Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ċirku tax-Xagħra — pjanijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-pjanijiet għas-sit taċ-Ċirku tax-Xagħra (Brockdorff Circle) fix-Xagħra, Għawdex? Jista' jgħid jekk dan huwiex miftuħ għall-pubbliku u jekk le meta hu mistenni li jinfetaħ għall-pubbliku? Jista' jgħid matul dawn l-aħħar sentejn x'investiment sar min-naħa tal-Gvern jew Heritage Malta fuq dan is-sit?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat minn Heritage Malta li f’dan l-istadju il-pjanijiet ghaċ-Ċirku tax-Xagħra f’Għawdex huma li jitkomplew l-iskavi kif ukoll l-istudju tal-fdalijiet li qed jinstabu, bħala parti minn proġett ikbar ta’ konservazzjoni u mmaniġjar tas-sit. Peress li għad hemm fdalijiet konsiderevoli li jkopru kemm għadam uman kif ukoll oġetti oħra relatati mad-dfin taż-żmien Neolitiku, l-iskavi qed jingħataw prijorita qabel tfassil ta’ xogħol ieħor. Is-sit mhuwiex miftuħ għall-pubbliku bħalissa, kemm minnħabba kwistjoni ta’ saħħa u sigurtà, kif ukoll għax in-natura tas-sit tagħmilha diffiċli ħafna biex jifhmu dak li qed jaraw. Is-sit jinfetaħ biss b’appuntament għal dawk li jitolbu speċifikament biex izuruh. Għadu kmieni wisq sabiex wieħed jipproġetta data ta’ meta s-sit jista’ jkun miftuħ regolarment għall-pubbliku minħabba li fadal bosta xogħol xi jsir. Dan jiddependi wkoll milll-istat ta’ konservazzjoni. Saru skavi preliminari fl-2018 u fl-2019. Ix-xogħol waqaf fl-2020 minħabba l-pandemija, iżda reġa kompla din is-sena meta l-iskavi tkomplew tul ix-xahar kollu ta’ Mejju. Huwa stmat li x-xogħol ta’ din is-sena sewa madwar €20,000. Ix-xogħol fuq il-materjal li nstab waqt din il-kampanja u l-iskavi arkeoloġiċi se jitkomplew tul is-sena skont in-neċessitá sensittiva tagħhom.

Raħal Ġdid – Pjazza Antoine de Paule – responsabilità tax-xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru ħax parir legali fir-rigward tar-responsabbilità legali li hemm fl-eżekuzzjoni tax-xogħol ħażin li sar fil-Pjazza A De Paule, Raħal Ġdid billi hemm numru ta’ persuni li rrappurtaw li sofrew dannu?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Konsultattitv għan-Nofsinhar ta’ Malta, li ma tteħidx parir legali. Madankollu, ittiehdu pariri professjoniali minn żewġ periti fir-rigward tal-upgrades neċessarji.

Raħal Ġdid – Ġnien Pawlu Boffa — servizzi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’passi ttieħdu sabiex Ġnien Pawlu Boffa f’Raħal Ġdid jingħata iktar attenzjoni u jinżamm aħjar u jsir iktar tibdil u servizzi fih?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali Paola li Ġnien Pawlu Boffa jinsab fuq il-programm tax-xogħlijiet tal-Kunsill, li qiegħed jaħdem fuq pjanti ġodda sabiex ikun jista isir xogħol fih. Dawn ix-xogħlijiet jibdew wara li jitlestew prijoritajiet oħra.

Raħal Ġdid – Ġnien San Alwiġi — servizzi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’passi ttieħdu sabiex Ġnien San Alwiġi f’Raħal Ġdid jingħata iktar attenzjoni u jinżamm aħjar u jsir iktar tibdil u servizzi fih?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali Paola li l-Ġnien San Alwiġi huwa wieħed minn dawk li jinstabu fuq il-programm tax-xogħlijiet, li ser jara żvilupp sħiħ ġo fih. Għaldaqstant fil-jiem li ġejjin ser jibda ix-xogħol fuq il-pjanti għall-proġett ta' tisbiħ ta' dan il-ġnien.

Raħal il-Ġdid – Triq li tgħaddi fi Pjazza Antoine De Paule – rapport tekniku tat-triq

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 20706, jista’ l-Ministru jgħid liema Ministeri ġew infurmati dwar il-ħsarat kbar li hemm f'Pjazza Antoine de Paule Raħal Ġdid u x'passi ttieħdu?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li ġie avviċinat il-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura, filwaqt li qed isiru studji tal-kwalita tax-xogħol sabiex jiġi determinat jekk in-nuqqas kienx wieħed relatat mal-kuntrattur jew le.

