kunsilli lokali — applikazzjonijiet għal toroq residenzjali
Question
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 35809 u 35500 u jgħid liema huma l-kunsilli lokali li kitbu lill-awtoritajiet kkonċernati rigward it-toroq li qatt ma saru fil-lokalitajiet tagħhom u li l-Gvern Ċentrali hu responsabbli għalihom? Huwa possibli li tibgħat meta saru t-talbiet minn kull kunsill lokali għal kull triq residenzjali li qatt saret? X'kienet ir-risposta tal-awtoritajiet ikkonċernati fuq kull triq?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni hekk kif ipprovduta mill-Kunsill Lokali.
Fid-dawl ta' diversi rapporti fil-media li hemm għadd ta' sindki li għandhom jirrifondu parti mill-onorarja tagħhom lill-Kaxxa ta' Malta, jista' l-Prim Ministru jgħid, b'kollox, liema kienu dawn is-sindki, x'kienu l-ammonti dovuti każ każ, u kemm kien mistenni jiġbor b'kollox il-gvern minħabba dan il-ħlas żejjed?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li s-somma li l-Gvern mistenni li jirkupra hija ta’ € 95,038.78. Dawn il-flus ser jibqgħu għand il-Kunsilli Lokali rispettivi. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ Sindki jew ex-Sindki li għad għandhom bilanċ x’iħallsu.
Intant il-Kunsilli Lokali nfushom u l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali Azzjoni qed jieħdu l-azzjoni neċessarja biex dawn il-flus ikunu rifużi kollha.
Unjoni Ewropea — immigranti irregolari li ġew resettled
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ġew resettled immigranti irregolari li ġew pajjiżna b'kollox fl-Unjoni Ewropea minn kemm ilna membri tal-Unjoni Ewropea?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li n-numru ta’ immigranti li ġew rilokati fi Stati Membri tal-Unjoni Ewropea mid-data tas-sħubija sa llum jammonta għal 602 persuni. Dan in-numru hu mistenni li jkompli jiżdied fix-xhur li ġejjin għax hemm talbiet li qegħdin jiġu pproċessati.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 36188 u 35989 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-korrispondenza rigward ERDF funds bejn il-PPCD u l-Kunsill Lokali ta’ Ħad-Dingli, ir-Rabat, Ħ’Attard u Ħal-Lija bejn l-1 ta’ Frar 2010 u t-30 ta' Ġunju 2010?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li tajt f’Mistoqsija Parlamentari Numru W585.
Kunsill Lokali tal-Mosta — deċiżjoni għad-dawl fil-ġnien ta' wara l-knisja
Question
Jista' l-Prim Ministru jara li l-Kunsill Lokali tal-Mosta jieħu d-deċiżjoni u iwettaq il-ħidma sabiex il-ġnien ta' wara l-Knisja parrokjali jkun aktar imdawwal sabiex jitnaqqsu l-abbużi li qed isiru u qed iwasslu għal indiċenzi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Mosta li f’April li għadda ħa ħsieb xogħolijiet ta’ titjib tal-ġnien imsemmi. Fost l-oħrajn il-Kunsill Lokali sejjaħ diversi drabi lill-kuntrattur tad-dawl dwar in-nuqqas ta’ dawl li kien hemm fil-ġnien. Infurmat mill-Kunsill Lokali li jirriżultalu li l-parti l-kbira tal-ġnien tinsab imdawwla.
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar x’saret mill-applikazzjoni tal-persuna li d-dettalji taghha qed jingħataw separatament, sabiex tidħol fil-Korp tal-Pulizija? Japprezza li l-persuna indikata ilha li applikata minn meta kien hemm sejħa f’Mejju li għadda u jidher li għaddiet mill-physical test u saritilha anke interview, però baqgħet bla risposta?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat illi l-persuna msemmija mill-Onorevoli Interpellant, ma għadditx mill-intervista.
