Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 13 PQ #5052 Sitting 102 2018-04-18 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Victoria Għawdex -Triq ta’ wara s-Sur — xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx pjan li t-triq li tinsab wara s-sur ġewwa Victoria Għawdex, tinbena mill-ġdid matul is-sena 2018, peress li tinstab fi stat ħażin ħafna?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninsab infurmata li sar pjan għal xogħlijiet fuq it-toroq imma din it-triq mhix fil-pjan tas-sena 2018. Mhux eskluz li jsir xi major patching work iktar tard din is sena.
Leg 13 PQ #5009 Sitting 101 2018-04-17 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Proġett tat-taraġ ta’ Pjazza San Franġisk – tender għal xogħol ta’ finishing

Question

Tista’ l-Ministru tikkonferma jekk għat-tieni darba konsekuttiva t-tender għal xogħol ta’ Finishing għall-proġett tat-taraġ ta’ Pjazza San Franġisk, ġiex ikkanċellat? Tista' tgħid x'kienet ir-raġuni, jekk ġie kkanċellat għat-tieni darba? Tista' tgħid kif ser ikompli dan il-proġett wara dan il-kanċellament tat-tender?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninsab infurmata li l-offerti kienu technically non-compliant. Il-proċess beda biex tinħareġ tender ġdida.
Leg 13 PQ #5011 Sitting 101 2018-04-17 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Rabat Għawdex – Sports Complex – proġett ta’ surfacing ta’ multi-purpose pitches

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk għall-proġett ta' surfacing ta' multi-purpose pitches ġewwa l-iSports Complex tar-Rabat, Għawdex ħarġitx tender u meta nħarġet? Tista’ tgħid jekk din it-tender ġietx awarded? Tista' tgħid fiex jikkonsisti dan il-proġett u kemm hi ppjanata l-ispiża fuq dan il-proġett u meta hu ppjanat li jibda u jispiċċa dan ix-xogħol?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninsab infurmata li s-sejħa għall-offerti għas-surfacing tal-multipurpose pitches ħarġet fil-21 ta’ Novembru 2017 u għalqet fis-6 ta’ Diċembru 2017. Din it-tender għadha ma ġietx awarded, għaliex kien hemm appell li għadu pendenti. Il-proġett jikkonsisti fit-tqegħid ta’ poured-in-place, dual density, seamless surfacing material magħmul minn SBR (tip ta’ rubber) base course u EPDM (tip ieħor ta’ rubber) wear course. Is-surfacing ser ikun konformi mal-istandards EN 14877:2013 u DIN 18035-6:2014-12 li ġeneralment huma marbuta ma’ dan it-tip ta’ surfacing u sports. Għalhekk il-pitches ser jkunu jistgħu jintużaw għal sports varju, fosthom futsal, basketball, volleyball u tennis. Il-pitches se jkunu imdawlin kif meħtieġ. Ix-xogħol huwa ppjanat li jsir fi żmien tnax-il ġimgħa minn meta il-kuntrattur jingħata l-ordni biex jibda.
Leg 13 PQ #5301 Sitting 101 2018-04-17 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

Żewwieqa Entrenchments — restawr

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 4987, li kienet dwar restawr taż-Żewwieqa Entrenchments, u li fit-tweġiba għaliha ngħad li l-Ministeru għal Għawdex qed jieħu diversi inizjattivi ta' restawr li qed isiru bi ftehim ma’ Wirt Għawdex u anke permezz tal-ewwel edizzjoni tal-iskema ta' restawr għal-lokalitajiet f'Għawdex, tista' l-Ministru tgħid jekk ir-restawr ta' din l-arkitettura militari hux inkluża mal-proġetti msemmija?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninsab infurmata li dan il-proġett ma ġiex sottomess għall-kunsiderazzjoni tal-Ministeru
Leg 13 PQ #5303 Sitting 101 2018-04-17 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

