Legislature:
Category:
Reset
Active:

Sejħa għall-bejgħ tas-Selmun Palace Hotel

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-lukanda Selmun Palace hux se terġa' toħroġ għall-bejgħ, jekk il-proċess ta' qabel ma ġiex konkluż?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f'seduta oħra.

servizz tad-dawl

Question

Jista' l-Ministru jara jekk hux possibli li l-familja li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, jerġa' jkollha s-servizz tad-dawl provdut lilha?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi s-servizz tal-elettriku imsemmi mill-Onorevoli Interpellant kien ġie sospiż minnħabba kontijiet pendenti li jammontaw għal €3,301.62. Dan is-servizz jerġa jingħata lura ladarba l-klijent jagħmel arranġament għall-ħlas ta’ dan l-ammont pendenti.

Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — membri ingaġġati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm membri tas-Segretarjat Privat tal-Ministeru li kien ġew ingaġġati b’kuntratt definit jew indefinit (tweġibiet separati) li fl-aħħar xhur/ġimgħat ġew ingaġġati fuq bażi ġdida kuntrattwali mal-Ministeru tiegħu u/jew ta' ħaddieħor u/jew ma' xi aġenzija, awtorità, entità parastatali jew governattiva li taqa' taħtu u/jew ta’ xi Ministeru ieħor? Jista' jagħti dettalji sħaħ anki jekk ma jingħatawx ismijiet ta’ kull każ involut?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-ebda membru tas-Segretarjat ma jista jkollu kuntratt indefinit peress li dawn il-membri kollha jkollhom ‘political appointment’. Teżisti differenza fejn uħud mill-membri tas-Segretarjat ikunu ġa mpjegati mal-Gvern jew entitajiet governattivi filwaqt li jkun hemm oħrajn ġejjin minbarra ċ-ċivil jew entitajiet governattivi li huma msejħa bħala ‘external’. Għat-tieni parti tad-domanda, ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta hija fin-negattiv.

Servizz ta' konsulenti lill-MFSA — kumpaniji

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 36897, peress li l-ismijiet ta' min ipprovdi s-servizz meta dan jikkonsisti f'body corporate (u mhux allura individwu), l-isem jidher li ma jindikax x'tip ta' kumpanija hija, jista' l-Ministru, għal kull waħda minn dawn li ħadu l-kuntratt, ipprovdew is-servizz u tħallsu, jgħid l-isem komplet tal-kumpanija (partikolarment għall-kumpaniji li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament), fejn hija rreġistrata u fejn hi fiżikament residenti?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Servizzi ta' konsulenti fil-MFSA

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 36897, jista' l-Ministru jispjega x'servizz tat l-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament fl-2012 meta fir-risposta ma ġie speċifikat xejn avolja tħallset €57,276.84?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li s-Sur Piero Ugolini kien Assistant Direttur tal-IMF u kien appuntat mill-IMF u l-World Bank bħala kap ta’ missjoni biex jagħmel l-ezerċizzju tal-FSAP. Huwa ġie inkarigat mill-MFSA bħala l-assessur prinċipali f’internal audits u assessment indipendenti skond il-Basel Core Principles (BCP), International Organisation of Securities Commission (IOSCO) u International Association of International Supervisor (IAIS) fis-setturi supervisorji kollha tal-MFSA. Ir-rapport komplet ta’ dan l-eserċizju jinstab fuq il-website tal-MFSA. Aktar riċenti, l-istess uffiċjal kien Malta biex jagħti konsulenza u jagħti training lil impjegati regulatorji tal-MFSA fuq Prompt Corrective Action skond il-liġijiet tas-servizzi finanzjari u anke biex jgħin fl-ezerċizzju ta’ stress testing li sar fuq il-banek lokali. Ta konsulenza wkoll biex jiġu identifikati indikaturi u kriterji ta’ riskji fis-settur finanzjarju biex dan ikun regulat b’sistemi aktar addattati.