Jista' l-Prim Ministru jghid fuq liema kriterju l-individwu li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li applika biex jidħol fil-Korp tal-Pulizija, ġie aċċettat u wara ġie rifjutat minħabba l-contact lenses meta membri oħra tħallew jidħlu b'kundizzjoni simi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat illi l-persuna msemmija mill-Onorevoli Interpellant, ma ssodisfatx ir-rekwiżit dwar il-vista tal-għajnejn skont ir-regolament 3(b)(ii) tar-Regolamenti dwar il-Pulizija ta' Malta (Avviż Legali 14/60 kif sussegwentament ammendat) u dan wara li naqset li tilbes il-contact lenses sabiex tkun tista' tikkorreġi l-vista tagħha.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk il-pulizija hux se jkunu qed jinvestigaw kriminalment ir-rapporti li dehru fil-mezzi tax-xandir li persuni mietu kawża ta’ intossikazzjoni mit-trattament tal-kemoterapija?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat illi l-pulizija qed tinvestiga l-allegazzjonijiet imsemmija mill-Onorevoli Interpellant, kif ukoll qed issir inkjesta mill-Maġistrat ta’ l-Għassa.
Furjana — Arena tal-Indipendenza - talba għal public toilet
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk saritx talba mill-kunsill lokali sabiex jiġi stallat public toilet fl-inħawi tal-Arena tal-Indipendenza fil-Furjana peress li filgħaxija l-ġonna pubbliċi fl-inħawi jkunu magħluqa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat illi l-Kunsill Lokali tal-Furjana qatt ma għamel tali talba. Madankollu ninsab infurmat li l-Kunsill Lokali jipprovdi faċilità ta’ mobile toilet fix-xhur tas-Sajf fl-inħawi li qed jirreferi għalihom l-Onorevoli Interpellant.
Jista' l-Prim Ministru jgħid fil-promozzjonijiet li ngħataw lill-Pulizija dan l-aħħar, kemm ibbenefikaw minnhom Pulizija tad-Distrett? Kemm saru promozzjonijiet? Kemm jaħdmu pulizija fid-distretti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat illi l-aħħar promozzjonijiet fil-Korp tal-Pulizija ngħataw f’Ottubru tas-sena l-oħra wara li kienet saret sejħa għall-applikazzjonijiet sabiex jintlew postijiet vakanti fir-rank ta’ spettur u surġenti. Fil-każ ta’ Spetturi, b’kollox kienu saru 31, li 9 minnhom kienu qed iservu fid-Distretti qabel ma’ ġew promossi, filwaqt li 8 kienu minn barra l-Korp. Kienu wkoll saru 58 surġent li 30 minnhom kienu qed iservu fid-Distretti.
Infurmat ukoll fil-preżent hemm 967 membru tal-Korp tal-Pulizija stazzjonati fid-Distretti tal-Pulizija.
B'refereza għall-artiklu, li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, li jirrigwarda l-operat tal-kunsill lokali ta' Ħal Lija u li kien ippubblikat fl-Orizzont tad-19 ta' Settembru 2012, jista' l-Prim Ministru jgħid x'azzjoni ttieħdet fuq l-akkużi magħmula minn membru tal-istess kunsill?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-Monitoring Unit fi ħdan id-Dipartiment għall-Gvern Lokali qed isegwi l-każ. Fil-fatt talab lill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Lija sabiex jissottometti r-reazzjonijiet tiegħu. Id-Dipartiment għall-Gvern Lokali hu nfurmat li l-kontenut tal-ittra msemmija ser jiġi diskuss fil-laqgħa li jmis li hi skedata għat-12 ta’ Ottubru.
