Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jagħti tagħrif dwar kemm slielem tal-baħar twaħħlu minn ħaddiema li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu matul il-kosta tal-Mellieħa Malta din is-sena? Jista’ jgħid ukoll fejn tnaqqsu/żdiedu dawn is-slielem din is-sena meta mqabbla mas-slielem tal-baħar li twaħħlu s-sena l-oħra?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant biex tirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru/i kkonċernat/i.
Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu – Impjegati u Konsulenti
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid minn min hu kompost bħala impjegati u konsulenti l-Ministeru tiegħu, f’liema skala tas-servizz pubbliku qiegħed is-salarju/paga tagħhom, x’inhu x-xogħol ta’ kull wieħed minn dawn l-impjegati/konsulent, xi kwalifiki edukattivi għandhom, f’każ ta’ Policy Consultant, Policy Co-ordinator u Advisor, x’inhi l-expertise tiegħu/tagħha u x’tip ta’ kuntratt għandu kull wieħed minn dawn l-impjegati (inkluż Policy Consultant, Policy Co-ordinator u Advisor)? X’allowances (bħal disturbance allowance, Secretariat Allowance, Bonus for Overtime Worked, Communications Allowance, Fully-expensed mobile telephony, Free Telephony, Pre-Paid top-ups for telephony service, Internet Service, Car Allowance, Transport Allowance, Fuel Vouchers, Use of car-hired car, Use of government-owned car, Internet Key, Tablets, Laptops, Peripherals, Expertise Allowance, Disturbance Allowance, Shift Allowance, eċċ.) u perkaċċi oħra, kull wieħed minn dawn l-impjegati/konsulenti għandhom u għal kemm jammontaw fi flus (fejn applikabbli)? Jista’ d-Deputat Prim Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratt li kull impjegat/konsulent tal-Ministeru għandu u li għadu fis-seħħ?
Response (BORG, IAN)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajtu f’interpellanza parlamentari kważi identika għal din, bin-numru 23454.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid jekk il-Gvern għandux pjanijiet biex jirkupra mill-Istat Libjan u/jew l-entitajiet tiegħu pagamenti dovuti lil entitajiet u negozjanti Maltin għal xogħol li sar minnhom fil-Libja ħafna snin ilu? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid x’inhuma dawn il-pjanijiet?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern Malti għaddej bil-ħidma tiegħu sabiex jikseb il-pagamenti dovuti lill-entitajiet Maltin. L-Ambaxxata ta’ Malta għal-Libja fi Tripli, qiegħda tqajjem dan il-każ regolarment mal-awtoritajiet rispettivi Libjani sabiex jiġu ritornati l-ħlasijiet dovuti. Madankollu il-Gvern qed iħeġġeġ ukoll lil dawn l-entitajiet ikkonċernati sabiex jiksbu parir legali li jista jkun ta’ assistenza meta jiġu mqajma mal-awtoritajiet Libjani.