Servizzi ta' konsulenti lill-MFSA — Taxxa tal-valur aġġunt

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 36897, jikkonferma l-Ministru li għal dawn is-servizzi, it-Taxxa tal-Valur Aġġunt tħallas f'Malta jew fil-pajjiż tal-Unjoni Ewropea l-ieħor u f'każ tal-aħħar, jekk l-MFSA irċevitx taxed invoice skont il-kundizzjonijiet li japplikaw fl-Unjoni Ewropea?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li it-Taxxa tal-Valur Aggunt fuq dawn is-servizzi kollha (fejn tapplika) dejjem ġiet imħallsa Malta taħt is-sistema li tapplika ta’ reverse charge.

Servizzi tal-konsulenti lill-MFSA — security company

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 36897, jista' l-Ministru jgħid għaliex l-isem tas-security company ma ġiex żvelat? Għaliex seta' kien hemm dan il-bżonn meta l-pajjiż għandu Korp ta' Servizzi Sigrieti wieħed? Fiex jikkonsistu dawn is-servizzi?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li dawn is-servizzi minn kumpanija internazzjonali fil-qasam ta’ Sigurta’ jingħataw meta l-Awtorita’ tħoss il-bżonn li tagħmel verifika indipendenti (due diligence)fuq l-integrita’ ta’ persuni jew azjendi internazzjonali li japplikaw biex tingħatalhom liċenzja biex joperaw fil-qasam tas-servizzi finanzjarji minn Malta jew fil-każ ta’ individwi, biex ikunu uffiċċjali għolja ta’ kumpaniji li japplikaw biex jiġu awtorizzati mill-MFSA. Dan ix-xogħol isir biex l-MFSA tassigura ruħha li ma jkunx hemm abbużi f’dan il-qasam u ma tippreġudikax l-integrita’ u l-kompetivita ta’ Malta fil-kamp tas-settur finanzjarju. L-isem tal-kumpanija kkonċernata ma’ ġiex svelat għal finijiet ta’ sigurtà.

Servizzi ta' konsulenti lill-MFSA — direct orders lill-kumpaniji

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 36897, jista' l-Ministru jiġġustifika x-xogħol sar biex erba' kumpaniji (li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament) li ħadu dawn id-direct orders ingħataw xogħol kull sena u tħallsu ammont esorbitant?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li x-xogħol li nagħtaw dawn l-entitajiet huwa xogħol ta’ konsulenza, riċerka u żvillup fl-oqsma ta’ servizzi ta’ strateġiji fil-komunikazzjoni, opportunitajiet ta’ investimenti ġodda fis-servizzi finanzjarji f’Malta, biex jiġi protett u titkabbar ir-reputazzjoni internazzjonali ta’ Malta bħala ċentru għas-servizzi finanzjarji, jinagħtaw pariri tekniċi u strateġici biex jiġi żviluppat dan is-suq fil-qasam ta’ finanzi u taxxa bl-għan li Malta tibqa ġurisdizzjoni kompetitiva, jirraprezentaw u jassistu lill-MFSA f’laqgħat internazzjonali fuq temi fiskali bħal taxxa, leġislazzjoni u regoli ġodda bl-għan li jiġu introdotti f’Malta, jagħtu pariri biex tiġi żviluppata leġislazzjoni ġdida, tirraporta żviluppi li qed isiru f’ġurisdizzjonijiet oħra u internazzjonali, jiġu żviluppati sistemi ġodda u aktar effettivi ta’ regulazzjoni u superviżjoni, u li dawn jiġu irraportati b’mod kontinwu lil MFSA biex jittieħdu l-azzjonijiet neċessarju u korrettivi fejn ikun hemm il-bżonn.

Servizzi ta' konsulenti lill-MFSA — flus imħallsa lill-kumpanija

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 36897, jista' l-Ministru jgħarraf lill-Kamra x'benefiċċju setgħet ħadet Malta ta' dawn il-flus kollha mħallsin lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, li d-direttur u l-fundatur tagħha li kien jaħdem mal-Financial Services Authority tar-Renju Unit u għal inkompentenza u l-fjask li għamel fir-rigward tal-falliment tan-Norther Rock fl-2008, intalab iħalli l-FSA mill-aktar fis possibbli biex sab xi samaratani tajba fl-MFSA immexxija mill-persuni li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li s-Sur Clive Briault u Anchor Reputation Management m’ għandhom l-ebda konnessjoni. Il-benefiċċji li ħadet l-MFSA fix-xogħol tagħha ta’ żvilupp kontinwu fil-qasam tas-servizzi finanzjarji f’Malta minn dawn il-konsulenti ġew deskritti b’ċertu dettal fil-mistoqsija parlamentari numru 37459.