Nadur – Triq l-Imġarr — xogħol

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 4989, li kienet dwar Triq l-Imġarr in-Nadur fejn fit-tweġiba tagħha ġejt mitlub biex nirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 4429, u peress fit-tweġiba msemmija kulma ngħad kien li kien għadu kemm tlesta s-survey report tat-triq, tista’ l-Ministru tpoġġi kopja ta’ dan ir-rapport fuq il-Mejda tal-Kamra? Tista' tgħid jekk is-sistema tad-drenaġġ li tgħaddi minn taħt din it-triq hux tiffunzjona kif suppost? Tista' tgħid jekk id-drenaġġ li suppost jgħaddi minn din is-sistema hux jispiċċa fir-raba' li hemm viċin din it-triq?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninsab infurmata li s-survey inizjali dwar din it-triq kien konkluż u bħalissa qed jitħejja rapport komprensiv tar-riżultati miksuba minn dan is-survey bil-għan li jkunu jistgħu jitħejjew it-tenders neċessarji għal dan il-proġett. F’dan il-proċess qed ikunu kkonsultati l-istakeholders kollha nvoluti inkluż l-WSC u l-EneMalta. Peress li ser ikun hemm eżerċizzju ta’ procurement, l-Onorevoli Interppellant japprezza li ma tistax tingħata informazzjoni li b’xi mod jew ieħor tista’ taffettwa dan il-proċess.
Leg 13 PQ #4851 Sitting 100 2018-04-16 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – xogħlijiet fuq toroq

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 4258, tista’ l-Ministru tgħid x'investigazzjoni għaddejja fuq ix-xogħol li sar fuq Triq ta’ Ċenċ, Sannat; Triq il-Fanal, Għasri; Triq Għajn Qasab, Nadur; Triq ta’ Gerxija, Sannat u Triq Pompej, Rabat, Għawdex? Tista' tgħid f’liema xahar u sena sar ix-xogħol fuq kull waħda minn dawn it-toroq imsemmija? Tista' tgħid min qed imexxi din l-investigazzjoni? Tista' tgħid jekk il-file ta' dawn it-toroq jinsabux fil-pussess tal-Ministeru għal Għawdex?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-toroq imsemmija huma mertu ta’ Inkjesta Maġisterjali.
Leg 13 PQ #4973 Sitting 100 2018-04-16 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Proġett ta’ Pjazza San Franġisk

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 4263, tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti l-ġodda li saru għall-Pjazza San Franġisk fir-Rabat, Għawdex? Tista' tgħid min kien il-perit li għamel il-pjanti oriġinali fil-leġiżlatura li għaddiet u kemm tħallas għax-xogħol tiegħu? Tista' tgħid min hu l-perit li għamel ix-xogħol fuq il-pjanti l-ġodda u kemm tħallas jew se jitħallas tax-xogħol tiegħu?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-perit inkarigat mix-xogħol, huwa wieħed mill-Periti tad-Direttorat għall-Proġetti u Żvilupp (DPD) tal-Ministeru u ma hemm ebda ħlas miżjud mar-remunerazzjoni tiegħu. Qed inpoġġi ukoll il-pjanti relattivi fuq il-Mejda tal-Kamra
Leg 13 PQ #5196 Sitting 100 2018-04-16 Oral · Final From: EDWIN VASSALLO To: Ministeru għal Għawdex

Ix-Xlendi — manutenzjoni fuq il-moll

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jsir il-manutenzjoni fuq il-moll tax-Xlendi li ftit ilu ġarrab ħsarat u fil-preżent huwa l-unika moll li jistgħu jorbtu miegħu s-sajjieda fix-Xlendi?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hekk kif imħabbar fil-Baġit, il-Ministeru għal Għawdex għandu proġett ambizzjuż għax-Xlendi inkluż servizzi għas-sajjieda, u diġa’ ġew sottomessi l-applikazzjonijiet.
Leg 13 PQ #5284 Sitting 100 2018-04-16 Oral · Final From: CLAYTON BARTOLO To: Ministeru għal Għawdex

Opri tal-arti — nefqa

Question

Tista’ jekk jogħġobha l-Ministru tgħid kemm kienet in-nefqa fuq opri tal-arti mill-Ministeru għal Għawdex kull sena mis-sena 2000 sad-data ta’ meta qed titwieġeb din il-mistoqsija? Jekk hu possibbli l-informazzjoni tingħata sena b’sena. Tista’ tgħid ukoll: a. Meta nxtrat din l-opra tal-arti; b. X’kienet din l-opra; c. Min kien l-artist; d. Mingħand min ġiet akkwistata/inxtrat; e. Il-valur; f. Fejn ġiet esebita meta nxtrat; u g. Min kien li ta l-parir lill-Ministru għal Għawdex sabiex tinxtara din l-opra tal-arti?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 13 PQ #4486 Sitting 99 2018-04-11 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Triq li mix-Xagħra twassal sal-bajja tar-Ramla