Peress li l-kumpanija multinazzjonali li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, se tibda proċedimenti fil-qorti biex tirkupra d-djun Libjani tagħha mill-assi Libjani f’Malta, liema djun jaqbżu l-valur ta’ dawn l-assi, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid jekk il-Gvern Malti għandux pjanijiet biex jissalvagwardja l-interessi ta’ entitajiet u negozjanti Maltin li għal ħafna snin ilhom dovuti pagamenti mill-Istat Libjan u/jew l-entitajiet tiegħu?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Paragrafu 17 tar-Riżoluzzjoni 1970 (2011) tan-Nazzjonijiet Magħquda jipprovdi hekk:
“Decides that all Member States shall freeze without delay all funds, other financial assets and economic resources which are on their territories, which are owned or controlled, directly or indirectly, by the individuals or entities listed in annex II of this resolution or designated by the Committee established pursuant to paragraph 24 below, or by individuals or entities acting on their behalf or at their direction, or by entities owned or controlled by them, and decides further that all Member States shall ensure that any funds, financial assets or economic resources are prevented from being made available by their nationals or by any individuals or entities within their territories, to or for the benefit of the individuals or entities listed in Annex II of this resolution or individuals designated by the Committee;”
Filwaqt li Paragrafu 18 tal-istess Riżoluzzjoni, jipprovdi hekk:
“Expresses its intention to ensure that assets frozen pursuant to paragraph 17 shall at a later stage be made available to and for the benefit of the people of the Libyan Arab Jamahiriya;”
F’dan l-isfond, l-assi Libjani ffriżati li jinstabu Malta ma jistgħux jiġu mittifsa.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid fiex wasal il-proċess biex toħroġ is-sejħa pubblika għall-bini ta’ ITS Campus ġdid ġewwa SmartCity? Meta, bejn wieħed u ieħor, hu ppjanat li jibda x-xogħol ta’ kostruzzjoni u li jitlesta dan il-proġett biex ikun jista’ jilqa’ fih l-ewwel studenti? Jista’ jgħid ukoll jekk dan il-proġett huwiex se jkun iffinanzjat minn xi programm tal-Unjoni Ewropea u jekk iva, minn liema programm u minn liema baġit?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mit-tmexxija tal-ITS li l-iskavar tlesta u qegħdin isiru l-preparamenti biex tkun tista tiġi ppreparata t-tender. Infurmat ukoll li mhux qed jiġi previst l-użu ta’ fondi ewropej.
Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu — Uffiċċju addizzjonali
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 23618, peress li bit-tieni uffiċċju qed nirreferi għall-post/binja li fih id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jiltaqa’ mal-kostitwenti tiegħu, jista’ jgħid:
(a) Kemm-il uffiċċju addizzjonali għandu barra l-binja uffiċjali tal-Ministeru tiegħu u f'liema lokalità qiegħed/qegħdin?
(b) Dawn l-uffiċini huma binjiet pubbliċi jew privati?
(c) X'inhu l-użu ta' dawn l-uffiċini?
(d) Kemm titħallas kera għal kull uffiċċju sena b'sena u jekk din titħallasx minn fondi pubbliċi jew fondi oħrajn?
(e) Min hu l-benefiċjarju ta' din il-kera?
(f) Minn x'ħin sa x'ħin u f'liema ġranet ikunu miftuħin dawn l-uffiċini?
(g) Min jiftaħ dawn l-uffiċini u jara lin-nies, il-Ministru personalment jew persuni oħra għan-nom tiegħu?
(h) Jekk in-nies jarawhom persuni oħra għan-nom tiegħu, dawn huma impjegati tal-Ministeru jew tal-Gvern?
Response (BORG, IAN)
Nittama li l-Onor. Interpellant jifhem bid-distinzjoni li hemm bejn uffiċċju Ministerjali u uffiċċju tal-kostitwenza. L-uffiċċju li fih naqdi d-dmirijiet Ministerjali tiegħi huwa f’Palazzo Spinola, San Ġiljan.
Għar-rigward tal-uffiċċju tal-kostitwenza, dan huwa mħallas minn fondi privati, u mhux pubbliċi kif qed jipprova jimplika b’mod skorrett u qarrieqi l-Interpellant. Għalhekk mhux fil-mansjoni ta’ mistoqsija parlamentari.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid kif qed jiġi assigurat li l-operaturi fil-qasam turistiku ikollhom arranġamenti biex jiddisponu mill-iskart tagħhom, b’mod partikolari fejn jidħol ir-rimi ta’ ikel?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-ġbir tal-iskart kummerċjali mhuwiex fil-kompetenza tal-Awtorità tat-Turiżmu. Madanakollu, il-liġi tirrikjedi li “Kull min ikollu liċenzja biex jopera stabbiliment li jipprovdi l-ikel għandu jiżgura li s-swill jinġabar biss minn persuni li jkollhom liċenzja għal dak l-iskop mill-awtorità kompetenti”. Għaldaqstant, l-Awtorità taċċerta ruħha li kull stabbiliment li jissottometti applikazzjoni ġdida jkollu kuntratt ma’ kuntrattur privat li huwa liċenzjat għal dan l-iskop. Dan il-kuntratt jintalab ukoll meta ssir spezzjoni regolari fi stabbilimenti tal-ikel u mhux l-ewwel darba li jsiru eżerċizzji f’żoni speċifiċi għal dan il-għan.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid liema huma l-bajjiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu, fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar? Jista’ jgħid ukoll taħt liema Ministeru jaqgħu l-bajjiet l-oħra u x’koordinazzjoni ssir bejn il-Ministeri differenti?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu bejn l-ewwel ta’ Ġunju u l-aħħar ta’ Settembru, timmaniġja żewġ bajjiet li għandhom l-istatus ta’ Blue Flag fiż-żona ta’ San Pawl il-Baħar.
