Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #2809 Sitting 41 2008-10-13 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Social Work — Abbużi fuq l-anzjani

Question

Jista’ l-Ministru, jekk jogħġbu, jagħti statistika dwar in-numru ta’ każijiet ta’ abbuż fuq l-anzjani mill-2000 sat-tmiem tas-sena 2007? Jista’ fil-ġbir ta’ din l-istatistika, jinġabar tagħrif kemm mit-Taqsima tal-Vjolenza Domestika fi ħdan l-aġenzija Appoġġ, mid-Dipartiment ta’ l-Anzjani, mis-Servizz ta’ Social Work ġewwa l-Isptar Żammit Clapp, mis-Servizz ta’ Social Work ġewwa l-Isptar Mater Dei, mis-Servizz ta’ Social Work ġewwa ir-residenza ta’ San Vinċenz de Paule, kif ukoll mis-Servizz ta’ Social Work ta’ l-Aġenzija Sapport separatement? Jista’ jagħti tagħrif dwar kemm każijiet kien hemm speċifikament ta’ abbuż li jaqgħu taħt dawn il-kategoriji li ġejjin: - - abbuż emozzjonali u psikoloġiku - abbuż fiżiku - abbandun u traskuraġni ( neglect ) - abbuż finanzjarju - abbuż sesswali. Minn dawn il-każijiet mill-2000 sa l-2007: - Kemm mill-vittmi kienu irġiel u kemm nisa? - Kemm minn dawn l-abbużi saru minn persuni ta’ nazzjonalità barranija?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab informat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Eżenzjoni mill-ħlas ta' liċenzja

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 2469 li saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u issa ġiet riferuta lilu u jispjega x'inhi r-raġuni li persuna b'diżabilita' li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, imma tista' tuża sew saqajha, ma ġietx mogħtija l-eżenzjoni li tħallas il-liċenzja tat-triq għall-vetura tagħha, meta oħrajn bħalha jew agħar minnha ġew mogħtija l-eżenzjoni għalkemm m'għandhomx korozza awtomatika, li d-dettalji tal-vettura tagħhom qed jidhru separatament, u ruxxmata oħrajn li jsuqu ġustament il-korozza tagħhom li mhix waħda awtomatika? Jista' l-Ministru jara li din l-inġustizzja ma tibqax fis-seħħ b'mod immedjat, aktar u aktar meta mill-aħħar ta' Awwissu 'l hawn il-vettura ta' din il-persuna qed ikollha titħalla ggaraxxjata u dan qed jitlef saħansitra ċ-ċans li jmur għall-visti fl-isptar San Luqa kif mitlub?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab informat li persuna tista' tkun intitolata għall-eżenzjoni mill-ħlas tal-liċenzja tat-triq għall-vettura jek tissodisfa dawn il-kriterji stabbiliti : a) tkun persuna b'diżabilita' skond id-definizzjonijiet ta' l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali, kif iċċertifikat minn professjonisti tal-Kummisjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita', u li tkun issuq hi stess il-vettura jew ikollha l-karozza reġistrata f'isimha ; jew b) ikollha vann li jitrasporta persuna li tuża siġġu tar-roti. Dwar il-każ li rrefera għalih l-Onor. Interpellant ninsab informat li l-persuna konċernata ġiet ċertifikata mill-professjonista tal-Kummisjoni li ma għandiex diżabilita' skond l-Att tas-Sigurta' Soċjali.

Spiżeriji — Liberalizzazzjoni tas-suq tal-farmaċija

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma r-regolamenti li jirregolaw l-ħruġ ta' liċenzji għall-spiżeriji? Jista' jgħid peress li sal-lum l-ħruġ tal-permessi ta' spiżeriji huma limitati, il-gvern għandu ħsieb li jilliberalizza dan is-suq tal-farmaċija? Jekk iva, meta hija data tal-liberalizzajoni? Jekk m'hemmx ħsieb li dan ikun liberalizzat, jikkonferma li dan huwa konformi mar-regoli tal-Unjoni Ewropea?

