Legislature:
Category:
Reset
Active:

Benefiċċji soċjali

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16273, tista' l-Ministru, b'referenza għal kull tip ta' benefiċċju tgħid: a) x'inhuma l-kriterji li wieħed għandu jissodisfa biex jieħu l-benefiċċju; b) kemm hi fi flus l-għajnuna li tingħata f'kull każ; u ċ) għal kemm żmien?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-kriterji biex wiehed jikkwalifika għad-diversi Benefiċċji Soċjali li ssemmew fil-mistoqsija parlamentari 16273 ivarjaw skont it-tip ta’ benefiċċju. Fil-każ tal-Benefiċċji Kontributorji, apparti il-kriterji statutorji (bħalma huwa eta’ fil-każ ta’ pensjoni, jew kundizzjoni fiżika jew mentali f’każ ta’ benefiċċju tal-mard, korriment jew pensjoni ta’ l-invalidità) id-dritt għal dawn il-benefiċċji jkun jiddependi ukoll fuq it-test ta’ kontribuzzjonijiet. Dan it-test ikun qed jara kemm l-applikant ikun ħallas kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali tul il-ħajja assigurabbli tiegħu. Skont ir-riżultat ta’ dan it-test, id-dritt għal benefiċċju kif ukoll ir-rata tal-benefiċċju jistgħu jvarjaw. Dan it-test tal-kontribuzzjonijiet ivarja u jista’ jkopri minn perjodu ta’ kontribuzzjoni għal sentejn kalendarji biss sa test li jista’ jkopri aktar minn erbgħin sena ħlas ta’ kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali. Fir-rigward tal-benefiċċji mhux kontributorji, dawn ukoll jista’ jkunu jiddependu minn kriterji statutorji bħal dawk imsemmija fil-każ tal-Benefiċċji Kontributorji, iżda minflok test tal-kontribuzzjonijiet f’dawn it-tip ta’ benefiċċji d-dritt għal benefiċċju jew għajnuna jkun jiddependi minn test tal-mezzi tal-familja jew tal-persuna li tkun qed tagħmel it-talba – skont il-benefiċċju jew għajnuna li qed tintalab. Dan it-test tal-mezzi jista’ jvarja minn test li jikkunsidra kemm il-kapital kif ukoll id-dħul tal-familja jew l-applikant skont il-każ kif ukoll test li jkun jikkunsidra biss l-aspett tad-dħul tal-familja. Kemm fir-rigward tal-Benefiċċji Kontributorji kif ukoll fil-każ ta’ Benefiċċji Mhux Kontributorji fejn il-kundizzjoni fiżika jew mentali tal-pażjent jiddetermina d-dritt għal benefiċċju, d-Direttur tas-Sigurtà Soċjali jkun irid ukoll barra dak imsemmi diġà, jitlob parir ta’ Bord Mediku li jkun maħtur skont il-provedimenti ta’ l-Att dwar is-Sigurtà Soċjali dwar l-aspett mediku tal-każ. Fir-rigward tar-rati tal-benefiċċji jew għajnuna, dawn huma stabbiliti skont l-istess Att dwar is-Sigurtà Soċjali u l-aktar fl-Iskedi tal-istess Att. Iż-żmien li persuna tibqa’ tirċievi dawn il-benefiċċji jkun jiddependi mit-tip ta’ benefiċċju li jkun qed jirċievi. Hemm benefiċċji soċjali li jingħataw għal terminu qasir ta’ żmien bħalma huwa l-Benefiċċju għad-Disimpjieg, jew il-Benefiċċju tal-Mard jew Korriment, filwaqt li Benefiċċji oħra (bħal per eżempju pensjonijiet jew għajnuniet soċjali) li jitħallsu għal perjodi aktar twal. Peress li din il-Mistoqsija waslet fil-Ministeru fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet u teħtieġ ħafna xogħol, id-dipartiment konċernat qed iħejji tabella bl-istatistika mitluba mill-Onor. Interpellant sabiex titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra fil-jiem li ġejjin.