Dawn il-bajjiet huma Qawra Point (Fra Ben) u Buġibba Perched Beach.
Matul is-sena, u b’mod speċjali f’dawn ix-xhur tas-Sajf, issir koordinazzjoni kontinwa ma’ entitajiet oħra bħall-Aġenzija għar-Riġenerazzjoni taż-Żoni Turistiċi (TZRA), sabiex tiġi installata l-infrastruttura meħtieġa fuq dawn il-bajjiet.
Il-kumplament tal-kosta taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill lokali b’ċertu servizzi bħal tindif, ġbir ta’ skart u aċċessibiltà jingħataw mid-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni (CMD).
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 29011 u jagħti rendikont dettaljat tal-ispejjeż relatati mal-influencers barranin li ġew mistiedna f’Malta sabiex jippromwovu l-pajjiż bħala destinazzjoni turistika? Jista’ jgħid ukoll b’mod partikolari:
i. kemm tħallsu individwalment dawn l-influencers;
ii. x’kien il-proċess u l-kriterji tal-għażla tagħhom;
iii. kemm mill-ispejjeż l-oħra ġew koperti, bħal titjiriet, akkomodazzjoni, trasport, ikel jew perks oħra; u
iv x’kienet l-ispiża totali relatata ma’ din il-kampanja promozzjonali, inkluż l-extra kollha?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta illi l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) tagħmel użu minn mezzi varji biex tkun tista’ tippromwovi l-pakkett turistiku Malti bl-aħjar mod bħala destinazzjoni ta’ kwalità. Kif tista’ tifhem l-Onor. Interpellant, il-mezzi soċjali huma mezz effettiv, tant li pajjiżi oħra wkoll jagħmlu użu minn servizzi ta’ kumpaniji internazzjonali ta’ marketing għal dan il-għan. Infurmat illi l-influencers involvuti f’din il-kampanja, sitta b’kollox, ġew magħżula skont lista li ngħatat mill-Aġenzija imqabbda u dan wara li ġew shortlisted skont id-disponnibbilita’ tagħhom, skont il-profil tas-segwaċi (following u engagement) tagħhom u l-pajjiż minn fejn huma s-segwaċi tagħhom. Dan dejjem wara li kien aċċertat li dawn jaqblu mal-istrateġija tal-MTA. Dawn l-influencers ma ġewx imħallsa mill-MTA. Infurmat li l-kumpanija li tat dan is-servizz kienet marbuta li tagħti ammont minimu ta’ deliverables u fl-aħħar tal-promozzjoni kienet għaddiet iktar minn dak li kien ġie maqbul tant li tajjeb li wieħed jinnota li din il-kampanja ġiet imsemmija bħala waħda mill-aqwa ħames kampanji ta’ marketing minn sit barrani. Intant, infurmat li l-informazzjoni mitluba dwar spejjeż u ħlasijiet ma tistax tkun fornuta minħabba li din l-informazzjoni hija marbuta bi klawżola ta’ kunfidenzjalità kummerċjali.
Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu — Rigali u donazzjonijiet
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 23744 fejn intqal li l-informazzjoni kienet għadha qed tinġabar, issa li għaddew ix-xhur, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid kemm ta rigali u/jew donazzjonijiet minn fondi pubbliċi, xahar b'xahar, minn April 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, fiex kien jikkonsisti kull rigal, kemm kien jiswa kull rigal u lil min tah?