San Pawl il-Baħar – Triq San Pawl – ħinijiet tal-parkeġġ

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 16964 u jitlob li l-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar jara li jiġu rispettati u infurzati mill-awtoritajiet konċernati l-ħinijiet allokati dwar il-parkeġġ fi Triq San Pawl fl-istess lokalità?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar jitratta kull ilment formali li jirċievi bl-akbar serjeta. Fejn l-ilmenti jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Kunsill, il-Kunsill jaġixxi bl-iktar mod xieraq biex jindirizza l-problema, u fejn l-ilment ma jaqax taħt ir-responsabbilitá diretta tal-Kunsill, l-ilmenti jiġu mressqa għall-attenzjoni tal-Awtoritá konċernata. Il-parkeġġ ma jaqax taħt il-kompetenza diretta tal-Kunsill.

Il-Mellieħa – Triq Dun Manwel Grima – lampi/bozoz — manutenzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 20775 u jara li ssir l-manutenzjoni meħtieġa mill-Kunsill Lokali Mellieħa sabiex lampi/bozoz maqtugħa fi Triq Dun Manwel Grima kantuniera ma’ Triq l-Għasafar u f’żoni oħra fil-Manikata, limiti tal-Mellieħa, jerġgħu jinxtegħlu?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa li l-lampa in kwistjoni ġiet irrappurtata fid-29 t’April 2021 u msewwijja fil-5 ta’ Mejju 2021. Il-Kunsill jikkonferma li attwalment qiegħda tixgħel.

Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar – tindif fi Triq il-Wileġ

Question

Jista’ l-Ministru jara li l-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar jagħmel it-tindif meħtieġ fiż-żona ta’ Triq il-Wileġ, liema żona tinsab biswit il-grawnd tal-futbol fl-istess lokalità?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li ż-żona ta’ Triq il-Wileġ titnaddaf skont l-iskeda sottomessa fil-Mistoqsija Parlamentari numru 17290.

Ħal Tarxien — Tal-Barrani – asfaltar ta’ triq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk it-triq indikata bħala Tal-Barrani li tinsab però fuq il-parti ta’ ġewwa ta’ Ħal Tarxien hiex sejra tiġi asfaltata mill-ġdid minħabba l-istat li tinsab fiha?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Nitlob lilll-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba għal Mistoqija Parlamentari numru 21626.

Raħal Ġdid – faċilitajiet pubbliċi – servizz ta’ tindif

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-faċilitajiet pubbliċi ("public convenience") ġewwa Raħal Ġdid humiex ilkoll f'idejn il-Kunsill Lokali u jekk le għala? Jista’ jindika x'servizz ta' tindif hemm biex jinżammu tajba kif mistenni?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali Paola li bħalissa il-Kunsill għandu f'idejh il- faċilitajiet pubbliċi (public convenience) tal-Ġnien Pawlu Boffa u ta' Triq il-Foss. Assenjanti magħhom hemm ħaddiema mill-iskema Community Work Scheme Enterprise Foundation (CWSEF).

Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid – Pjazza Antoine de Paule

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'responsabbilità legali u x'dokumenti ġew iffirmati sabiex il-Kunsill Lokali ta' Raħal Ġdid jieħu f'idejh, jekk ma ħax diġà, Pjazza A De Paule?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat illi il-Pjazza Antoine de Paule taqa’ de facto taħt il-Kunsill Lokali ta’ Raħal il-Ġdid, u għaldaqstant ma kienx hemm il-bżonn ta’ dokumenti iffirmati. Il-Kunsill Konsultattiv għan-Nofsinhar ta’ Malta ġie nkarigat bir-refurbisbishments u upgrades neċessarji, liema xogħol qiegħed jiġi mfassal u maħdum bħalissa.

Il-Mellieħa – Triq in-Nofsinhar – lampi/bozoz maqtugħa

Question

Jista’ l-Ministru jara li l-Kunsill Lokali Mellieħa jara li lampi/bozoz li hemm maqtugħa fi Triq in-Nofsinhar fil-Mellieħa, isirulhom il-manutenzjoni meħtieġa, sabiex dawn jerġgħu jinxtegħlu?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tweġiba se tingħata f’xi seduta oħra.

kunsilli lokail — persuni li qed jaħdmu bit-telework

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 16953 u jgħid kemm u liema huma dawk il-kunsilli lokali li fi ħdanhom, minħabba l-imxija tal-COVID 19 ‘għandhom ħaddiema li qed jaħdmu bit-teleworking jew xi miżura oħra simili (family measures) ?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hi kif ġej: Kunsill Lokali Teleworking Miżuri Oħra simili ( family measures ) Il-Belt Valletta 8 Il-Gżira 3 Għajnsielem 1 Il-Ħamrun 1 Ta’ Kerċem 1 L-Imġarr 2 Il-Mosta 10 L-Imsida 1 Paola 1 Pembroke 1 Ħal Safi 2 San Ġiljan 1 San Pawl il-Baħar 3 Ta’ Xbiex 1 Ix-Xgħajra 4 Iż-Żurrieq 2

Marsaskala – ħatra ta’ sottokumitat mingħajr approvazzjoni tal-kunsilliera

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux minnu li f'Marsaskala nħatar sottokumitat bla Termini & Referenza mingħajr approvazzjoni tal-kunsilliera bit-titlu ta' "Sotto Kumitat għal Riġenerazzjoni ta' Marsaskala" u li l-membri tiegħu qed jagħmlu laqgħat ma' entitajiet bl-iskop aħħari jkun li jifformulaw direzzjonijiet tat-traffiku ġodda? Nitlob konferma jekk f'dan l-istess sottokumitat kienx jew hux kompost fost oħrajn minn: 1. Uffiċjali f'dekasteri ministerjali 2. Kandidati politiċi 3. Żviluppaturi b'applikazzjonijiet f'Marsaskala 4. Residenti Skalin 5. NGOs 6. Operaturi ta' negozji f'Marsaskala

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tweġiba se tingħata f’xi seduta oħra.