Ħela ta' enerġija ġenerata

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk jeżistix perjodu fil-ġurnata li tiġi ġġenerata enerġija mill-power station li ma tintużax jew li tiġi ġġenerata enerġija iktar milli għandu bżonn il-pajjiż u għalhekk jinħela? F'liema huma dawn il-ħinijiet tal-ġurnata u kemm tkun l-enerġija ġġenerata li ma tintużax?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

Inċentivi fiskali fuq proċessi ta' konservazzjoni u impjanti ta' ġenerazzjoni t'enerġija

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw matul l-2012 inċentivi fiskali lil dawk l-industriji li jikkonsmaw ‘il fuq minn 2GwH fis-sena u li investew fi proċessi ta’ konservazzjoni u impjanti ta’ ġenerazzjoni t’enerġija minn sorsi nodfa ? Jista' jgħid kemm kienu dawk li bbenefikaw minn dawn l-inċentivi ?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi matul is-sena 2012 ġew approvati sitt (6) proġetti li bejniethom kwalifikaw għal inċentivi fiskali b’valur ta’ EUR 4.7 miljuni. Dawn il-proġetti mistennija jħallu benefiċċji sostanzjali li jissarrfu fi frankar ta’ enerġija u anke ġenerazzjoni ta’ enerġija minn sorsi nodfa u renovabbili. Din l-għajnuna tingħata bħala ‘Investment Aid’ taħt il-liġi tal-Malta Enterprise. Sa issa, ebda minn dawn il-proġetti għadu ma tlesta.

Depożiti u self fil-banek Maltin u Għawdxin

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 37231 u 37430 u jgħid kemm kienu d-depożiti fil-banek u kemm kien is-self mill-banek f’Malta u f’Għawdex separatament fl-aħħar ta’ Diċembru 2010, fl-aħħar ta’ ta’ Settembru 2011, fl-aħħar ta’ Diċembru 2011, fl-aħħar ta’ Marzu, ta’ Ġunju u ta’ Settembru 2012? Kemm kien hemm kontijiet ta’ depożitu u ta’ self rispettivament fl-istess dati? Jista’ jagħti tagħrif dwar is-self maqsum f’home loans, overdrafts u self ieħor?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għal Għawdex — standard item of expenditure

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'kienet in-nefqa taħt kull standard item of expenditure tal-vot rikorrenti tal-Ministeru għal Għawdex sal-aħħar ta’ Settembru u sal-aħħar ta’ Ottubru ta’ din is-sena? Jista jgħid x’hemm flus kommessi biex jitħallsu din is-sena taħt kull standard item?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi t-Tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra turi kif kienet l-ispiża bejn Jannar u Settembru 2012 taħt il-Vot Rikurrenti tal-Ministeru għal Għawdex. Id-dettalji sa l-aħħar ta’ Ottubru jkunu jistgħu jingħataw fil-ġranet li ġejjin, meta t-Teżor ikun ipproċessa l-pagamenti u għalaq l-accounts ta’ Ottubru. Bilanċi li jifdal fil-vot, bħal kull vot ieħor rikurrenti, ikunu kommessi jew qegħdin jiġu kommessi b’mod regolari sabiex il-Ministeru jkun jista' jkompli jesegwixxi l-funzjonijiet tiegħu sal-aħħar tas-sena.

Enemalta — San Pawl il-Baħar - arbli tad-dawl fi stat ħażin

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hemm arbli tad-dawl li jinsabu fi stat ħażin, kif rappurtati lill-Korporazzjoni Enemalta, biex jinbidlu, fil-lokalità ta' San Pawl il-Baħar? Kemm ilhom hekk rappurtati dawn l-istess arbli tad-dawl? Kemm, u fejn , fl-istess lokalita inbidlu, jew inqalgħu arbli tad-dawl matul din is-sena?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.