Wardens ħdejn l-iskejjel

Question

Tista’ l-Ministru tgħid, issa li qed isiru l-orali tas-SEC f’diversi skejjel, għaliex ma jitqabbdux wardens biex jikkontrollaw it-traffiku u jżommu l-ordni u mhux jagħtu ċitazzjonijiet fl-inħawi ta’ dawn l-iskejjel? Taf bil-konfużjoni ta’ traffiku u periklu għall-istudenti ħdejn ċerti skejjel fejn jiltaqgħu mijiet ta’ studenti?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Filwaqt li l-Wardens ikunu qed jaqdu dmirhom waqt il-ħin tal-eżamijiet, se jingħatawlhom rakkmandazzjonijiet sabiex l-enfażi tkun aktar dwar il-kontroll tat-traffiku milli li jingħataw ċitazzjonijiet, sabiex jiġi evitat il-konfużjoni tat-traffiku jew xi periklu.

sidien li waqgħu lura fil-ħlas tal-bolla tan-National Insurance tal-impjegati

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 16016, tista' l-Ministru tgħid x'qed isir biex dawn il-€68.5 miljun jinġabru? Kemm hemm min ilu ma jħallas in-National Insurance tal-impjegati tiegħu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru tal-Finanzi.

National Insurance tal-impjegati

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta sid ma jħallasx in-National Insurance lid-Dipartiment x'isir biex ikun żgurat li dan qed jaqta' s-sehem tal-impjegati mill-paga biex b'hekk ma jkunx hemm problemi meta japplikaw għall-pensjoni?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Att dwar is-Sigurtà Soċjali tipprovdi protezzjoni għal ħaddiema meta min iħaddimhom ma jkunx għamel il-ħlasijiet dovuti tal-kontribuzzjonijiet tas-Sigurta’ Soċjali li jkunu nqatgħu mill-paga tal-ħaddiem. Għalhekk meta l-ħaddiema jipprovdi l-evidenza li l-kontribuzzjoni tkun tnaqqset mill-paga jew salarju, dawn il-kontribuzzjoni jitqiesu, għal finijiet ta’ benefiċċju soċjali (inkluż il-pensjoni) li jkunu tħallsu mill-impjegat u b’hekk il-ħaddiem ma jitlef xejn mid-drittijiet tiegħu għal benefiċċju soċjali. Barra minn dan, b’din l-evidenza, id-Dipartiment tat-Taxxi Interni, li huwa d-Dipartiment li għandu ir-responsabilità legali fil-ġbir u l-infurżar tal-kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali, jista’ jibda proċeduri legali kontra l- employer biex dak li hu dovut skond l-Att dwar is-Sigurtà Soċjali, jitħallas. Tajjeb inżid li l-istess liġi tipprovdi għal penaltajiet fir-rigward ta’ dan in-nuqqas.

Furjana — Triq l-Iljuni / Triq l-Argotti

Question

Tista' l-Ministru tgħid fiex wasal il-bini tal-appartamenti/garaxxijiet fi Triq l-Iljuni/Triq l-Argotti, l-Furjana? Meta se jitlesta x-xogħol? Għad hemm il-ħsieb li tingħata priorità lill-anzjani u single parents bil-għan li tal-aħħar jgħinu lil tal-ewwel? Inżammet id-deċiżjoni li l-appartamenti kollha jingħataw b'kera? Jekk fl-affermattiv, taħt liema kundizzjonijiet? Il-bejgħ tal-garaxxijiet jista' jagħti prijorità lir-residenti li tant ilhom għaddejjin b'inkonvenjenza minħabba d-dewmien esaġerat?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-bini ta’ appartamenti u garaxxijiet fi Triq l-Iljun/Triq l-Argotti, Furjana jinsab lest fi stat ta’ ġebel u saqaf. F’dan l-istadju, it-tender għat-tlestija tal-bini bil-finishings kollha meħtieġa qiegħda fi stadju ta’ aġġudikar. Ladarba jingħata il-kuntratt, imbagħad ikollna indikazzjoni aħjar ta’ data ta’ tlestija tax-xogħol. Tlettax-il appartament li jinsabu fl-entratura ġo Triq l-Iljun ġew ippjanati bħala sheltered housing u għaldaqstant ikunu allokati b’kera għall-anzjani li applikaw għall-akkomodazzjoni alternattiva. L-appartamenti l-oħra jiġu allokati b’kiri skont il-policies tal-Awtorità tad-Djar. Dwar garaxxijiet, il-policy tal-Awtorità tad-Djar bħalissa hi li jinbiegħu permezz ta’ sejħa pubblika għall-offerti.