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'qed jagħmel il-Ministeru għal Għawdex biex itaffi l-qagħda ħażina tat-Triq li mix-Xagħra twassal sal-Bajja tar-Ramla?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant, li l-Ministeru għal Għawdex ser ikun qed jiffinanzja parti sostanzjali mix-xogħlijiet għal din it-triq li kienet tagħmel parti minn Proġett Għawdex u li minnu, diversi lokalitajiet f’Għawdex qegħdin u ser igawdu minn tisbieħ u tranġar fit-toroq tul l-2018. It-tender ġie ppublikat, pproċessat u ngħata. Ix-xogħlijiet mistennija li jibdew fil-ġimgħat li ġejjin. Il-fondi li alloka l-Ministeru għal Għawdex għal din it-triq huwa ta’ €150,015,05.
Leg 13 PQ #1139 Sitting 98 2018-04-10 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — persons of trusts

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 169, tista’ l-Ministru issa telenka l-kariga jew xogħol li kull person of trust li hemm fil-Ministeru tagħha, qiegħed jokkupa?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-karigi tal-Persons of Trust jinsabu fis-Segretarjat Privat tal-Ministru, fid-Direttorat tat-Turiżmu u Żvilupp Ekonomiku, fl-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti u fid-Direttorat għas-Servizzi tal-Konsumatur fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex.
Leg 13 PQ #4470 Sitting 98 2018-04-10 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Construction and Maintenance Unit u Directorate for Projects and Development – użu ta’ bricks

Question

Tista’ l-Ministru, twieġeb il-mistoqsija parlamentari 3231 u tgħid kemm intużaw bricks mill-Construction and Maintenance Unit u mid-Directorate for Projects and Development mill-10 ta’ Marzu 2013 sad-data ta’ meta ġiet intavolata din il-mistoqsija parlamentari? Fuq liema proġetti ntużaw u kemm intużaw bricks fuq kull proġett? Tista' tgħid fuq kull proġett min kienet il-persuna li ordnat il-bricks u min kienet il-persuna li ċċertifikat li ntużat dan l-ammont?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 13 PQ #4471 Sitting 98 2018-04-10 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – bini ta’ airfield

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 3229 u tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-Economic and Social Impact Assessments u l-cost benefit analysis dwar airfield f’Għawdex?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninsab infurmata li minħabba n-natura kummerċjali u sensittiva tal-informazzjoni mitluba l-Ministeru hu prekluż milli jagħti tali informazzjoni.
Leg 13 PQ #4477 Sitting 98 2018-04-10 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Pass maħruġ mill-Gozo Channel biex persuni jaqsmu b’xejn fuq il-vapuri tal-kumpanija

Question

Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 3216 u tgħid min huma l-persuni li preżentement għandhom pass maħruġ mill-Gozo Channel biex jaqsmu b'xejn fuq il-vapuri tal-kumpanija? Tista' tgħid minn dawn il-persuni, min minnhom għandu d-dritt ta' priority boarding?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba ser tingħata fi stadju ieħor minħabba li bħalissa għaddej il-proċess tat-tender tal-PSO.
Leg 13 PQ #4478 Sitting 98 2018-04-10 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Rabat Għawdex – Triq bejn Sannat u Taċ-Ċawla

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x'inhi r-raġuni li nofs il-Qasam ċjoè t-Triq bejn Sannat u Taċ-Ċawla fir-Rabat Għawdex għadha ma ngħatatx l-aħħar kisja tarmac? Tista' tgħid meta ser tingħata l-aħħar kisja tarmac? Tista' tikkonferma jekk l-aħħar kisja tarmac kenitx inkluża fit-tender li ħarġet għan-nofs din it-triq?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li peress li fit-tender oriġinali li ħareġ f’Mejju tal-2016 ma ġietx inkluża l-aħħar kisja, il-Ministeru reġa ħareġ tender li għalaq fis-6 ta’ April 2018.
Leg 13 PQ #4479 Sitting 98 2018-04-10 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Policy dwar dritt għal free pass għall-użu tal-Gozo Channel