Air Malta — GSA

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 36844 u jikkonferma li l-persuna li d-dettalji taghha qed jintbagħtu separatament huwa l-GSA tal-Air Malta ghall-pajjiz li d-dettalji qegħdin jintbagħtu separatament? Jista' jgħid jekk l-Air Malta tafx li din il-persuna qieghħa taffaċċja proċeduri legali fl-Israel għall-konkorrenza kummerċjali zleali?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Air Malta tappunta kumpaniji, mhux persuni individwali, bħala GSA tagħha. Il-GSA tal-Air Malta fl-Iżrael hija l-kumpanija Maltija Aviation Online, li ġewwa l-Iżrael hija rappresentata mill-kumpanija Global Representation. Ninsab infurmat ukoll illi l-Air Malta hija konsapevoli dwar is-sitwazzjoni referita mill-Onor. Interpellant u qed issegwi l-iżviluppi.

Dipartiment tat-Taxxa — tax payers

Question

B'referenza għall-aħħar sena bażi li jiddisponi minnha d-Dipartiment tat-Taxxa, jista' l-Ministru jindika n-numru ta’ tax payers (ħaddiema u self-employed) u l-ammont ta’ taxxa mħallsa skont kif muri fit-tabella li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba hija murija fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Din l-informazzjoni tirreferi għas-sena bażi 2010 (sena ta’ stima 2011) li hija l-aħħar sena fejn id-Dipartiment għandu l-informazzjoni kompleta. It-taxxa kkwotata hija qabel xi krediti ta’ taxxa li setgħu ġew mitluba. Rigward miżżewġin b’komputazzjoni komuni m’huwiex possibbli li l-informazzjoni tkun maqsuma bejn nisa u rġiel peress li taxxa f’dawn il-każijiet tkun ikkalkulata f’isem min hu l- account holder. Taxpayers oħra li la huma ħaddiema u lanqas self-employed (bħal pensjonanti) mhumiex inklużi.

talba għall-kont tad-dawl u l-ilma

Question

Jista' l-Ministru jara li jinħareġ il-kont tad-dawl u ilma tal-familja li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament peress li ilha ma tirċivih?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni ngħatat lill-ARMS Ltd li minn naħa tagħha ser tikkomunika direttament mal-klijent.

Kontijiet tad-dawl u ilma

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 35318, jista' l-Ministru jara l-każ tal-familja li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, peress li jidher li hemm xi żbalji fil-kontijiet tad-dawl u ilma?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li l-ARMS reġgħet għamlet kuntatt mal-klijent sabiex dan jirregola ruħu.

Malta Government Investments — laqgħat

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma u jindika x’inhu l-iskop li l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament qed iżomm laqgħat regolari ma' għadd ta' negozjanti fl-uffiċini tal-MGI – Malta Government Investments – wara l-ħin meta l-istaff ikun telaq?

Response (FENECH, TONIO)

Fil-Mistoqsija Parlamentari tiegħu, l-Onorevoli Leo Brincat qed jirreferi għas-Sur Alan Caruana, Chairman Eżekuttiv tal-Malta Government Investments Limited u direttur tal-MIMCOL li t-tnejn huma bbażati f’The Clock Tower, Tigne’. L-istaff imsemmija fl-istess Mistoqsija Parlamentari hu dak tal-MIMCOL. Ninsab infurmat illi l-laqgħat kollha li sejjaħ is-Sur Caruana huma ta’ natura professjonali li fihom ingħatat l-assistenza u kien hemm il-parteċipazzjoni ta’ l-istaff tal-MIMCOL kif kien meħtieġ u neċessarju. Ta’ min wieħed iżid li l-MIMCOL għandha mpjegati oħra responsabbli mis-sigurta’ fuq bażi ta’ erbgħa u għoxrin siegħa kuljum u sebat ijiem fil-ġimgħa. B’hekk, it-tip ta’ laqgħat li għalihom qed jalludi l-Onorevoli Brincat ma setgħu qatt saru.