Response (DALLI, JOHN)

Il-Ħrug tal-liċenzji għall-spiżeriji jsir skond l-Avviż Legali numru 279/2007 ‘Regolamenti ta’ l-2007 dwar il-Liċenzi għall-Ispiżeriji’ kif amendata mill-Avviż Legali 81/2008. Fil-preżent ma hemm l-ebda pjan biex ikun hemm liberalizzazzjoni tal-liċenzji tal-ispiżerija. Ir-regolamenti preżenti għal-liċenzjar tal-ispiżeriji huma konformi mal-liġijiet ta' l-Unjoni Ewropeja.

Family and child impact assessments

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 2367, peress li l-mistoqsija kienet tirreferi għal kull studju/analiżi dwar l-impatt u effett li kull liġi/policy/deċiżjoni li jniedi l-Gvern ikollha fuq il-familja u t-tfal, jista' l-Ministru jgħid jekk fl-aħħar sentejn sarux dawn it-tip ta' assessments u jekk saru jgħid dwar xiex u l-eżitu ta' l-istess x'kien u ġentilment ipoġġi l-informazzjoni fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab informat li t-tweġiba hi fin-negattiv.

ATCs tal-Gvern jew b'kera

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema ATCs huma proprjeta` tal-Gvern u liema huma b'kera? Mingħand min u kemm titħallas kera kull sena?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellanti hu kif jidher fit-Tabella li ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Mara Venerju

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hawn każi ta' mard venerju sena b'sena tul dawn l-aħħar 5 snin? X'tip kien u kemm minn dawk infettati kellhom anqas minn 16-il sena?

Response (DALLI, JOHN)

It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Każi ta' Cancer

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hawn każi ta' cancer rrappurtati sena b'sena tul dawn l-aħħar 5 snin? X'tip kienu?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab informat li kien hawn total ta' 6,892-il każ ta' cancer irrapurtati bejn Jannar 2002 u Diċembru 2006. Ser inpoġġi tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba. Informat ukoll li l-informazzjoni għas-sena 2007 għada qed tinġabar peress li tinvolvi ħafna xogħol.

Tobba — Settur primarju u pubbliku

Question

Jista' l-Minstru jgħid kemm għandu tobba li jaħdmu fis-settur primarju? Kemm minn dawn it-tobba jaħdmu fis-settur privat biss? Kemm hemm tobba li jaħdmu kemm fis-settur privat kif ukoll f'dak pubbliku?

Response (DALLI, JOHN)

Informat li n-numru ta’ tobba li jaħdmu fis-settur primarju huwa kif ġej : Director 1 Consultants 3 Principal Gen. Practitioner 1 Senior Gen. Practitioners 11 General Practitioners 62 Medical Officers 33 Total 111 It-tobba li jaħdmu fis-settur primarju, ma humiex esklużi li jaħdmu fis-settur fil-privat.

Homes ta' l-anzjani

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm jiġih ras għal ras resident f'xi home ta' l-anzjani? Jista' jagħti breakdown ta' kif wasal għal din is-somma? Jista' jgħid jekk għandux il-ħsieb li jżid il-persentaġġ li l-Gvern jieħu mill-pensjoni ta' kull pensjonant residenti f'xi home bħala fee li kull resident irid iħallas?

Response (DALLI, JOHN)

It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Għad ma sar l-ebda ħsieb fuq żieda fil-persentaġġ li l-Gvern jieħu mill-pensjoni.
Leg 11 PQ #2283 Sitting 40 2008-10-08 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Raħal Ġdid — Restawr ta' faċċata

Question

Jista' l-Ministru jara li t-talba tar-residenti li joqogħdu fid-dar, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, tiġi restawrata l-faċċata tagħha li hija ta' valur storiku?

Response (DALLI, JOHN)

Għaddejt it-talba ta’ l-Onor. Interpellant lid-Direttorat tal-Bini u Tisuwja ta’ Djar fi ħdan l-Awtorita’ tad-Djar biex jinvestiga.
Leg 11 PQ #2285 Sitting 40 2008-10-08 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Dipartiment tas-Saħħa — Ħlas pendenti

Question

Jista' l-Ministru jara li jitħallas kont pendenti li d-Dipartiment tas-Saħħa għandu jagħti lill-persuna, li d-dettalji tagħha u d-dokumenti annessi qed jintbagħtu separatament?