Ftehim bilaterali bejn Malta u New Zealand

Question

Tista' l-Ministru tgħid fiex waslu n-negozjati bejn Malta u New Zealand biex jintlaħaq ftehim bilaterali dwar is-sigurta' soċjali? Tista' tagħti ħjiel għaliex minkejja li dan il-ftehim ilu snin jiġi mħabbar li se jsir, għaddew dawn is-snin kollha u għadu mhux itterminat?

Response (CRISTINA, DOLORES)

In-negozjati bejn Malta u New Zealand biex jintlaħaq ftehim bilaterali dwar is-sigurtà soċjali jinsabu fi stat avvanzat ħafna. Tajjeb li l-Onor. Interpellant ikun jaf li dan il-ftehim kien wasal biex jiġi ffirmat fi Frar 2009. Iżda dan il-proċess kellu jitwaqqaf wara li nbidel il-Gvern fi New Zealand u l-awtoritajiet Maltin kienu nfurmati li l-awtoritajiet ta’ New Zealand xtaqu li jerġgħu jiskrutinizzaw it-test tal-Ftehim. In-negozjati bejn iż-żewġ pajjiżi għaddejjin kontinwament iżda sal-lum m’inix f’pożizzjoni li nagħti data meta jista’ jiġi ffirmat dan il-Ftehim.

skema ta' għajnuna mill-Unjoni Ewropea għal proġetti sportivi

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar jekk jirriżultax li hemm xi skema ta' għajnuna mill-Unjoni Ewropea għal dak li huwa finanzjament ta' proġetti sportivi li jkunu qed isiru fuq livell lokali? Jekk iva, tista' tagħti tagħrif dwar jekk hemmx xi forma ta' kordinazzjoni li tista' ssir mill-Ministeru għal dawn il-programmi ta' għajnuna?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Prim Ministru li hu responsabbli mill-Planning and Priorities Co-Ordination Division, l-Aġenzija li tieħu ħsieb il-finanzjament mill-fondi tal-Unjoni Ewropea.

żieda tal-għoli tal-ħajja

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kienu dawk li biż-żieda tal-għoli tal-ħajja qabżu l-limitu tad-dħul u tilfu l-allowance supplimentari fis-snin 2007, 2008 u 2009? Kkemm kienet is-somma li ġiet frankata separatament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ma tinżammx statistika li tiddistingwi bejn iż-żieda fid-dħul li ġej mill-għoli tal-ħajja jew xi tip ta’ żieda li seta kellu il-benefiċċjarju fid-dħul tiegħu bħal per eżempju interessi jew żidiet fil-pensjoni tas-sigurtà soċjali (wara xi ftehim kollettiv ġdid) kif ukoll fil-pensjoni tas-servizz. In-numru ta’ benefiċċjarji li qabżu il-limitu tad-dħul u tilfu d-dritt għall-għajnuna supplimentari matul is-snin 2007, 2008 u 2009 kif ukoll it-tnaqqis fl-ispiża kull sena hu kif jidher fit-tabella ta’ hawn taħt. SENA NUMRU TA’ BENEFICCJARJI TNAQQIS FL-ISPIŻA TOTALI 2007 1,224 €29,149 2008 1,257 €28,303 2009 2,264 €42,018

Ċekk tal-pensjoni

Question

Stante li l-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, flimkien ma' żewġha, kienet tirċievi l-pensjoni (fuq żewġha) fil-bidu ta' kull xahar; stante li ċ-ċekk tar-romol mill-mewt ta' żewġha din qed tirċevih fl-aħħar tax-xahar, tista' l-Ministru tgħid jekk huwiex possibbli li minħabba l-ispejjeż tal-home li tinsab fiha, iċ-ċekk tar-romol tibda tirċevih 30 ġurnata qabel u minn dak iż-żmien kull l-1 tax-xahar?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Onor. Interpellant huwa mitlub jinforma l-persuna indikata minnu biex tavviċina l-Uffiċjal inkarigat mill-Uffiċċju Distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali tal-Belt jew raħal tagħha. Jekk mhux possibli li din il-benefiċċjarja tmur hi, jista’ jmur xi ħadd inkarigat minnha jew għan-nom tagħha.

