Legislature:
Category:
Reset
Active:

Applikazzjoni għal ċittadinanza Maltija

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u l-Ministru jara l-każ ta' koppja miżżewġa, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, fejn il-mara hi Tuneżina waqt li r-raġel hu Malti li ilhom miżżewġin mis-sena 2000, peress li fis-sena 2005 marret tapplika għaċ-ċittadinanza u dejjem jibagħtu għaliha u anke ġew id-dar xi membri tal-Korp tal-Pulizija u baqgħet bla risposta?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li minħabba xi ċirkustanzi ta' dan il-każ, it-talba għaċ-ċittadinanza Maltija mill-persuna kkonċernata għadha qed tiġi mistħarrġa.

Ministeru tal-Affarijiet Barranin — awtoritajiet, entitajiet u bordijiet

Question

Jista’ l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jagħti lista tal-awtoritajiet, entitajiet u bordijiet kollha li jaqgħu taħt ir-responsabiltà tiegħu? X’inhu n-numru ta’ persuni, inkluż chairman, li jservu fuq kull bord ta’ kull entità li dwarha qed issir l-ewwel mistoqsija? Kemm jitħallsu kull chairman u kull membru ta’ kull entità li dwarha qed issir l-ewwel mistoqsija?

Response (BORG, TONIO)

Dwar l-ewwel u t-tieni parti tal-Mistoqsija nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija numru 24690. Il-ħlas: Awtorità Nazzjonali għall-Implimentazzjoni tal-Konvenzjoni dwar Armi Kimiċi Chairman - xejn Spettur - 1164.69 euro per annum Membri - xejn Tsunami Relief Fund Chairman - xejn Membri - xejn Kumitat ta' Inkjesta dwar Privazzjoni ta' Ċittadinanza Maltija Chairman - 465.87 euro kull każ deċiż Membri - 232.94 euro kull każ deċiż Segretarju - 232.94 euro kull każ deċiż

Ministeru tal-Affarijiet Barranin — konsum ta' fuel

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid kemm kien jammonta f'ċifra ta' flus globali l-konsum tal-fuel matul l-2010 fil-Ministeru, dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħtu? Kemm kien jammonta f'litri?

Response (BORG, TONIO)

Nixtieq nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 23484 rigward ċ-ċifra ta' flus globali fuq l-konsum tal-fuel. L-ammont ta' litri li nxtraw huwa 91,032.

taħdidiet mal-Gvern Taljan — tħassib dwar l-iżvilupp ta' energija nukleari

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid jekk fit-taħdidiet bilaterali mal-Gvern Taljan fl-aħħar snin, jirriżultax li pajjiżna wera tħassib dwar l-iżvilupp ta' energija nukleari fin-Nofsinhar tal-Italja, reġjun fejn hu magħruf li l-attività siżmika hi għolja?

Response (BORG, TONIO)

Ma sarx kuntatt bilaterali żda fil-Kunsill tal-Ministri Malta sostniet l-inizjattiva tal-Kummissarju tal-Enerġija Oettinger dwar "stress tests" għal stazzjonijiet nukleari.

Ministeru tal-Affarijiet Barranin — servizz ta' karozzi

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarjiiet Barranin jgħid kemm kienet iċ-ċifra ta' flus globali li matul l-2010 ntnefqet għall-użu ta' servizzi tal-karozzi mill-Ministeru, dipartimenti, entitajiet eċċ. li jaqgħu taħtu? Kemm kien in-numru ta' karozzi in kwestjoni?

Response (BORG, TONIO)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi matul l-2010 ntefqet is-somma ta' €279,968 għas-servizz ta' 62 karozza mill-Head Office, Malta u l-Ambaxxati u Rappreżentanzi barra minn Malta.

Ministeru tal-Affarijiet Barranin — calls for application

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid kemm ħarġu calls for application fl-aħħar sena mill-Ministeru u mid-dipartimenti kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru? Kemm kien hemm applikazzjonijiet? Kemm kienu l-persuni li għaddew? Kemm ġew magħżula/ingaġġati? Jekk il-bqija ta' dawn li għaddew hux se jiġu ingaġġati fiż-żmien li ġej? Għalkemm tul ta' żmien jibqa' jgħodd ir-riżultat tal-eżami f'kull każ?

Response (BORG, TONIO)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba tinstab fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru tal-Affarijiet Barranin — nisa fuq bordijiet

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin ipoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-ismijiet ta' nisa f'bordijiet, kumitati u entitajiet oħra li jaqgħu taħtu? Jista' jindika n-numru totali ta' membri li kull wieħed minn dawn il-bordijiet, kumitati u entitajiet għandu?