Response (DALLI, JOHN)

Nixtieq ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-ħlas dovut lill-persuna konċernata sar. Nikkonferma wkoll li t-taqsima tal-ħlasijiet qatt ma rċeviet xi ilment minn din il-persuna.
Leg 11 PQ #2286 Sitting 40 2008-10-08 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Mediċina

Question

Jista' l-Ministru jara jekk din il-mediċina, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, tingħatax mill-Gvern peress li tqum aktar minn €40?

Response (DALLI, JOHN)

Informat li s'issa l-pilloli ibandronic acid 150mg (Bonviva R) qatt ma kienu speċifikament inklużi fil-formularju tal-gvern. Informat ukoll li bħalissa l-Government Pharmaceutical Sevices qed jipproċessa għall-ewwel darba "open tender" għal xiri ta' pilloli mediċinali ta' l-istess klassi tal-ibandronic acid, biex jingħataw b'xejn lill-pazjenti li qed ibgħatu mill-osteoporosi sekondarja, imħabba xi kundizzjoni li taqa' taħt il-lista tas-Schedule V.
Leg 11 PQ #2297 Sitting 40 2008-10-08 Oral · Final From: DAVID AGIUS To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Impjiegi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet iż-żieda jew in-nuqqas fin-numru ta' impjiegi fl-aħħar ta' kull sena mill-2001 sal-2007?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab informat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #2298 Sitting 40 2008-10-08 Oral · Final From: DAVID AGIUS To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Rata tal-Qgħad

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet ir-rata tal-qgħad fl-ewwel u fit-tieni parti tar-reġistru fl-aħħar ta' kull sena mill-2001 sal-2007?

Response (DALLI, JOHN)

Informat li r-rata tal-qgħad fl-ewwel u t-tieni parti tar-reġistru fl-aħħar ta' kull sena mill-2001 sa l-2007 kienet hekk : - Sena Rata tal-qgħad fl-ewwel u fit-tieni parti Diċembru 2001 5.12% Diċembru 2002 5.18% Diċembru 2003 5.63% Diċembru 2004 5.57% Diċembru 2005 5.08% Diċembru 2006 4.88% Diċembru 2007 4.14% Ir-rata tal-qgħad inħadmet fuq dawk il-persuni li għandhom impjieg full time bħala xogħol ewlieni tagħhom.

ATC u Resource Centers — Staff

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm jattendu klijenti f'kull ATC u resource centre ta' Malta kif ukoll jgħid kemm hemm care workers u staff ieħor, kemm professjonali, amministrativi u ieħor f'kull centre u l-medja ta' klijenti li kull care worker għandu f'kull ċentru?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab informat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qiegħed fit-Tabella li ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #2769 Sitting 40 2008-10-08 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Popolazzjoni Ekonomikament attiva

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet, f’termini assoluti, kif ukoll f’rati ta’ attività, il-popolazzjoni ekonomikament attiva f’Malta u Għawdex separatament kull, kwart tas-sena għal kull sena mill-2005 ‘l hawn? Kemm kienet il-popolazzjoni tax-xogħol f’Għawdex fl-istess żmien? Jista’ jagħti t-tagħrif mitlub maqsum f’irgiel u nisa?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab informat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #2770 Sitting 40 2008-10-08 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għall-Politika Soċjali

ETC — skemi ta' għajnuna

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kienu l-iskemi ta’ għajnuna tal-ETC għal Malta u għal Għawdex separatament kull sena mill-1999 sal-lum? Kemm kienu u x’kienu l-benefiċjarji ta’ dawn l-iskemi f’Malta u Għawdex separatament? Kemm intnefqu flus kull sena fl-istess perijodu fuq dawn l-iskemi f’Malta u Għawdex separatament?

Response (DALLI, JOHN)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.