Ta' Xbiex — Stallazzjoni ta' lift fi blokk flats

Question

Tista' l-Ministru tagħti indikazzjoni meta mistenni jiġi stallat il-lift fil-block A3, Triq il-Watar, Ta’ Xbiex billi ninsab infurmat li diġà kien hemm qbil dwar dan fil-prinċipju? Tista' tara li dan il-lift jiġi stallat peress li hemm ċerti familji b’kundizzjoni medika serja?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Applikazzjonijiet għall-installar ta’ liftijiet jiġu l-ewwel identifikati mill-awtorità bħala li huma eliġibbli, jiġifieri li jikkonformaw mal-kundizzjonijiet kollha. Wara dan, l-awtorità tieħu l-passi meħtieġa biex jiġi stallat il-lift skont l-ordni ta’ prijorità ta’ diżabilità stabbilita minn bord maħtur apposta. Fil-każ ta’ Block A3, Triq il-Watar, Ta’ Xbiex, din l-applikazzjoni kienet oriġinarjament ġiet denominata mill-Bord ta’ Diżabilità bħala prijorità baxxa. Issa li s-sitwazzjoni nbidlet għal waħda ta’ prijorità għolja, l-awtorità ressqet dan il-każ aktar ‘il quddiem fil-lista ta’ prijorità u għaldaqstant l-istallazzjoni ta’ dan il- lift tqiegħdet fil-programm tas-sena 2011.

Omm separata bil-problema tal-bini

Question

Tista' l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 16230 u ċioe: B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15525, qed jintbagħtu separatament dokumenti u ritratti li juru għaliex din l-omm b'sitt itfal ma kenitx tgħix fil-post minħabba ċ-ċirkostanzi deskritti. Tista' l-Ministru tara li d-dipartiment jikkonsidra dan il-każ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-periti tal-Awtorita’ tad-Djar jikkonfermaw li meta dan l-appartament li kien post li kien għadu kif inbena u fi stat ta’ finished kien ġie allokat lill-persuna li isimha qed jidher separatament, fl-2003 dan kien fi stat tajjeb u lest għall-abitazzjoni ħlief għal kamra tal-banju. Il-persuna kienet ingħatat €1,165 sabiex istallat il-kamra tal-banju. Ta’ min jghid ukoll illi mhux biss l-Awtorità tad-Djar għandha dubji kbar li l-fond mhux qiegħed jintuża iżda ukoll il-persuna mhux qiegħda tħallas il-kera regolari u fil-fatt għandha arretrati ta’ € 2,196.36 fuq il-kera. Bħalissa l-Awtorità tad-Djar qed tistenna il-kummentti tal-kuntrattur fuq l-istat tal-appartament.

Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Famlija — xiri ta' computers

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm inxtraw computers inkluż laptops u/jew notebook computersfid-dekasteru tagħha mill-1 ta' Jannar 2008 sal-lum? Għal min inxtraw u kemm kien il-prezz? Min awtorizza dan ix-xiri?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitliuba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ground tal-Football f'Wied il-Għajn

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16084, in vista tal-fatt li: a) dak li se jkun ground fl-iskola primarja huwa wieħed żgħir (teknikament magħruf bħala mini-pitc h ) fejn il- mini-pitch għandu funzjoni importanti ħafna fit- training tal- club, imma over and above dan il- mini pitch hemm il-ħtieġa li, f'numru ta' training sessions partikolari, ikun possibbli għat-tim li jwettaq ċertu taħriġ li hu meħtieġ li jsir fi ground full size ; b) it-tim ta' Wied il-Għajn jixtieq li jagħmel, bħal timijiet oħra f'Malta, taħriġ adegwat fi ground full size f'ċerti ġranet partikolari skont ix-schedule tat-training skont l-istandars moderni tal-futbol; ċ) il-gvern qal li jkun lest li jiddiskuti trasferiment ta' art għall-bini ta' ground f'xi żmien futur; tista' l-Ministru, sakemm isir it-trasferiment ta' art u over and above l-assistenza għall-mini pitch, tindividwalizza ground full size ta' skola tal-gvern f'raħal barra minn dak ta' Wied il-Għajn (għalkemm relattivament qrib, ngħidu aħna minn Valletta saż-Żurriq 'l isfel) biex l-Marsascala Football Club tkun tista' tutilizzah f'ċerti ġranet prestabbiliti bla ħlas in linea mal-poliitka tal-gvern ta' għajnuna lill-clubs u l-esiġenzi tat-training professjonali tal-lum?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Fiż-żona indikata mill-Onor. Interpellant ma hemm ebda ground full size ta’ skola tal-Gvern li hu disponibbli f’ħinijiet wara l-egħluq tal-iskola. Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kunsill Malti għall-Isport (KMS) sal-lum għadu ma rċeviex talba għar-reġistrazzjoni mill-entità biex tiġi rikonnoxuta bħala klabb sportiv kif titlob il-Liġi tal-iSport. Għaldaqstant sal-lum il-klabb ma jistax jagħmel użu minn skemi ta’ għajnuna tal-KMS inkluż sussidju fuq użu ta’ faċilitajiet sportivi fl-iskejjel tal-Gvern.