Response (BORG, TONIO)

Awtorita' Nazzjonali għall-Implementazzjoni tal-konvenzjoni dwar Armi Kimiċi Kompost minn Direttur, żewġ membri u spettur. Mara waħda, Ms Laura Sammut. Kumitat ta' Inkjesta dwar Deprivazzjoni ta' Ċittadinanza Maltija Kompost minn Chairman, żewġ membri u segretarju. Mara waħda, Ms Anna Caruana Colombo. Tsunami Relief Fund Kompost minn Chairman u zewġ membri. Nisa - xejn.

Ministeru tal-Affarijiet Barranin — servizz ta' mobile phone

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid kemm kienet iċ-ċifra ta' flus globali li matul l-2010 ntnefqet għall-użu ta' servizzi tal-mobile phone mill-Ministeru, dipartimenti, entitajiet eċċ. li jaqgħu taħtu? Kemm kien in-numru ta' mobile phones in kwestjoni?

Response (BORG, TONIO)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi matul l-2010 ntefqet is-somma ta' €173,545 fuq numru ta' 159 mobile phones użati mill-uffiċjali f'Malta u wkoll dawk f'29 Ambaxxati u Rapprezentanzi barra minn Malta

persuni li minkejja li laħqu l-età tal-irtirar baqgħu jaħdmu

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid kemm hemm persuni li minkejja li laħqu l-età tal-irtirar baqgħu jaħdmu fl-uffiċini u d-dipartimenti kollha li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu? Jista' jgħid meta ġie mġedded l-impjieg u sa meta, kif ukoll jagħti l-grad tal-persuni konċernati?

Response (BORG, TONIO)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ma hemm l-ebda uffiċjal pubbliku li għalkemm għalaq l-età tal-irtirar li ġġeddidlu t-terminu tal-impjieg. Hemm numru ristrett ta' persuni li għandhom iktar minn 61 sena li għandhom kuntratt ta' konsulenti jew ambaxxaturi fi ħdan il-Ministeru.

Maltin li jgħixu barra minn Malta — assocjazzjonijiet u għaqdiet

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid liema huma l-assoċjazzjonijiet, għaqdiet eċċ. tal-Maltin li jgħixu barra minn Malta, reġistrati jew magħrufa lill-Ministeru?

Response (BORG, TONIO)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba dwar Ghaqdiet jew Assoċjazzjonijiet ta' Maltin li Jgħixu Barra tidher fil-listi li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru tal-Affarijiet Barranin — kuntratti

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra skeda tal-kuntratti kollha għas-sena 2010 ta' servizz ta' sigurtà u servizz ta' tindif mogħtija lill-kumpaniji u kuntratturi privati minn dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, inkluż il-prezz li ngħata bih dan il-kuntratt?

Response (BORG, TONIO)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-iskeda tal-kuntratti mitluba tinsab fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru tal-Affarijiet Barranin — nefqa tal-manutenzjoni u t-tiswijiet tal-air conditions

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid kemm kienet in-nefqa tal-manutenzjoni u t-tiswijiet tal-air conditions fil-Ministeru tiegħu matul l-2010 ?

Response (BORG, TONIO)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi għall-Mistoqsija numru 22287.

Ministeru tal-Affarijiet Barranin — konsulenzi

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jagħti breakdown ta' min kienu l-persuni/kumpaniji eċċ. li taw konsulenza lill-Ministeru, Dipartimenti jew entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu matul l-2010? Kemm kienet is-somma li tħallsu għal kull konsulenza?

Response (BORG, TONIO)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba tinsab fuq il-Mejda tal-Kamra.

Locally Engaged Personnels — taxxi

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jinforma lill-Kamra kemm hemm fl-ambaxxati ta' Malta Locally Engaged Personnels Maltin? Fejn jinsabu u fejn huma obbligati jħallsu taxxi?