San Ġiljan – Xatt ta’ Spinola

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 21462 li saret lill-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur, 21463 li saret lill-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija u 21464 li saret lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali u li issa ġew riferuti lilu u ċjoè B’referenza għar-ritratti li jinsabu annessi, jista’ l-Ministru jgħid jekk hux possibbli li fix-Xatt ta’ Spinola, San Ġiljan, fejn biswit hemm lukandi ta’ 4 u 5 stilel, inħallu nġenji sbieħ, kkuluriti u Maltin, minflok dawk li qed jidhru fir-ritratti, biex il-post ikun ta’ kwalità kif mixtieq?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan li f’din iż-żona hemm by-law tal-Kunsill biex tikkontrolla l-aċċess. Bħalissa hemm CCTV camera kontrollata mill-LESA u qed isir wkoll installazzjoni ta’ barriers sabiex ikun hemm sorveljanza aħjar għall-aċċess. Din iż-żona kostantement tiġi mnaddfa u jitneħħa kull ingombru fosthom inġenji abbandunati.

Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Kultura – nefqa fuq reklamar u marketing

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 17232 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra rendikont tal-ispiża ta' marketing u reklamar li ntefqet mill-2013 sal-lum, ma’ liema media houses jew production houses intefqu, bl-ammonti għal kull sena u jekk kenux reklamar fuq TV, print, stampar, internet jew radju jew stampar ta' materjal ta’ marketing?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għada qed tinġabar u tingħata f’seduta oħra.

Raħal Ġdid – Ġnien Lorry Sant — manutenzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’qed iżomm sabiex Ġnien Lorry Sant f'Raħal Ġdid jibda l-proċess biex jinżamm aħjar?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali Paola li l-Kunsill kien qed jaħdem fuq pjanti għax-xogħol li hemm ħtieġa li jsir fi Ġnien Lorry Sant. Issa li dawn lesti qed isir xogħol dwar il-finanzjament ta' dan l-istess proġett sabiex ikun jista isir xogħol fuqu fix-xhur li ġejjin.

Raħal Ġdid – Pjazza De Paule – funtani u siġar

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 19981, jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra u jgħid fejn waslu n-negozjati sabiex ir-reċipjenti ta’taħt il-funtani jitkabbru fil-Pjazza De Paule Raħal il-Ġdid?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mill-Kunsill Konsultattiv għan-Nofsinhar ta’Malta illi l-imsemmijja upgrades ser isiru skont l-agenda ta’ xogħlijiet tal-Kunsill.

Kunsill Lokali San Pawl il-Baħar – Triq il-Konverżjoni, Triq l-Għabex, Triq Santa Marija u Triq Ġulju (mal-bus stop) — manutenzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jara li l-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar jieħu l-azzjonijiet meħtieġa sabiex issir il-manutenzjoni meħtieġa (primarjament ħofor u bankini li qed jikkawżaw inkonvenjent lir-residenti li jgħixu hemm u lis-sewwieqa li jagħmlu użu minn dawn it-toroq) fit-toroq hawn indikati: Triq il-Konverżjoni, Triq l-Għabex, Triq Santa Marija u Triq Ġulju (mal-bus stop)? (ritratti annessi)

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li l-manutenzjoni fit-toroq imsemmijja jinstabu fil-programm tax-xogħlijiet.

Kunsill Lokali San Pawl il-Baħar — Triq il-Ġifen, Triq Patri Ġużepp Calleja, Triq il-Għabex, Triq ix-Xitwa u Triq Dawret il-Gżejjer – xogħlijiet ta’ tindif, qtugħ ta’ ħaxix u ħarsien tas-soft areas

Question

Jista’ l-Ministru jara li l-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar iwettaq/jara li jsiru x- xogħlijiet meħtieġa bħal tindif, qtugħ ta’ ħaxix u ħarsien xieraq tas-soft areas (konki vojta bla siġar ) u sistemi ta’ irrigazzjoni ma’ jaħdmux f’dawn it-toroq indikati: Triq il-Ġifen, Triq Patri Ġużepp Calleja, Triq il-Għabex, Triq ix-Xitwa u Triq Dawret il-Gżejjer (ritratti annessi)

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li it-toroq u x-xogħol indikat qiegħed fil-programm ta’ xogħlijiet.