Response (BORG, IAN)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra fejn hemm imniżżel ir-rigali uffiċjali li ngħataw matul din is-sena u f’liema okkażjoni. L-ispiża totali kienet tlaħħaq €1,095.00.
Ministeru għat-Turiżmu — Ħlas ta’ €0.50 għal kull lejl
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid kif il-Ministeru għat-Turiżmu qed jagħti s-sehem tiegħu biex jintefqu l-fondi miġbura mill-ħlas ta’ €0.50 għal kull lejl li persuna tħallas meta toqgħod f’residenzi turistiċi? Jista’ jgħid ukoll liema kienu l-proġetti proposti mill-Ministeru jew mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) li ġew iffinanzjati minn dawn il-fondi?
Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu — Public Expo Village 2025 - Nefqa
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 28670 u jgħid jekk il-Ministeru u/jew entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, ħadux sehem fil-Public Expo Village 2025 li saret f’Ta’ Qali mill-21 sal-25 ta’ Mejju 2025? Jekk iva, liema dipartimenti ħadu sehem, x’kien id-daqs tal-istand/stands tagħhom u kemm kienet in-nefqa ta’ kull dipartiment, kif ukoll in-nefqa totali tal-Ministeru fuq din l-Expo?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-istand tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu fil-Public Service Expo Village 2025 ġiet tiswa €88,700 (excl. VAT).
F’din l-istand kien hemm:
• Mappa interattiva għall-pubbliku sabiex jifhem aktar fejn Malta għandha rappreżentazzjonijiet barra minn xtutna u l-ħidma bilaterali u multilaterali f’dak il-pajjiż.
• Żona fejn l-entitajiet illi jaqgħu taħt id-dekasteru tal-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu setgħu jagħtu informazzjoni lill-pubbliku dwar ħidmiethom u opportunitajiet ta’ karrieri.
• Żona fejn ġew ipprovduti pariri konsulari ta’ wieħed x’għandu jagħmel qabel ma jsiefer, kif ukoll f’każ ta’ emerġenza. Din l-area kienet forma ta’ mongolfiera (sabiex tqajjem sentiment ta’ nostalġija kif kien isir l-ivvjaġġar qabel bejn pajjiż u ieħor). F’din iż-żona wkoll ġiet ipprovduta informazzjoni kif wieħed jista’ jingħaqad mal-Ministeru permezz ta’ sejħiet differenti.
• Żona ta’ Realtà Virtwali fejn fiha l-pubbliku seta’ jesperjenza l-binja tal-Kunsill tal-Ewropa, hekk kif Malta ħadet il-Presidenza tal-Kunsill tal-Ewropa. L-entità Maltija għat-Turiżmu pprovdiet lill-pubbliku l-esperjenza ta’ realtà virtwali b’xeni t’attrazzjonijiet turistiċi. Barra minn hekk, il-pubbliku kellu wkoll l-esperjenza permezz ta’ Augmented Reality tas-Sacra Infermeria.
• Rokna fejn il-pubbliku seta’ jħalli l-kummenti tiegħu jew l-opinjoni dwar diversi temi.
• Kien hemm ukoll screens li juru d-distanza bejn Malta u l-bliet fejn il-Ministeru għandu missjonijiet diplomatiċi.
• Żona fejn il-pubbliku seta’ jipparteċipa f’lotterija billi jwieġeb għal 3 domandi relatati mal-ħidma tal-Ministeru u jidħol biċ-ċans illi jirbaħ premjijiet differenti pprovduti mill-entitajiet tal-Ministeru.
• Videos informattivi rigward il-ħidma tal-Ministeru u s-servizzi pprovduti kemm mill-entitajiet u l-Ministeru.
