’ Sdieri Għarb / Triq Ta' Pinu
Triq tal-Għajn, Fontana
Vjal it-8 ta' Settembru , Xagħra
Triq Daħlet Qorrot, Nadur
Triq id-Dawwara / Triq il-Wied / Triq Kerċem, Rabat
Triq it-Tabib Anton Tabone, Rabat
Triq Enrico Mizzi, Rabat
Triq is-Sellum, Xagħra/ Rabat
Triq tal-Ħanaq, Nadur
Triq Qbajjar. Marsalforn
Triq Ta' Ċenċ, Sannat
Triq Sant' Orsla, Rabat
Triq 31 ta' Marzu 1979, Rabat
Triq ta' wara l-Heliport
Parti min Triq Għajn Qatet, Rabat
Tista' tgħid ukoll kemm kien it-tul ta' xogħol li sar f'kull triq u jekk f'kull każ saritx it-triq kollha, jekk inbnietx mill-ġdid jew inkella kienx hemm major patching (ingħatat kisja tarmac)? Tista’ tpoġġi kopja taċ-ċertifikat tax-xogħol li sar fuq dawn it-toroq u li ġie rilaxxat mill-perit inkarigat? Tista' tgħid kemm tħallas il-kuntrattur/i fuq ix-xogħol li sar fuq kull triq u kemm dan l-ammont kien iżjed minn dak ippjanat fit-tender? Tista' tgħid jekk sarux testijiet fuq ix-xogħol li sar u f'liema laboratorju saru u d-dati ta’ meta saru? Tista' tpoġġi kopja ta' dawn it-testijiet fuq il-Mejda tal-Kamra? Jekk ma sarux testijiet, tista' tagħti r-raġuni għaliex ma sarux?
Direttorat ta’ Eko Għawdex – proġetti u inizjattivi
Question
Tista’ l-Ministru tgħid fil-preżent, xi proġetti u inizjattivi qed iwettaq id-Direttorat ta' Eko Għawdex? Tista’ tgħid xi proġetti infrastrutturali hemm ippjanati li jsiru fi ħdan id-Direttorat ta’ Eko Għawdex matul is-sena 2018?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk id-disinni u l-pjanti tal-proġett ta’ Pjazza San Franġisk inbiddlux minn wara l-elezzjoni ġenerali tas-sena l-oħra ‘l hawn u ċjoè sarux oħrajn ġodda minn dawk li diġà ġew approvati mill-Awtorità tal-Ippjanar? Jekk inbiddlu l-pjanti tista’ tagħti spjegazzjoni għaliex u tpoġġi kopja tal-pjanti l-ġodda fuq il-Mejda tal-Kamra? Tista’ tgħid ukoll jekk il-perit li kien inkarigat minn dan il-proġett inbidilx ukoll minn wara l-elezzjoni lil hawn?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’Jannar li għadda sar proċess ta’ konsultazzjoni pubblika miftuħ għall-pubbliku dwar kif għandha tiġi riorganizzata din il-pjazza. F'dan il-proġett ta’ riorganizzazzjoni ser jiġu riflessi x-xewqat u s-suġġerimenti li ġew imressaqa waqt l-istess proċess ta’ konsultazzjoni għaliex dan huwa Gvern li jisma’.
Tista' l-Ministru tgħid jekk ġewx allokati fondi tal-Unjoni Ewropea, taħt il-fondi ERDF, għall-proġett tal-Gozo Museum? Jekk fl-affermattiv, tista' tgħid kemm kien l-ammont li ġie allokat u għal liema perjodu ġew allokati? Tista' tgħid jekk intużawx xi fondi minn dawk allokati u jekk intużaw għal liema skop intużaw?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġew allokati €5 miljun mill-Fond Ewropew għall-proġett tal-Mużew ta’ Għawdex. Sa issa intużaw: €6,077 għall-Cost Benefit Analysis, €350,460 għal parti mis-servizz tal-Integrated Multidisciplinary Design Team u €33,563.92 għall-ħlas tal-permess tal-Planning Authority.
Tista’ l-Ministru tgħid min huma l-konsulenti li sal-jum li fih tkun imwieġba din l-interpellanza, kull entità li għandha taħtha, il-ħlas u perkaċċi kollha li għandhom, rispettivament, u x'tip ta' konsulenza jipprovdu, rispettivament?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma ġew impjegati l-ebda konsulenti taħt ebda entita’ li taqa’ taħt il-Ministeru għall-Għawdex sad-data li fiha qed tiġi mwieġbda din il-Mistoqsija Parlamentari.