Liġi tal-Adozzjoni li tmur kontra d-drittijiet ta' koppji miżżewġin li jkunu jridu jadottaw tfal

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk sarux l-emendi għall-artiklu tal-Kodiċi Ċivili ta' Malta pertinenti għall-każ u għad-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali ta' Malta ta' April 2009 dwar kif il-Liġi tal-Adozzjoni tmur kontra d-drittijiet ta' koppji miżżewġin li jkunu jridu jadottaw tfal? Jekk ghadhom ma sarux l-emendi neċessarji, tista' l-Ministru tgħid x’qed iżomm lill-gvern milli jagħmel dawn l-emendi? Jekk għadhom ma sarux dawn l-emendi, tista' tgħid sa meta se jkunu saru?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Ministeru qed jikkonsulta mal-entitajiet li jaħdmu fil-qasam tal-adozzjoni sabiex jiġu diskussi emendi oħra li huma meħtieġa sabiex intejbu l-qafas leġislattiv li għandu x’jaqsam mal-adozzjoni. Huwa ppjanat li dawn l-emendi jitressqu quddiem il-Parlament f'Omnibus Act li jitressaq iktar tard din is-sena.

Dipartiment tal-Edukazzjoni — qraba li jaħdmu fl-istess taqsima

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhi l-policy fid-Dipartiment tal-Edukazzjoni dwar qraba mill-istess familja illi jkunu jaħdmu fl-istess taqsima? Taf il-Ministru illi fit-Taqsima tal-eżamijiet hemm persuni jiġu minn xulxin illi jaħdmu fl-istess taqsima?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Dwar l-ewwel parti tal-mistoqsija nirreferi lil Onor. Interpellant għal Section 7.1.6.3 tal-Public Service Management Code (PSMC - 10th Edition). Il-Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja taddotta din is-Section tal-PSMC, li qiegħda npoġġi kopja tagħha fuq il-Mejda tal-Kamra. Fid-Dipartiment tal-Eżamijiet hemm żewġ persuni li jiġu minn xulxin. Waħda ilha taħdem fid-Dipartiment mill-1990, filwaqt li l-persuna l-oħra ilha hemm minn Ottubru, 2004 meta ġie maħtur Direttur.

Dipartiment tal-Pensjoni — żball fil-ħlas

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kif inhu possibli li uffiċjali tad-Dipartiment tal-Pensjoni joħorgu pensjoni u wara tliet xhur jindunaw li ħadu żball kbir u jitolbu lill-pensjonant iħallas lura somma ta' madwar €2000 u dan billi se jżommulu mija fil-mija tal-pensjoni sakemm tinqata’ din is-somma? Għaliex żball bħal dan għandu jbatih il-pensjonant u mhux isir ftehim li titħallas lura bin-nifs la l-iżball kien tad-dipartiment?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Att dwar is-Sigurtà Soċjali jipprovdi sabiex f’każijiet fejn sar ħlas żejjed lill-pensjonant minħabba li l-iżball ma jkunx tort tal-benefiċċjarju, d-dipartiment għandu jiġbor lura l-ħlasijiet li ħarġu żejda fl-aħħar sentejn biss u r-rata tat-tnaqqis ma tistax tkun ta’ iżjed minn 5 fil-mija. L-Onor. Interpellant mhux korrett meta jgħid li t-tnaqqis sejjer ikun ta’ mija fil-mija. Għaldaqstant nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jinforma lill-persuna kkonċernata sabiex tmur fl-eqreb uffiċċju distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali sabiex titlob li t-tnaqqis isir bil-5 fil-mija.