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'qed iżomm lid-Dipartiment għal Gvern Lokali milli jaħtar lill-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament bħala deputat segretarju eżekuttiv ta' kunsill partikolari?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat li fil-ġranet li ġejjin se jinħatar Aġent Segretarju Eżekuttiv għal Kunsill Lokali ta’ Ħal Kirkop.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk huwiex iż-żmien li s-suldati jkunu attrezzati b’apparat sabiex jipprevjenu kontra l-attakki tal-ġemgħa tal-istess immigranti irregolari li jseħħu spiss l-aktar meta jafu li s-suldati jkunu out numbered , jiġifieri suldat wieħed f’kontroll kontra ġemgħa li tista’ tlaħħaq sa 275 immigrant irregolari?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-prassi aċċettata f'ċentri tad-detenzjoni madwar l-Ewropa hija li l-impjegati tas-sigurta' ma jkunux armati imma joqgħodu fuq l-esperjenza tagħhom u s-sigurta' tal-post biex jevitaw li jiġu megħluba minn ġemgħa ta' nies fid-detenzjoni. Infurmat li hekk isir ukoll mis-Servizz tad-Detenzjoni hawn Malta fejn, f'ċirkustanzi ta' inkwiet minn ġemgħa immigranti, l-uffiċjali tad-detenzjoni jistgħu jitolbu l-għajnuna ta' l-Armata u l-Pulizija jekk ikun meħtieġ.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk huwiex il-każ li ġewwa ċ-ċentru ta’ detenzjoni f’Safi Barracks, ssir emergency exit biswit l-guard room sabiex jiġu protetti l-interessi tas-suldati u d-detention officers li spiss jispiċċaw maqbuda fl-istess guard room meta jisfaw attakkati bi tfiegħ ossia ta’ misħun u affarijiet oħra fosthom urine, fejn saħansitra riċenti esperjenza dan l-espert tal-qorti li kien mibgħut fuq is-sit?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li bħalissa qed jiġu kkunsidrati xogħolijiet fil-guardroom tal-B Block fiċ-Ċentru tad-Detenzjoni ta’ Ħal Safi biex isirilha ħruġ ieħor fuq in-naħa ta' wara.
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'kienu l-inizjattivi li ħadu l-kunsilli lokali lokal lokal vis-à-vis għal żoni pedonali fil-lokalitajiet tagħhom mis-sena 2011 sal-lum?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'ġara mill-ħaddiema tat-Tribunali Lokali f'Malta u Għawdex waqt it-transizzjoni minn Kumitati Konġunti għal Kumitati Regjonali u x'qed isir sabiex jiġu integrati f'dan ir-rigward?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 35812.
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'kien sar mill-każ ta' fejn raġel Malti li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li jgħix il-Kanada rrapporta li weġġa', lil għassa ta' Bormla, minħabba l-proġett tal-Baċir Numru 1 Bormla s-sena l-oħra? X'passi ħadu l-Pulizja fuq dan il-każ s'issa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat illi nhar il-5 ta’ Novembru tas-sena l-oħra, s-Sur David Bonanno kien għamel rapport fl-Għassa tal-Pulizija ta’ Bormla, fejn allega illi ħames t’ijiem qabel, iġifieri fil-31 ta’ Ottubru, waqt li huwa kien miexi fi Triq il-Pellegrinaġġ, Bormla, sabiex imur fil-fergħa tal-HSBC, huwa kien tfixkel ġo ħofra u waqa’ ma’ l-art. Is-Sur Bonanno żied jgħid li b’konsegwenza ta’ dan huwa kien sofra ġrieħi f’saqajħ il-leminija. Huwa kompla jirraporta li l-għada, ċioe’ nhar l-1 ta’ Novembru, huwa kellu jmur l-Isptar Mater Dei minħabba l-uġieħ li kellu f’saqajħ, fejn wara li kien eżaminat ġie ċċertifikat li kien qed isofri minn ġrieħi ta’ natura hafifa. Is-Sur Bonanno kompla jinforma lill-Pulizija li huwa kien qed jagħmel ir-rapport għal referenza futura.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' każijiet ta' serqiet minn stabbilimenti kummerċjali rappurtati lill-pulizija matul l-ewwel sitt xhur tas-sena?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat illi matul l-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena, ġew irrapportati lill-pulizija 303 serqiet minn stabbilimenti kummerċjali, li 81 kienu għad-detriment ta’ impjegati jew parruċċani li kienu fil-ħwienet.