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 3213 u tgħid jekk il-policy li kienet saret fi żmien il-Gvern Nazzjonalista u li kienet pubblikata fuq il-website tal-Gozo Channel dwar min għandu dritt għal free pass biex juża l-vapur tal-Gozo Channel ġietx mibdula? Jekk ġiet mibdula, meta ġiet mibdula u fejn ġiet pubblikata? Tista’ tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-policy dwar min għandu dritt għal dan il-pass kif kienet fi żmien Gvern Nazzjonalista u kopja tal-policy kif inhi llum? Tista' tara li din il-policy terġa' titpoġġa fuq il-website tal-Gozo Channel minn fejn kienet tneħħiet fil-leġiżlatura l-oħra?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 4477.
Leg 13 PQ #1128 Sitting 97 2018-04-09 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

MInisteru għal Għawdex — konsulenti

Question

Tista’ l-Ministru telenka l-ismijiet u l-ħlas rispettiv ta' kull konsulent li kull entità li għaliha hi responsabbli, għandha? Tista' tgħid liema huma dawk li bdew wara t-3 ta' Ġunju 2017?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 1094.
Leg 13 PQ #4428 Sitting 97 2018-04-09 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – Faċilitajiet Sportivi

Question

Tista ' l-Ministru tgħid liema huma l-faċilitajiet sportivi f'Għawdex li jaqgħu taħt ir-responsabilità tal-Ministeru għal Għawdex u liema huma dawk il-faċilitajiet sportivi f'Għawdex li ma jaqgħux taħt il-Ministeru għal Għawdex? Tista' tgħid kemm intefaq mill-Ministeru tagħha fuq kull faċilità sportiva matul is-sena 2017? Tista' tgħid kemm hemm nies imħallsa mill-Ministeru għal Għawdex f'kull faċilità sportiva f'Għawdex?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Ta’ min iżid ukoll li l-Ministeru għal Għawdex ħabbar l-ewwel edizzjoni tal-iskema skema ta’ sponsorship tal-isport għall-għaqdiet u entitajiet sportivi Għawdxin, li permezz tagħha, l-għaqdiet sportivi jistgħu jibbenefikaw minn fondi għall-proġetti. Filfatt, applikaw 16-il għaqda u bħalissa l-iskema qed tiġi evalwata. Apparti dan, il-Ministeru għal Għawdex nieda skema ġdid oħra għall-għajnuna lill-atleti Għawdxin li jieħdu taħriġ f’Malta.
Leg 13 PQ #4429 Sitting 97 2018-04-09 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

In-Nadur: Triq L-Imġarr u Għajnsielem: Triq Sant’Antnin – studju

Question

Tista’ l-Ministru tgħid fiex wasal l-istudju li suppost sar jew qed isir fuq l-istat diżastruż li tinsab fih Triq l-Imġarr fin-Nadur u Triq Sant’Antnin, Għajnsielem? Tista’ tpoġġi kopja ta’ dan l-istudju fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għadu kemm tlesta s-survey report tat-triq.
Leg 13 PQ #4440 Sitting 97 2018-04-09 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — Direttorat tal-Proġetti u Żvilupp - supervisors

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm ħaddiema fil-grad ta’ Supervisor fi ħdan id-Direttorat tal-Proġetti u Żvilupp fil-Ministeru għal Għawdex, kif ukoll tgħid x’tip ta’ xogħol jagħmlu għal grad tagħhom u kemm hemm ħaddiema assenjati taħt kull supervisor f’dan id-Direttorat? Tista’ tgħid bħala post tax-xogħol fejn huma assenjati dawn is-supervisors, u jekk hemmx il-ħsieb li jiżdiedu n-numru ta’ supervisors f’dan id-Direttorat?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninsab infurmata li fid-Direttorat tal-Proġetti u Żvilupp hemm 31 ħaddiem fil-grad ta’ Supervisor. Dawn huma assenjati f’postijiet li jvarjaw skont l-esiġenzi tal-Ministeru. In-numru ta’ Supervisors jistgħu jiżdiedu skont l-istess esiġenzi tal-Ministeru.