eżami tal-EFL — grad minflok il-marka

Question

Tista' l-Ministru tinvestiga l-fatt għaliex fl-eżami tal-English as a Foreign Language (EFL) tingħata l-grad u mhux il-marka li l-istudent ikun ġab? Jista' dan ir-riżultat jibda jingħata bil-marka li jkun ġab l-istudent ħalli l-istudent jkun jaf x'livell iktar preċiż għandu f'dan is-suġġett?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-fatt għaliex fl-eżami tal-English as a Foreign Language (EFL) jingħata l-grad u mhux il-marka li l-istudent ikun ġab hija riżultat ta’ deċiżjoni li kien ħa l-Bord ta’ Sorveljanza tat-Tagħlim tal-Lingwa Ingliża bħala Lingwa Barranija nhar l-20 ta’ Settembru 2006. L-iskejjel tat-Tagħlim tal-Lingwa Ingliża bħala Lingwa Barranija kienu fil-fatt ġew infurmati b’din id-deċizjoni permezz ta’ ċirkulari li ntbgħatitilhom nhar id-29 ta’ Settembru 2005. Ser nitlob lill-Bord ta’ Sorveljanza tat-Tagħlim tal-Lingwa Ingliża bħala Lingwa Barranija li hemm fil-preżent sabiex jiddiskuti jekk jistax dan ir-riżultat jibda jingħata bil-marka li jkun ġab l-istudent ħalli l-istudent ikun jaf x’livell iktar preċiż għandu f’dan is-suġġett.

eżamijiet — revision of papers

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm jiswew ir-revision of papers ta' kull livell tal-eżamijiet tal-'O' level, 'A' level u English as a Foreign Language (EFL) u tal-Università ta' Malta ? Tista' tgħid kemm jiswa kull eżami ta' kull livell? Tista' tgħid jekk jeżistux revision of papers meta l-eżami jkun għad-dħul ta' studenti ġewwa kulleġġi u skejjel tal-knisja?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-ħlas għal revision of papers fl-eżamijiet tal-MATSEC huwa ta’ €34.94 għall-eżamijiet kollha f’kull livell, jiġifieri fil-livelli tas-SEC, Intermedju u Avvanzat. Il-kandidat jingħata lura l-ħlas jekk ikun hemm titjib fir-riżultati wara r-revision of papers. Il-ħlasijiet għall-eżamijiet tal-MATSEC huma ta’ €13.98 għal kull suġġett fil-livell tas-SEC, €18.63 fil-livell Intermedju, u €20.96 fil-livell Avvanzat. Għas-suġġetti tax-Xjenza fil-livell Avvanzat li fihom eżami prattiku, jiġifieri l-Bijoloġija, il-Kimika u l-Fiżika, il-ħlas huwa ta’ €27.95. Kull kandidat fil-livelli kollha jintalab il-ħlas tar-reġistrazzjoni ta’ €11.65 li jsir darba biss. Il-ħlasijiet għal revision of papers li jintalbu jħallsu studenti li qed isegwu kors universitarju huma hekk: Revision of papers mingħajr rapport - €25.00 Revision of papers b’rapport dettaljat mill-eżaminatur addizzjonali - €60.00 Ir- revision of paper tal-eżami English as a Foreign Language jiswa €46.50. L-istess eżami jiswa €46.50. Meta l-istudenti joqogħdu għall-eżami tad-dħul fl-ewwel klassi tal-Junior Lyceum issir revision of papers u din hija bla ħlas. Teżisti ukoll sistema ta’ revision of papers fil-każ tal-Common Entrance Examination għall-iskejjel tal-Knisja.

Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja — Kuntratti lill-kumpanija Content House

Question

Tista' l-Ministru tgħid mis-sena 2003 sal-lum x’kuntratti ngħataw mill-Ministeru tal-Edukazzjoni jew xi entità li taqa' taħtha lill-kumpanija Content House? F’kull każ, x’kien il-valur tal-kuntratt u x’kien ix-xogħol li kellha tagħmel il-kumpanija? Il-kuntratti ngħataw b’tender jew direttament ??

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

persuni boarded out

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hawn persuni li huma boarded out u minn liema lokalità? Liema lokalità u distrett għandu l-ogħla rata ta' persuni boarded out? Tista' tgħid kemm bħalissa hija t-talba ta' persuni biex jgħaddu board lokal b'lokal?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.