Response (BORG, TONIO)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fl-ambaxxati kollha ta' Malta madwar id-dinja hemm 21 Locally Engaged Personnel Maltin. Dawn iħallsu t-taxxi tagħhom fil-pajjiż fejn qed jaħdmu.

esportazzjoni ta' armi żgħar lejn il-Libja — diskrepanza fl-ammonti ta' flus

Question

Il-media internazzjonali u dik nazzjonali irrapurtat li Malta esportat b’aktar minn €79 miljun f’armi żgħar lil-Libja. Is-sors ta’ din il-figura kien rapport uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. The Times of Malta tat-23 ta’ Frar 2011, ikkwotat kelliem għal gvern li qal li “Following our investigations, it seems the country of origin of the products in question was Italy and did not touch dry land. The end user was the government of Libya as confirmed by the Italian Embassy in Tripoli. On this basis, authorisation for transit was issued by Malta while Customs allowed transit.” Madankollu, f’ittra li dehret fl-istess ġurnal fl-1 ta’ Marzu 2011, l-Ambaxxatur Taljan għal Malta qal li wara li l-ambaxxata investigat dawn ir-rapporti jista’ jgħid li “In 2009, Italy exported small arms to Libya (pistols, rifles, including hunting rifles) for around €8 million. There have been no other small arms exports towards Libya authorised by the Italian authorities between 2008 and 2010 (except for a small sale of €3,000). No small arms, in the same period, have been sold to Malta from Italy, except for a very minor operation. The amount of €79,689,691 does not refer to any operation involving the Italian authorities. I would like to stress that the Italian legislation for the sale of small arms and weapons is a very strict one". Jista’ l-Viċi Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin jispjega d-diskrepanza bejn iż-żewġ figuri u ż-żewġ verżjonijiet?

Response (BORG, TONIO)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant li jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Rapporti fuq il-Ġurnal Malta Today

Question

B'referenza għall-artiklu li deher fl-4 ta' Frar fil-Malta Today intitolat 'Belgian press accuses Dar Malta of not paying taxes, social security' u li jirreferi għall-artikli li ġew ippubblikati f'ġurnali Belġjani, jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jinforma l-Kamra xi pjanijiet hemm biex jiġu regolarizzati dawn il-Locally Engaged Personnel? Jista' jinforma lill-Kamra kemm huma l-ispejjeż annwali biex l-impjegati jiġu regolarizzati skont il-liġi Belġjana?

Response (BORG, TONIO)

Filwaqt li nirreferi l-Onorevoli Interpellant għar-risposta li ngħatat fuq mistoqsija parlamentari numru 23437, nikkonferma illi l-Locally Engaged Personnel tar-Rappreżentanza Permanenti ta' Malta għall-Unjoni Eworopea u ta' l-Ambaxxata ta' Malta għall-Belġju ġew regolariżżati b'effett mill-1 ta' Frar 2011. L-ispiża annwali għall-Gvern, bħala l-entita li tħaddem sabiex il-Locally Engaged Personnel tar-Rappreżentanza Permanenti ta' Malta għall-Unjoni Ewropea u tal-Ambaxxata ta' Malta għall-Belġju, ġew regolariżżati skont il-liġi Belġjana, se tammonta għal €34,479 f'sena.

Ambaxxati — taxxa, social contributions u national insurance

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jikkonferma lill-Kamra li l-impjegati fl-ambaxxati Maltin kollha huma regolarizzati u jħallsu t-taxxa u s-social contributions u national insurancekif suppost?

Response (BORG, TONIO)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-impjegati fl-ambaxxati Maltin kollha huma regolariżżati u jħallsu t-taxxa u s-social contributions u national insurance kif suppost.

Ministeru tal-Affarijiet Barranin — żjarat il-Libja

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid mis-sena 2008 sal-lum kemm-il darba mar uffiċjalment il-Libya u meta?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li mill-2008 sallum mort tmint darbiet fuq xogħol uffiċjali l-Libja: 22-23 ta' April u 30-31 ta' Lulju (Żjara mal-President ta' Malta) 2008 5-6 ta' Mejju u 1 ta' Settembru (Żjara mal-President ta' Malta) 2009 10 ta' Marzu, 13 ta' Ġunju u 27-28 ta' Ottubru 2010 8-9 ta' Frar 2011.

Ministeru tal-Affarijiet Barranin — flus għas-safar

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid matul l-2010 kemm kienet iċ-ċifra ta' flus globali li ntnefqet għas-safar tal-Ministru u tal-Ministeru tiegħu, dekasteri, dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħtu?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li għal safar konnes ma' xogħol uffiċjali għan-nom tal-Gvern Malti tal-impjegati kollha fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin, inklużi ambaxxaturi u uffiċjali oħra li jaħdmu fil-31 ambaxxata u rappreżentanzi barra minn Malta, intefqu 398,000 euro fl-2010. Tħallset ukoll is-somma globali ta' 313,850 euro bħala subsistence allowance.