• Area ta’ diskussjoni li kienet tinkludi s-suġġetti edukattivi bħal:
o Malta għal klima aħjar u oċeani protetti
o Id-diplomazija kulturali - il-qawwa tal-ispirtu kreattiv Malti !
o Malta fil-Qalba tal-Unjoni Ewropea
o Il-Mediterran - Il-qalba tad-diplomazija tagħna !
o Pajjiż li dejjem iħalli impatt
o Malta tmexxi l-Presidenza tal-Kunsill tal-Ewropa
o Malta destinazzjoni Globali
o Opportunitajiet Globali għall-Maltin - Kummerċ u Turiżmu
• Fl-istess area saru wkoll;
o preżentazzjonijiet mill-ITS rigward Climate Friendly Travel , Cake Decoration, Tourist Guiding, Wine theoretical session, Mocktails session.
o Logħob edukattiv b’domandi relatati mal-ħidma tal-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu.
Din l-attività kopriet il-parteċipazzjoni wkoll ta' Trade Malta, Malta Tourism Authority, Mediterranean Conference Centre, Institute for Tourism Studies. L-Expo Village tas-Servizz Pubbliku din is-sena żaruh 76,264 persuna.
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid għal liema raġuni Malta rratifikat il-konvenzjoni tal-1954 relatata mal-istatus ta’ persuni stateless fil-11 ta’ Diċembru tal-2019, iżda għadha ma ffirmatx il-konvenzjoni tal-1961 dwar it-tnaqqis tal-istatelessness?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant biex tirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid x’għajnuna umanitarja tat jew qed tagħti Malta lill-poplu Palestinjan, speċjalment fil-medda ta’ Gaza?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif spjegajt fil-mistoqsijiet parlamentari 22858 u 24730, il-Gvern Malti – inkluż il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu – qed ikompli joffri għajnuna umanitarja konkreta għall-benefiċċju tal-poplu Palestinjan. Din tinkludi:
• Fil-ġimgħat riċenti, Malta kompliet b’inizjattiva umanitarja ta’ evakwazzjoni ta’ tfal Palestinjani li qed ibatu minn mard serju, flimkien mal-ġenituri tagħhom, miż-żona ta’ Gaza. Sa issa, erbat itfal ġew evakwati u miġjuba Malta fejn qed jirċievu kura medika urġenti.
• Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu approva donazzjoni ta’ €70,000 biex tindirizza l-ħtiġijiet urġenti fil-Palestina. Din l-għajnuna ser tingħata lil organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Maqgħuda li qed taħdem direttament f’Gaza, b’enfasi fuq is-sitwazzjoni umanitarja tal-popolazzjoni ċivili.
• Il-Ministeru qed jippjana wkoll li jalloka fondi addizzjonali fil-ġimgħat li ġejjin biex isaħħaħ l-appoġġ lill-poplu Palestinjan. L-għajnuna se tiffoka fuq il-ħtiġijiet l-aktar essenzjali, inklużi l-appoġġ kontinwu lill-Aġenzija tan-Nazzjonijiet Maqgħuda għall-Għajnuna u x-Xogħol għall-Palestinjani (UNRWA), u organizzazzjonijiet oħra li jipprovdu ikel u kura tas-saħħa.
• Malta ser tkompli tgħin ukoll fil-qasam edukattiv. Għas-sena akkademika 2025/2026, il-Ministeru se jiffinanzja żewġ boroż ta’ studju fil-livell ta’ Masters fl-Università ta’ Malta għal studenti Palestinjani, kif ukoll boroż għal diplomatiċi Palestinjani biex jistudjaw fl-Akkademja Mediterranja tal-Istudji Diplomatiċi (MEDAC).
Fl-aħħar nett, nixtieq nerġa’ ntenni l-impenn sod tal-Gvern Malti favur il-kawża tal-paċi f’Gaża. Malta tkompli taħdem mill-qrib ma’ sħab internazzjonali biex tħeġġeġ għall-waqfien mill-ġlied bejn Iżrael u l-Hamas, filwaqt li tħares lejn il-ħtieġa urġenti li tiżdied b’mod sostanzjali l-għajnuna umanitarja li tkun tista’ tidħol mingħajr xkiel f’ Gaza, sabiex jiġu indirizzati l-bżonnijiet kruċjali tal-popolazzjoni ċivili.
Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu — Credit/Debit cards
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 23594 fejn intqal li l-informazzjoni kienet għadha qed tinġabar, issa li għaddew ix-xhur, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid jekk l-entitajiet li jaqgħu taħtu jagħmlux użu minn credit/debit card pubblika u min għandu l-faċilità li juża kull credit/debit card? Għal xiex tintuża kull credit/debit card u x’inhu l-limitu ta’ nefqa kuljum għal kull credit/debit card? Jista’ jgħid ukoll x’kienet in-nefqa minn April 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b’xahar u xi nxtara, item item, b’din il-credit/debit card?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi hemm 4 entitajiet taħt id-dekasteru tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu li b'kollox inħarġulhom 8 debit cards. Il-ħruġ ta’ card isir biss wara li jkun hemm l-approvazzjoni tal-Ministeru għall-Finanzi u l-approvazzjoni tas-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru tiegħi, skont il-proċedura stabbilita. Inżid ngħid illi kull nefqa ssir skont u fil-parametri stabbiliti ta’ kif għandhom jintużaw il-fondi pubbliċi.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19497 li ngħatat fit-18 ta’ Ġunju 2024, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid fiex waslu n-negozjati bejn il-Gvern Malti u s-Santa Sede dwar ftehim ġdid li jirregola l-proprjetà immobbli li l-Knisja Kattolika għaddiet lill-Istat Malti fl-1991 u għaliex qed isiru dawn in-negozjati?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-negozjati bejn il-Gvern u s-Santa Sede dwar Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim tal-1991 bejn iż-żewġ partijiet dwar propjetà immobbli li l-Knisja Kattolika għaddiet lill-Istat Malti komplew iktar kmieni din is-sena, fis-17 ta’ Frar. Waqt din il-laqgħa, iż-żewġ naħat qablu li l-Protokoll Addizzjonali m’għadux aktar meħtieġ ġaladarba l-istruttura preżenti qed taqdi dmira.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-membri tal-Kumitat dwar Kemmuna? Jista’ jgħid ukoll kemm-il darba dan il-Kumitat iltaqa’ matul din is-sena, x’ġie diskuss s’issa, x’kien l-eżitu tad-diskussjonijiet, u kull meta jiltaqa’ dan il-Kumitat?
Response (BORG, IAN)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta tal-mistoqsija Parlamentari Numru 28325 f’dak li għandu x’jaqsam mal-membri tal-Kumitat dwar Kemmuna. Fir-rigward tat-tieni parti tal-mistoqsija parlamentari, ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kumitat iltaqa’ darbtejn. Bħala riżultat tad-diskussjonijiet ġie deċiż li:
i. Titkabbar is-swimming zone filwaqt li tkun iktar sigura għall-għawwiema;
ii. Isir xogħol ta’ manutenzjoni u riparazzjoni minuri fejn ikun meħtieġ;
iii. Is-sistema ta’ mmaniġġjar tal-iskart tissaħħaħ u titjieb;
iv. Ikun hemm faċilitajiet sanitarji addizzjonali;
v. Ikun hemm aktar infurzar;
vi. Jitwaqqaf Unit li jieħu ħsieb jikkoordina l-immaniġġjar taz-zona tal-Blue Lagoon; u
vii. Tinħoloq applikazzjoni (App) sabiex min ikun sejjer il-Blue Lagoon ikollu japplika permezz tal-App fil-ħinijiet (slots) speċifikati. Ma jitħallewx iktar minn 4,000 viżitatur fl-istess ħin.
viii. Tintefa’ applikazzjoni mal–Awtorità tal–Ippjanar għal titjib tal–faċilitajiet Infrastrutturali ġewwa Blue Lagoon.
Apparti dawn il-laqgħat, kien hemm ukoll laqgħat oħra ad hoc bejn l-entitajiet on site, a fini ta’ koordinament.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jagħti rendikont dettaljat tal-ispejjeż relatati mal-influencers barranin li ġew mistiedna f’Malta sabiex jippromwovu l-pajjiż bħala destinazzjoni turistika? Jista’ jgħid ukoll b’mod partikolari:
i. kemm tħallsu individwalment dawn l-influencers;
ii. x’kien il-proċess u l-kriterji tal-għażla tagħhom;
iii. kemm mill-ispejjeż l-oħra ġew koperti, bħal titjiriet, akkomodazzjoni, trasport, ikel jew perks oħra; u
iv x’kienet l-ispiża totali relatata ma’ din il-kampanja promozzjonali, inkluż l-extra kollha?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.
Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu — Credit/Debit cards
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 23576 fejn intqal li l-informazzjoni kienet għadha qed tinġabar, issa li għaddew ix-xhur, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid kemm-il credit/debit card pubblika għandu maħruġa għall-użu tiegħu u tal-Ministeru tiegħu u min għandu l-faċilità li juża kull credit/debit card? Għal xiex tintuża kull credit/debit card u x’inhu l-limitu ta’ nefqa kuljum għal kull credit/debit card? Jista’ jgħid ukoll x’kienet in-nefqa minn April 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b’xahar u xi nxtara, item item, b’din il-credit/debit card?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi b’kollox hemm erbgħa (4) cards taħt id-dekasteru tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu. Il-ħruġ ta’ card isir biss wara li jkun hemm l-approvazzjoni tal-Ministeru għall-Finanzi u l-approvazzjoni tas-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru tiegħi, skont il-proċedura stabbilita. Inżid ngħid illi kull nefqa ssir skont u fil-parametri stabbiliti ta’ kif għandhom jintużaw il-fondi pubbliċi. Il-ħlas isir mil-line item rispettiv kif approvati fl-estimi finanzjarji tal-baġit u li kopja tagħhom diġà tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid kemm kien hemm ħaddiema ġodda mill-Ministeru tiegħu f’Kemmuna qabel April 2025, u kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda f’dawn l-aħħar ġranet? Jista’ jgħid ukoll x’tip ta’ xogħol qed iwettqu dawn il-ħaddiema, x’inhuma l-ħinijiet tax-xogħol tagħhom, kemm minnhom huma impjegati tas-Servizz Pubbliku u kemm minnhom huma tal-kuntrattur?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li la l-Ministeru u lanqas l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA), ma kellhom ħaddiema li kienu speċifikament stazzjonati f’Kemmuna qabel April 2025.
Madankollu, l-MTA dejjem kellha ħaddiema fl-uffiċċju tagħha ġewwa Għawdex li jwettqu xogħol f’Kemmuna matul ix-xhur tas-sajf. Dan ix-xogħol jinkludi sorveljanza, tindif u ġestjoni tal-bajjiet. Sostanzjalment, kien ikun hemm numru ta’ ħaddiema fuq xogħol ta’ nfurzar u mmaniġġjar tal-bajjiet li kienu jvarjaw bejn tlieta (3) u erbgħa (4); żewġ (2) ħaddiema fuq xogħol ta’ tindif u numru ta’ ħaddiema ta’ kuntratturi fuq tindif kontinwu (2) u sigurtà (1).
Wara April 2025, l-MTA żammet l-istess impenn mill-uffiċju tagħha f’Għawdex, però kellu jiżdied l-element ta’ immaniġġjar, tindif u sigurtà sabiex jiġi żgurat li n-numru ta’ viżitaturi jkun dejjem ikkontrollat u konformi mal-pjan tal-Gvern li jipprovdi esperjenza pożittiva fuq il-gżira.
Qed jintużaw tlett persuni għal immanniġġjar li diġà huma mpjegati fis-Settur Pubbliku, u tnejn li ġew ingaġġati temporanjament. Hemm ukoll sitt persuni li qed jiġu ingaġġati għal skopijiet ta’ tindif u disa’ persuni għal skopijiet ta’ sigurtà, liema persuni huma ngaġġati minn kuntratturi.
Infakkar lill-Onor. Interpellant illi din l-inizjattiva mhux qed tiġi mplimentata biss mill-Ministeru responsabbli mit-Turiżmu u l-MTA, imma hemm numru ferm akbar ta’ stakeholders u entitajiet bir-riżorsi tagħhom.